DISKORS TAS-S.T.O. L-PRIM IMĦALLEF FL-OKKAŻJONI TAL-FTUĦ TAS-SENA FORENSI 2012-2013
Eċċellenza President ta’ Malta,
Onorevoli Ministru tal-Ġustizzja,
Sinjuri Presidenti Emeriti,
Sinjuri Prim Imħallfin Emeriti u Imħallfin Emeriti,
Sur Avukat Ġenerali,
Sur President tal-Kamra tal-Avukati,
Sinjuri Avukati u Prokuraturi Legali,
Sinjuri,
Nittama ma nsejt lil ħadd. Jekk iva, lil min nsejt nitolbu maħfra.
Għaddiet sena oħra. U minn mindu il-President ta’ Malta ogħġbu jsejjaħli nagħti s-servizz tiegħi bħala Prim’ Imħallef ġia għaddew sentejn u din hi t-tielet darba li jien għandi l-pjaċir inwieġeb għall-indirizz tiegħek f’din l-okkażjoni tal-ftuħ ta’ sena forensi ġdida. Wieħed jista’ jieħu l-impressjoni li din hi l-unika okkażjoni li aħna niddiskutu l-amministrazzjoni tal-ġustizzja. Int u jien it-tnejn nafu li dan ma hux il-każ. Matul is-sena niltaqgħu diversi drabi kemm fi ħdan il-Kummissjoni tal-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja kif ukoll bejnietna sabiex niddiskutu l-ħwejjeġ li jinteressaw l-amministrazzjoni tal-ġustizzja. Jien dejjem ammirajt il-frankezza u l-kjarezza tal-ħsibijiet tiegħek u nassigurak li minn għandi dejjem issib il-koperazzjoni mixtieqa u widna attenta għal kull ma tikkomunikali. Għalhekk hu dejjem pjaċir għalija li jien, f’din l-okkażjoni narak u nitkellem miegħek mill-ġdid sabiex nirringrazzjak għall-ħidma tiegħek u tal-kollegi tiegħek l-avukati matul is-sena u sabiex nawguralek ħidma fejjieda għall-ħarsien tad-drittijiet tal-pubbliku matul is-sena li ġejja. Nirringrazzjak ukoll tal-atteġġjament pożittiv u kostruttiv solitu tiegħek fid-diskors tiegħek ta’ llum.
Iżda ppermettili qabel xejn nagħti merħba lill-kollegi ġodda Imħallfin u Maġistrati li ssieħbu miegħi u mal-kollegi l-oħra fil-bank tal-ġudikatura u sabiex għal darb’ oħra nsellem lil dawk il-kollegi li rtiraw mill-kariga matul din l-aħħar sena forensi. Għalhekk nsellem lill-Imħallfin Alberto Magri u Geoffrey Valenzia li rtiraw matul is-sena li għaddiet wara snin twal ta’ servizz dedikat u rett fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja. Ħdimt magħhom mill-qrib u fis-skiet, u fis-skiet u mingħajr fanfarri rtiraw.
Minn naħa l-oħra nagħti merħba lill-Imħallfin Silvio Meli, Anthony Ellul, Jacqueline Padovani Grima u Robert Mangion li nagħqdu magħna bħala Imħallfin matul is-sena li għaddiet. L-ewwel tlieta wara snin twal iservu bħala Maġistrati waqt li l-Imħallef Mangion kien ilu snin twal avukat bi prattika privata wiesgħa u varjata.
Nsellem ukoll lill-Maġistrat Ian Farrugia li wkoll inagħqad mal-Bank tal-ġudikatura minn prattika privata twila bħala avukat. Iżda ma rridx nieqaf filli nifraħ lill-dawn il-kollegi ġodda, u uħud mhux tant ġodda.
