TIBDA S-SENA AKKADEMIKA GĦAL MADWAR 20,000 STUDENT FL-EDUKAZZJONI OGĦLA
- 626 student jibdew wieħed mill-20 kors offrut mill-ITS, 468 minnhom studenti ġodda
- Investiment ta’ €1.7 miljun fl-ITS din is-sena filwaqt li għaddejjin il-preparamenti għal Kampus ġdid għall-ITS
- Jibda kors ġdid fl-ITS għal studenti b’diżabilità
- 83% tal-istudenti jkomplu jistudjaw wara l-Form 5
- 18,800 Student fl-Edukazzjoni Ogħla se jkunu qed jirċievu madwar €23miljun fi stipendji
“L-Edukazzjoni u t-Taħriġ huma ċ-ċavetta għal aktar opportunatijiet u xogħol aħjar għaż-żgħażagħ tagħna.” Dan qalu l-Onor Clyde Puli, Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ u Sport meta dalgħodu fetaħ is-sena akkademika ġdida fl-Istituzzjoni għall-Istudji Turistiċi (ITS). Preżenti għal din iċ-ċerimonja kien hemm l-468 student ġdid li minn din is-sena se jkunu qed jibdew wieħed mill-20 kors offrut mill-ITS fosthom b’korsijiet fil-livell ta’ diploma u Higher National Diploma. L-ITS illum tilqa’ fi ħdanha mas-626 student full-time li magħhom għad iridu jiżdiedu l-istudenti part-time li se jibdew f’Novembru.
L-Onor Puli saħaq li s-suċċess li nattiraw ammonti rekord ta’ turisti lejn pajjiżna sena wara sena, huwa frott ta’ politika għaqlija u l-prodott li kapaċi noffru, fosthom ħaddiema kapaċi u mħarrġin tajjeb. F’dan il-kuntest il-Gvern jirrikonoxxi li l-ITS għandu rwol importanti x’jaqdi għall-ekonomija, l-industrija tat-turiżmu li tikkontribwixxi mal-25% tal-Prodott Gross Domestiku tal-pajjiż u fil-ħolqien ta’ xogħol aħjar. Għal dan il-għan il-Gvern qiegħed ikompli jinvesti fl-ITS biex joffri l-opportunità lil aktar żgħażagħ itejbu l-ħiliet u l-impjegabilità tagħhom. Fil-fatt din is-sena l-Gvern ivvota €1,730,000 fl-edukazzjoni ta’ uliedna fl-ITS. Puli tenna li din is-sena mhux biss se jiżdied in-numru ta’ studenti iżda se jiżdiedu 22 lecturer (9 full-time u 13 part-time) u 2 full-time LSAs.
Is-Segretarju Parlamentari fakkar li f’Mejju li għadda kien tħabbar li l-Gvern beda’ bl-ewwel tħejjijiet biex l-Istitut għall-Istudji Turistiċi jiżviluppa kampus ġdid li jilqa’ għall-isfidi ġodda li għandu quddiemu dan is-settur. Fil-fatt bħalissa l-ITS għaddej bil-Pre-Application Phase mal-MEPA. Huwa fakkar ukoll li matul din il-leġiżlatura l-Gvern laħaq milja oħra fil-qasam tal-istudji turisitiċi billi saru regolamenti taħt l-Att dwar l-Edukazzjoni sabiex l-ITS issir entità legali li tista’ tikber u tiffunzjona b’mod awtonomu. Dan hu pass importanti ’l quddiem li juri l-fiduċja li tgawdi din l-istituzzjoni.
Is-Segretarju Parlamentari saħaq li pajjiżna qiegħed jikseb suċċess fiż-żieda ta’ studenti li jagħżlu li jkomplu jistudjaw wara li jtemmu l-iskola sekondarja, bir-rata titla minn 43% fl-1998 għal 83% is-sena li għaddiet. Huwa qal li l-ITS huwa kontributur ewlieni għal dan s-suċċess. Fil-fatt fis-sena skolastika li bdiet fl-2011 kien hemm żieda qawwija ta’ 30% fin-numru ta’ studenti li bdew kors l-ITS fl-2010, filwaqt li din is-sena erġajna issuperajna dan ir-rekord. Is-Segretarju Parlamentari fakkar li l-Istudenti tal-ITS, flimkien ma’ dawk fl-MCAST u l-Università huma fost it-18,800 student li qed jieħdu mat-€23 miljun fi stipendji bejniethom. L-istudenti l-ġodda li jidħlu fil-livell Post Sekondarju, ikunu iridu jagħmlu s-Smart Card li permezz tagħha jkunu jistgħu jixtru materjal edukattiv minn 550 ħanut.
Puli qal li l-politika tal-Gvern hi li joħloq aktar xogħol, xogħol aħjar u b’pagi tajbin. Għalhekk il-Gvern qed jinvesti fl-istudenti biex jiksbu aktar ħiliet ġodda ħalli jkunu jistgħu itejbu l-pożizzjoni tagħhom għal ġid tagħhom u tal-familji tagħhom. Huwa saħaq li f’dawn l-4 snin il-Gvern ħoloq 20,000 impjieg u l-impenn tal-Gvern hu li jkompli jattira l-invesitment biex joħloq aktar impjiegi.
L-ITS ikollha wkoll numru ta’ studenti li japplikaw għall-korsijiet part-time, u għal din is-sena fil-prospectus tal-Part Time Courses li se joħroġ f’Novembru li ġej hemm sensiela ta’ korsijiet innovattivi fosthom dwar il-Kċina Asjatika, Dekorazzjoni tal-Kejkijiet, Barista Courses u Chocolate making.
Is-Segretarju Parlamentari tenna li minn din is-sena se jkun qed jibda kors ġdid full-time fl-ITS għal studenti b’diżabilità. Dan il-kors huwa intiż għal studenti b’diżabilità li jixtiequ jitħarrġu biex ikunu finanzjarjament indipendenti. Dan il-kors jintroduċi lill-istudenti għall-kompetenzi bażiċi fis-settur, bħal food & beverage u house keeping operations. Dan il-kors għandu wkoll l-għan li jagħtihom aktar indipendenza f’ħajjithom.
Finalment l-Onorevoli Puli awgura kull suċċess lil madwar 20,000 student li llum bdew is-sena akkademika fl-istituzzjonijiet ta’ Edukazzjoni ogħla.
Preżenti għal din iċ-ċerimonja kien hemm ukoll Claire Zammit Xuereb, Chairperson tal-ITS u Adrian Mamo, Direttur Eżekuttiv tal-ITS.
Stqarrijiet Oħra:
PR262022
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT Disa’ persuni b’...
PR262021en