Irrid nieħu din l-okkażjoni sabiex nirringrazzja lill-kollegi kollha l-oħra, Imħallfin u Maġistrati għas-servizz tagħhom matul is-sena li għaddiet. Mhux għaliex jistennew il-gratitudini tiegħi jew tagħkom; għaliex wara kollox jafu li qegħdin jagħmlu d-dover tagħhom; xejn aktar; iżda wkoll xejn inqas. Iżda nirringrazzjahom b’ġustizzja għas-siegħat twal ta’ ħidma tagħhom fi ġranet tax-xogħol, fis-Sibtijiet u fil-Ħdud u fil-festi pubbliċi. Naf li ser ikun hemm min jgħid, għaliex ma tarawx il-kawżi li jdumu s-snin ma jinqatgħu, għaliex ma ssemmix il-ġranet li ma jidħlux il-Qorti, għaliex ma ssemmix is-sentenzi liberali wisq jew ħorox wisq li jingħataw, u ħafna kritika oħra li kontinwament tiġi indirizzata lejn il-Ġudikatura. Xi kritika bħal din għamiltha int ukoll llum fid-diskors tiegħek. Ma inhix ser nilludi ruħi li ma hemmx verita` f’din il-kritika iżda jien naħdem spalla ma’ spalla mal-ġudikanti u kontinwament nsus, nissorvelja, nissolleċita u kultant nippressa u ninsisti, dejjem għal aktar impenn u għal aktar ħidma u għal aktar riżultati; u għalhekk jien naf il-pressjoni kontinwa fuqhom sabiex jagħtu iżjed u aħjar, naf il-volum enormi ta’ kawżi li jirrinfaċċjaw, in-nuqqasijiet li bihom ikunu jridu jaħdmu, ix-xogħol dejjem akbar li l-liġijiet il-ħin kollu jixtħu fuqhom, it-tul ta’ żmien li jkun irid jgħaddi qabel ir-riżorsi jibdew biex jindirizzaw iż-żieda fix-xogħol, naf bil-piż kbir li jħossu fuqhom meta jiġu biex jgħaddu ġudizzju u kemm ir-rieda profonda tagħhom li jagħmlu ġustizzja u li ma jiżbaljawx kultant tirralenthom fix-xoghol tagħhom. U fuq kollox naf li jridu imbagħad jirrinfaċċjaw Prim Imħallef li jkompli jżid il-pressjoni fuqhom, li dejjem jippretendi aktar, li ma tantx hu diplomatiku fi kliemu, u li nissuspetta ma tantx jarawh simpatiku.
Iżda ormaj naħseb li qiegħdin dejjem aktar nifhmu lil xulxin. Jien ma inhix lest niddefendi l-indifensibbli; u hemm ċerti nuqqasijiet li ma humiex difensibbli. Iżda ma inhix bi ħsiebni nżomm lura milli nipproteġi lill-Ġudikatura mill-inġustizzja u milli nippromwovi l-ħidma tagħha. Għaliex meta nagħmel dan nkun mhux biss qed naqdi d-dover tiegħi ta’ Prim’ Imħallef iżda nkun ukoll qed nħares l-interessi tal-pubbliku li sabiex id-drittijiet tiegħu jkunu mħarsa jeħtieġlu u tixraqlu Ġudikatura ppreparata sewwa, serena, kuraġġuża u mhux Ġudikatura impreparata, frastornata u demoralizzata.
Għalhekk, iva, la jidher li ħadd ma jsib raġunijiet għal xiex jirringrazzja lill-Ġudikatura jien naf b’mijiet ta’ raġunijiet għaliex għandi għalfejn nirringrazzjahom. U hekk qiegħed nagħmel. Grazzi kollegi Imħallfin u Maġistrati tal-ħidma tagħkom matul is-sena.
Nixtieq f’dan l-istadju nirringrazzja wkoll lill-Ministru tal-Ġustizzja għall-mod entużjast u enerġiku li impenja ruhu fiż-żmien qasir li ilu Ministru sabiex jindirizza u jsib soluzzjonijiet għal diversi kwistjonijiet li kienu qed joħolqu diffikultajiet lill-Ġudikatura fix-xogħol tagħha. Kwistjonijiet bħal dawn huma dejjem magħna u jeħtieġu l-attenzjoni kontinwa ta’ min ikun inkarigat. Komplew jiġu indirizzati l-problemi ta’ nuqqas ta’ staff tal-Qorti u nuqqas ta’ assitenti ġudizzjarji, ġiet introdotta s-sistema ta’ recording diġitali, ġiet ukoll introdotta l-wi-fi fl-ambjent tal-Qorti li għandu jgħin lill-avukati jibqgħu f’kuntatt ma dak li jkun qed jiġri barra l-Qorti fil-ħinijiet twal li jkun jeħtiġilhom jgħaddu fil-Qorti. Biċċa xogħol kbira wkoll li malajr qabad minn qrunha kienu l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-Ġudikatura u fi żmien qasir wassal għal xi xorta ta’ konklużjoni dak li kien inbeda u mmatura matul il-kariga tal-prċedessur tiegħu.
Naturalment naħseb li ħafna qiegħdin jistennew ir-reazzjoni tiegħi llum għad-dikjarazzjonijiet pubbliċi li saru mill-Onorevoli Kap tal-Oppożizzjoni u Onorevoli shadow minister tal-ġustizzja, (li għandi l-pjaċir nosserva li, anki fuq stedina tiegħi, qiegħed hawn preżenti llum għal din l-okkażjoni).
Kont nieħu pjaċir aktar li kieku d-dikjarazzjonijiet li saru saru ftit qabel għaliex ma kienx ikolli nirrevedi dan id-diskors tiegħi fil-Ħadd imqaddes tal-bieraħ wara li kollox, mingħalija, kelli lest. Imma nsomma, xi trid tagħmel.
Il-gazzetti taw l-aħbar li l-Oppożizzjoni qed topponi ż-żieda f’allowances fuq firxa ta’ tlett snin u sistema ġdida ta’ pensjoni għall-Ġudikatura. Ingħad li l-Oppożizzjoni “ittorpidinat” --- hi l-kelma ftit drammatika li ntużat minn wieħed mill-ġurnali --- it-tentattiv ta’ riforma ġudizzjarja. Donnu hemm l-aspetattiva wara d-dikjarazzjonijiet li saru li l-Ġudikatura ma hix ser tonora n-naħa tagħha tal-ftehim li ntlaħaq bejn l-Assoċjazzjoni tal-Ġudikatura u l-Gvern u dan fejn jirrigwarda l-miżuri intiżi sabiex il-Ġudikatura tagħti servizz dejjem aħjar u aktar effiċjenti lill-pubbliku. Speċi ta’ addio għall-appuntamenti miftiehma fil-kawżi ċivili, addio għas-seduti wara nofsinhar meta meħtieġ, addio għat-taħriġ għaliex issa l-allowances imwegħda għal dawn il-miżuri jidher li ma għadhomx assigurati.
Jien ma nitkellimx għall-Assoċjazzjoni tal-Gudikatura, li kienet involuta fin-negozjati li wasslu għall-ftehim imsemmi, u li titkellem għall-membri tagħha. Jien, iżda, skont l-liġi nitkellem għall-Gudikatura bħala Istituzzjoni u hawn ser ngħid kif naħsibha jien bħala Prim Imħallef. Ma għandix naħseb li l-Assoċjazzjoni ma tappoġġjax il-pożizzjoni tiegħi iżda nifhem li l-Assoċjazzjoni għad ma kellhiex żmien biżżejjed sabiex tagħmel il-konsultazzjonijiet tagħha qabel tieħu pożizzjoni formali. Jien, għall-kuntrarju, qiegħed f’pożizzjoni li nagħti minnufih kif naħsibha bħala Prim Imħallef għaliex jien ma għandix għalfejn nistenna lill-Assoċjazzjoni tieħu l-pożizzjoni tagħha. Anzi għandi, għall-kuntrarju, d-dover li nipprovdi direzzjoni lill-Ġudikatura bħala Istituzzjoni imbgħad spetta lill-Assoċjazzjoni tieħu d-deċiżjoni tagħha li nittama teħodha fid-dawl ta’ dak li ser ngħid.
Nfakkarkom, (inċidentalment, jinkitbu ħafna artikoli ‘l hemm u ‘l hawn dwar in-nuqqasijiet tal-qrati mingħajr ħadd ma jindenja ruħu jmur jara jien x’għedt dwar dawn fid-diskorsi preċedenti tiegħi); Nfakkarkom li fl-aħħar diskors tiegħi fl-okkażjoni tal-ftuħ tas-sena forensi li għaddiet jiena kont għedt hekk:
“Ebda Imħallef u ebda Maġistrat ma jikkunsidra lilu nnifsu xi oġġett ta’ lussu. Il-kariga ta’ ġudikant hija ħafna aktar nobbli minn hekk. L-amministrazzjoni tal-ġustizzja hi piż kbir, hi unur li għandna d-dover ingorruh onorevolment, hi privileġġ ħafna akbar minn hekk. Hi fil-veru sens tal-kelma vokazzjoni għax kull wieħed minna ġie msejjaħ sabiex jagħti s-servizz tiegħu fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja. U meta aħna l-ġudikanti aċċettajna u baxxejna rasna għal dik is-sejħa aħna dħalna f’impenn, mhux lejn l-Eżekuttiv li għamlilna s-sejħa, iżda dħalna f’impenn lejn il-komunita` li għażilna li nservu, għamilna patt irrevokabbli magħha li sakemm nibqgħu fil-kariga ma nabdikaw qatt mid-dover tagħna li namministrawlha l-ġustizzja b’indipendenza w imparzjalita`, ikunu x’ikunu ċ-ċirkostanzi tagħna personali u l-kundizzjonijiet tax-xogħol li fihom irridu naħdmu. L-impenn li volontarjament dħalna għalih bħala ġudikanti jiġi qabel l-ammont tal-kumpens li jidhrilna xieraq li nirċievu u l-kundizzjonijiet tax-xogħol li fihom inkunu kostretti naħdmu. Il-Ġustizzja ma hix xi komodita` li l-Ġudikatura tista’ tagħżel li tagħti jew iżżomm milli tagħti meta jidhrilha iżda hi servizz li aħna minn jeddna impenjajna ruħna li nagħtu f’kull ċirkostanza. Għalhekk nġorru t-titolu ta’ Onorabbli, Onorevoli jew Unur Tiegħu mhux għal xi merti speċjali li għandna iżda għax Onorabbli hu l-inkarigu li assumejna.”
Dak li għedt dakinhar nerġa nsostnih illum. L-impenn tal-Ġudikatura biex tamministra l-ġustizzja b’mod indipendenti w imparzjali --- u llum inżid, b’mod effiċjenti li jassigura proċess fi żmien raġonevoli --- dak l-impenn ħadnieh, kull wieħed minnha, mhux mal-Eżekuttiv li sejħilna w appuntana, iżda mal-komunita` li għażilna li nservu. Għalhekk, jien bħala Prim Imħallef ser ninsisti li l-Ġudikatura żżomm l-impenn tagħha li twettaq dawk il-miżuri kollha li jistgħu jgħinu f’amministrazzjoni aktar effiċjenti tal-ġustizzja anki jekk dak li ġie mwiegħed lilha għat-twettiq ta’ dawk il-miżuri ma jiġix onorat minn ħaddieħor. Fi ftit kliem, jagħti l-Gvern jew ma jagħtix, l-allowances li wiegħed lill-Ġudikatura għall-introduzzjoni ta’ sistema ta’ appuntamenti miftiehma f’kawżi ċivili, għal aktar seduti wara l-ħin fejn meħtieg, għal aktar taħriġ, dawn il-miżuri jien ser nsostni mal-Ġudikatura li għandhom xorta waħda jiġu implimentati. Għaliex dawn huma miżuri maħsuba sabiex itejbu l-effiċjenza tal-amministrazzjoni tal-ġustizzja sabiex il-pubbliku jinqeda dejjem aħjar, u l-impenn ewlieni li aħna assumejna mal-kariga tagħna assumejnieh fil-konfront tal-pubbliku u mhux fil-konfront tal-Eżekuttiv jew tal-Gvern. Il-Ġudikatura l-impenji tagħha għandha żżommhom anki jekk ħaddieħor ma jżommx tiegħu.
B’danakollu, effiċjenza akbar fl-ipproċessar tal-kawżi ġġib ukoll problemi ġodda, kif ġia semmejt f’okkażjoni oħra. Aktar effiċjenza fil-proċeduri u fit-trattazzjoni tal-kawża jfisser li l-kawżi jaslu aktar malajr għall-istadju tas-sentenza bil-konsegwenza li jitwalu l-listi ta’ kawżi differiti għas-sentenza. Dan iġib miegħu il-ħtieġa ta’ aktar risorsi biex jgħinu lill-Ġudikatura jaslu biex jagħtu s-sentenzi jekk ma rridux li dak li jkun ġie gwadanjat fl-istadju tat-trattazzjoni tal-kawżi jintilef fl-istadju tas-sentenza. Ikun meħtieġ li tissaħħaħ l-istruttura ġudizzjarja w amministrattiva billi jkun hemm aktar assistenti ġudizzjarji u li jkunu mħarrġa speċifikatament fl-abbozzar ta’ sentenzi. Nittama li jekk flus ma jkunx hemm biex jiżdiedu l-allowances tal-Ġudikatura jinstabu l-flus biex il-Gudikatura tiġi provduta bir-rizorsi neċessarja sabiex ikun possibbli tkun aktar effiċjenti f’ħidmitha kif kulħadd jawgura.
Magħmula ċara l-pożizzjoni tiegħi fuq din il-materja, iżda, rrid ngħid ukoll li fil-fehma tiegħi ma hu għaqli xejn li wieħed jipposponi l-miljorament tal-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-Ġudikatura. Ma nkunux qed nħarsu ‘l bogħod biżżejjed meta wieħed jippretendi aktar effiċjenza, aktar xogħol, aktar riżultati, mill-Ġudikatura iżda imbgħad ma jittieħdux dawk il-passi li ġew identifikati bħala meħtieġa sabiex il-Ġudikatura tkun tista’ tiġi inċentivata tkun aktar effiċjenti, tagħti aktar xogħol u sabiex tagħti riżultati aħjar. Jekk iċ-ċirkostanzi huma tali li sabiex jintlaħqu ċerti għanijiet f’xi qasam dak il-qasam jeħtieġ jingħata trattament differenti milli jingħata lil oqsma oħra allura dik hi r-realta’ tal-ħajja u xejn ma jibdel dan il-fatt. U niddiżappunta ruħi nisma’ u naqra’ ċerti argumenti minn ċerti inħawi li din ir-realta`, kultant iebsa, tal-ħajja ta’ kuljum ma tiġix apprezzata. Iżda li imbgħad il-Ġudikatura, wara li kien intlaħaq ftehim fuq daqshekk mal-Gvern, ssir taf li fiċ-ċirkostanzi finanzjarji ta’ llum jidher li ma hux indikat li l-Ġudikatura tingħata l-istess pensjoni li tingħata lil ħaddieħor u li ser tibqa’ tingħata lil ħaddieħor fl-istess ċirkostanzi finanzjarji, allura nikkonfondi aktar.
Hu fil-fehma tiegħi kontroproduċenti li wieħed ikompli jipposponi għall- għada dak li hu meħtieġ illum, biex ma ngħidx il-bieraħ. Kien dan il-mod ta’ aġir li matul snin twal ikkontribwixxa għas-sitwazzjoni ta’ llum fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja. Ix-xogħol inżiduh illum iżda l-miżuri biex jindirizzaw dik iż-żieda fil-volum ta’ xogħol nieħdu ħsiebhom snin wara; meta fil-frattemp ittieħdu miżuri oħra li komplew żiedu l-volum tax-xogħol. Ġie nieqes, jew irriżenja, jew irtira ġudikant illum iżda jiġi appuntat ieħor floku xhur twal wara. U sadanittant il-kawżi ġodda jibqgħu jiżdiedu. Wara kollox la l-Eżekuttiv u anqas il-Parlament ma jiġi jitlob il-permess tal-Ġudikatura qabel jgħaddi liġijiet li jkollhom l-effett li jżid konsiderevolment il-volum tax-xogħol tagħhom. Farraġni ta’ liġijiet jiġu promulgati f’forma ta’ liġijiet prinċipali jew regolamenti li jiġġeneraw kull sena volum akbar ta’ kawżi fil-qrati u dan mingħajr ebda żieda fil-kumpens li jingħata lill-Ġudikatura u, dak li hu agħar, mingħajr żieda fir-riżorsi assenjati lill-Ġudikatura, ħlief snin wara.
Ilna nafu s-snin li l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ġudikatura ma humiex aktar attraenti biżżejjed sabiex avukati anzjani u ppreparati jkunu lesti li appena avviċinati jabbandunaw il-prattika privata tagħhom u jaċċettaw l-kariga ta’ ġudikant. Għalhekk ħafna drabi jgħaddu xhur twal qabel l-Eżekuttiv jirnexxielu jsib avukat kapaċi li b’sens ta’ dover lejn pajjiżu jaċċetta li jesponi ruħu għal volum ta’ xogħol kbir, għal kritika kontinwa minn kullimkien, għal futur inċert, u jaċċetta s-sejħa li jingħaqad mal-Ġudikatura. S’issa l-Istat Malti kien iffortunat li dejjem sab nies disposti li jagħmlu dan. Kull ma jmur, iżda, qed issir dejjem aktar diffiċli li ssib nies bħal dawn li lesti li jirrinunzjaw għal-liberta` u introjtu sostanzjali tal-professjoni legali sabiex isiru Imħallef jew Maġistrat.
U jekk naħsbu li sempliċement għaliex Maġistrat jew Imħallef jingħata l-privileġġ kbir li flok jirtira ta’ 65 jirtira ta’ 68 dan ser jattira avukati anzjani mill-prattika privata, jien għandi d-dubji serji tiegħi. Iżda ejja nħarsu ftit ‘l quddiem kif nistgħu nagħtu servizz aħjar.
Sur President tal-Kamra tal-Avukati, kif semmejt ben tajjeb fid-diskors tiegħek matul din is-sena forensi ġdida ser nimbarkaw f’sistema ġdida ta’ kif jiġu appuntati u trattati l-kawżi. Kien ikun hemm ħafna ilmenti dwar kif il-partijiet u l-pubbliku jitħallew żmien twil jistennew l-Qorti qabel tissejjah il-kawża għal diversi raġunijiet bħal meta ma jidhirx l-avukat meta jissejjaħ għaliex fl-istess ħin ikun qiegħed jidher quddiem Qorti oħra, jew għaliex it-trattazzjoni ta’ kawża ddum iżjed milli kien maħsub. Jien ġia ripetutament spjegajt lill-avukati li jidhru fil-Qrati ta’ appell kif hu maħsub li titħaddem is-sistema ġdida tat-trattazzjoni tal-kawżi bl-appuntament wara li kien hemm qbil dwarha f’diskussjonijiet li kien hemm ma’ rappreżentanti tal-Kamra tal-Avukati u tal-Assoċjazzjoni tal-Ġudikatura. Inti ġia tajt xi informazzjoni dwar kif hi intiża li taħdem is-sistema iżda naħseb ikun tajjeb li anki għall-benefiċċju ta’ kulħadd, inkluż tal-pubbliku, nagħti ftit aktar spjegazzjoni dwar kif ser titħaddem is-sistema.
Bis-sistema l-ġdida l-ewwel siegħa ta’ kull seduta ser tkun riservata għall-kawżi li jkunu qed jidhru l-ewwel darba u dan sabiex f’dik is-siegħa meta tissejjaħ il-kawża jidhru l-avukati u jiġi miftiehem appuntament bejn il-partijiet u l-Qorti.
Dak il-perjodu ta’ siegħa ma jistax jiġi eċċedut għaliex wara li jiskadi dak il-perjodu l-Qorti tgħaddi għall-kawżi li jkunu ġew appuntati bil-ħin għat-trattazzjoni. Jekk matul il-ħin ta’ siegħa allokat għall-ftehim tal-appuntamenti l-ftehim ma jkunx jista’ jseħħ għaliex per ez. l-avukat ta’ xi wieħed mill-partijiet ma jidhirx fil-ħin riservat, jew għaliex xi parti ma jkunx ġie notifikat bid-data tal-ewwel dehra, jew għal xi raġuni oħra, allura l-kawża tiġi differita f’data viċina, priferibilment fil-perjodu allokat għall-ftehim tal-appuntamenti, sabiex jidhru l-avukati u jiġi miftiehem l-appuntament għat-trattazzjoni.
Dakinhar li jiġi miftiehem l-appuntament il-kawża titħalla għat-trattazzjoni fid-data u fil-ħin miftiehem. Dak l-appuntament, darba miftiehem, ma jkunx jista’ jitħassar ħlief għal raġuni verament eċċezzjonali bħal, per eżempju, mard jew xi raġuni oħra li nqalgħet inaspettatament. Jekk jiġri dan, il-kawża tiġi differita għal data fil-viċin, għal darb’oħra fil-perjodu ghall-ftehim tal-appuntamenti, sabiex jiġi miftiehem appuntament ġdid.
Kull kawża ser ikollha tul ta’ ħin pre-stabbilit għat-trattazzjoni. L-qrati bi ħsiebhom iżommu rigorożament mal-ħin dedikat għal kull trattazzjoni. Fl-appell il-ħin dedikat għat-trattazzjoni ser ikun fil-prinċipju total ta’ 20 minuta maqsum bejn trattazzjoni, risposta, replika u kontro-replika. Għal raġunijiet eċċezzjonali, minħabba n-natura tal-kawża, jew minħabba l-komplessita’ tal-punti biex jiġu trattati, jew minħabba li jkun hemm diversi partijiet fil-kawża u diversi avukati jkunu jeħtieġu li jittrattaw, l-Qorti tista’ tiddeċiedi li talloka ħin iżjed minn 20 minuta għat-trattazzjoni; din, iżda, ser tkun l-eċċezzjoni. Il-Qorti ser tassigura li l-avukati jżommu mal-ħin allokat għal kull kawża għaliex jekk ma tagħmilx hekk l-iskedar kollu jitħarbat.
Naturalment, quddiem il-qrati tal-ewwel istanza jista’ jkun hemm aktar diffikulta’ biex jinżamm il-ħin riservat għal kull kawża u dan għaliex fid-data li għaliha tiġi differita l-kawża ħafna drabi ser tkun għall-provi u jista’ jkun diffiċli li wieħed jantiċipa kemm ser idum jixhed xhud. Iżda xorta jibqa’ indispensabbli li ma jiġix eċċedut il-ħin allokat għas-smiegħ tal-kawża biex jiġi assigurat li s-sistema tal-appuntament taħdem. Jista’ jagħti l-każ li jekk xhud ma jilħaqx itemm ix-xiehda tiegħu fil-ħin allokat il-Qorti jkun jidhrilha li tipprovdi dakinhar stess li x-xhud ikompli jinstema’ quddiem assistent ġudizzjarju sabiex il-Qorti tkun tista’ tgħaddi għall-kawża li tkun tmiss skont il-ħin appuntat.
Dan ifisser li l-Assistenti Ġudizzjarji jridu jkunu għad-dispożizzjoni tal-Qorti waqt il-ħin tas-seduta sabiex il-Qorti tkun tista’ tirrikorri għall-intervent tagħhom skont il-ħtieġa u skont l-arranġamenti li jkunu saru bejn il-ġudikant li jippresjedi l-Qorti u l-assistenti ġudizzjarji assenjati ma’ dik il-Qorti.
Dakinhar tal-appuntament miftiehem, jekk ikun hemm bżonn seduta oħra, dik is-seduta l-oħra tiġi miftiehma bejn il-Qorti u l-partijiet.
Dawn huma l-linji ġenerali li ser jiġu segwiti. Il-ġudikatura hi kommessa li tħaddem din is-sistema li hi mistennija li tagħti qafas komuni li fih il-ġudikatura tkun tista’ tamministra l-ġustizzja b’mod aktar konsistenti w uniformi fejn kulħadd ikun jaf fejn hu sabiex b’hekk ma noħolqux intoppi fis-sistema u nispiċċaw nitfixklu f’saqajn xulxin u nagħtu gambetti lil xulxin.
Din is-sistema ġia bdiet titħaddem fil-Qorti tal-Appell fl-ewwel seduta li kellha f’Settembru fejn ġew miftiehma l-appuntamenti għal numru ta’ kawżi kostituzzjonali.
Kif għedt int ukoll, għall-inqas f’dan l-istadju, din is-sistema ser titħaddem biss fil-qrati ta’ kompetenza ċivili; ma hix ser titħaddem fl-awli ta’ kompetenza kriminali għaliex f’dawn l-awli l-volum enormi tal-kawżi u l-listi twal ta’ kull seduta ma jippermettix li din is-sistema titħaddem kif spjegajt. Irid ikun hemm aktar ħsieb sabiex naraw x’aġġustamenti jkunu meħtieġa jew x’sistema differenti tkun neċessarja sabiex jirrispondu għall-esiġenzi partikolari tal-awli kriminali.
Biex is-sistema li jien semmejt titħaddem jeħtieġ il-ko-operazzjoni ta’ kulħadd. U meta ngħid kulħadd infisser kulħadd: Imħallfin, Maġistrati, avukati, prokuraturi legali, assistenti ġudizzjarji u tal-pubbliku kif ukoll l-addetti u l-uffiċjali tal-qorti. Jien naf b’xi Imallfin li ġia kienu jħaddmu sistema simili għal dik li jien ddeskrivejt. Iżda, billi dak li kienu qegħdin ifittxu li jagħmlu ma kienx fil-kuntest ta’ qafas komuni kien jiġri li dak li jippjanaw kien jiġi frustrat minħabba li l-kumplament tas-sistema ma kienx affjatat u l-kumplament tal-elementi l-ohra tas-sistema ma kienux sinkronizzati bil-konsegwenza li l-pjanijiet ħafna drabi jisfaxxaw fix-xejn.
Naturalment, bis-sistema ta’ appuntamenti miftiehma l-avukati, kif ukoll il-prokuraturi legali, jridu wkoll jikkooperaw bis-sħiħ. L-avukati jridu jassiguraw li jidhru l-Qorti fl-ewwel dehra sabiex ikunu jistgħu jaqblu l-appuntament li jmiss mal-avukat tal-parti l-oħra. Sabiex dan ikun jista’ jiġri, l-prokuraturi legali jridu jassiguraw li safejn possibbli l-partijiet ikunu notifikati bl-avviż tal-ewwel dehra sabiex l-avukati tal-partijiet ikunu nformati u jkunu jistgħu jidhru. Biex dan ikun possibbli, il-prokuraturi legali jridu jsegwu kontinwament l-atti tal-kawża sabiex jekk jaraw li xi parti tkun għadha mhux notifikata jitħallsu minnufih iż-żidiet neċessarja sabiex in-notifika tkun tista’ ssir u fejn meħtieġ jagħmlu r-rikorsi meħtieġa sabiex in-notifika tkun tista’ ssir wara l-ħinijiet legali. L-addetti tal-qorti wkoll għandhom jaraw li joħorġu jagħmlu n-notifiki mal-ewwel opportunita’ u jassiguraw li jirreġistraw ir-riferti b’mod kemm jista’ jkun ċar sabiex il-prokuraturi legali u l-avukati jkunu jafu kif ser jirregolaw ruħhom dwar il-passi li jkunu jmissu.
Jiena ġja semmejt li s-sistema ser titħaddem, ta’ l-anqas għalissa, fl-awli ċivili biss. Dan ma jfissirx li din is-sistema tal-appuntamenti miftiehma ma tinteressax lil dawk l-Imħallfin u Maġistrati, u anki avukati, li jaħdmu fl-awli ta’ kompetenza kriminali. Għaliex din is-sistema teħtieġ ukoll il-kooperazzjoni ta’ kulħadd, inkluż tal-Imħallfin u Maġistrati li jaħdmu fil-kriminal. Dawn ukoll jridu jkunu in armonija mas-sistema kollha u jridu jieħdu kont tal-fatt li l-avukati li jistgħu jidhru quddiemhom jista’ jkollhom appuntamenti miftiehma f’awli ċivili. Ma hemmx dubju li appuntament miftiehem għandu jipprevali fuq appuntament mhux miftiehem.
Jien nistenna --- il-pubbliku, l-avukati, u l-bon sens jistenna --- li l-membri tal-ġudikatura kollha jikkooperaw sabiex is-sistema titħaddem mingħajr xkiel. U iva, għandu jkun hemm kontabilita` fejn din il-kooperazzjoni tonqos. X’forma tieħu din il-kontabilita` għandha tiġi determinata mill-aktar fis u ċertament il-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja għandu jkollha r-rwol tagħha f’dan. Iżda jien tal-fehma li għandna minnufih nimbarkaw fuq din is-sistema u naġġustaw matul it-triq; aħjar milli nibqgħu incerti u paraliżżati bid-dubji u x-xettiċiżmu.
Sur President tal-Kamra tal-Avukati,
Kien hemm diversi ħwejjeġ oħra li xtaqt inmiss. Iżda l-ħin ma jippermettilix għaliex ċert li żammejtkom biżżejjed, u forsi aktar ukoll. Jiddispjaċini li kelli niddedika parti kbira mid-diskors tiegħi għall-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-Ġudikatura. Kont nippreferi li naffronta kwistjonijiet oħra li jolqtu aktar il-metodi tax-xogħol tal-Qrati, l-opportunita` u l-modalita` ta’ kontabilita` akbar tal-membri tal-Ġudikatura li wkoll issenjalajt fl-interventi tiegħi preċedenti, fuq ir-rwol tal-Prim Imħallef fl-attivita` amministrattiva u ġudizzjarja, fuq il-mod kif jiġu nominati w appuntati l-ġudikanti, fuq is-seduti wara nofsinhar li int semmejt; jien nemmen li l-Avukati għandhom ikunu aktar miftuħa għalihom partikolarment bi tħaddim aħjar tad-ditti li issa nfirxu ġmielhom. Fuq dawn kollha xtaqt ngħid xi ħaġa iżda jkolli nistenna xi okkażjoni oħra.
Nillimita ruħi filli naċċenna biss għall-fatt li kien hemm okkażjonijiet meta ssema ir-rwol tal-Prim Imħallef f’ċerti deċiżjonijiet bħal surrogi ta’ membri tal-ġudikatura minflok oħrajn li jkollhom jastjenu u f’każ ta’ karigi aktarx ta’ xorta amministrattiva li jiġu okkupati minn xi membru tal-ġudikatura. Għalissa kull ma rrid ngħid, għaliex ma għandix ħin ngħid iżjed minn hekk, hu li fil-każ ta’ nomini bħal dawn fejn il-liġi tal-pajjiż fdathom f’idejn il-Prim Imħallef jien tali nomini nagħmilhom unikament fuq ir-responsabilita`tiegħi mingħajr ma nikkonsulta lil ħadd, anqas lill-Ministru; nikkonsulta biss lill-impjegati tal-amministrazzjoni tal-Qorti fejn dawn jistgħu jgħinuni fl-għażla li rrid nagħmel. Jekk hemm x’jiġi kritikat f’dawn in-nomini li saru fil-passat kemm ili jien in kariga dik il-kritika għandha tiġi rivolta biss lejja u lejn ħadd iżjed għaliex jien kont unikament risponsabbli għal dawk in-nomini. U ma għandi ebda dubju li l-istess hu l-każ tal-predeċessuri tiegħi. Dan għall-kjarezza għaliex ġieli sar diskors li jagħti x’jifhem mod ieħor.
U issa naf li ntaxxajt konsiderevolment il-paċenzja tagħkom, li għaliha nirringrazzjakom, u nikkonkludi billi nsellmilkom u nawguralkom il-kumplament tal-jum it-tajjeb.
Stqarrijiet Oħra:
PR262022
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT Disa’ persuni b’...
PR262021en