Left arrow Go Back

SCIENCE IN THE HOUSE – L-ISPEAKER MICHAEL FRENDO JILTAQA’ MA’ AKKADEMIĊI LI QEGĦDIN JAĦDMU FUQ PROGRAMMI TA’ RIĊERKA

pr2128
Date Icon 30/09/2012

Nhar il-Ġimgħa, 28 ta’ Settembru 2012 fil-5.00pm il-Kamra tal-Kumitati tal-Parlament ta’ Malta fejn normalment jiltaqgħu l-Membri Parlamentari, serviet bħala post fejn numru sabiħ ta’ riċerkaturi ltaqgħu mal-iSpeaker tal-Kamra tad-Deputati, l-Onor Michael Frendo. 

Mr Speaker kien qiegħed jospita għadd sabiħ ta’ riċerkaturi f’attività msejħa “Science in the House” imtella’ mill-Malta Chamber of Scientists.  Din il-wirja kienet tifforma parti minn numru ta’ attivitajiet oħra li kienu qegħdin jiġu organizzati matul l-istess lejla fil-Belt Valletta taħt il-kappa “Researchers’ Night – Science in the City”. 

L-iSpeaker Frendo ġie mdawwar mad-diversi espożizzjonijiet li ttellgħu fil-Kamra tal-Kumitat li kienu jkopru studji f’dixxiplini xjentifiċi varji; minn żvilupp ta’ sistemi ta’ logħob on-line sa sistemi innovattivi kif apparat li jintuża fil-kura tal-qalb jista’ jitjieb b’mod li jtawwal il-ħajja tal-pazjent.

L-Onor Frendo irringrazzja lil dawk preżenti tal-impenn tagħhom fid-diversi oqsma ta’ riċerka u rriafferma dak li qal il-Professur Alex Felice, l-aġent President tal-Malta Chamber of Scientists, li r-riċerka akkademika hija vitali biex il-pajjiż jimxi ‘l quddiem.  L-Onor Frendo spjega kif il-Kostituzzjoni tpoġġi l-Istituzzjoni tal-Parlament fuq l-Eżekuttiv u kif hemm bżonn li din l-istess Istituzzjoni tkun viċin in-nies, impenjata (engaged) mas-soċjetà ċivili u allura  anke mas-soċjetà akkademika.  Huwa semma l-bżonn li jingħata sostenn lir-riċerka, liema sostenn ħafna drabi jiġi minn fondi pubbliċi li jiġu vvutati mill-Membri tal-Kamra tad-Deputati.  Żied jgħid li kien għalhekk li laqgħat bħal dawn huma importanti għaliex lill-Membru Parlamentari jkunu qed jagħmluh aktar konxju minn din il-ħidma sfieqa li tkun qiegħda ssir.  L-Onor Frendo talab lil dawk preżenti biex ma jarawx lill-Parlament bħala Gvern u Oppożizzjoni iżda bħala grupp ta’ Deputati li jistgħu jkunu ċ-champions tagħhom għal dak li huwa proċess ta’ budgeting.  Dan jagħmel sens iktar u iktar issa li l-Parlament Nazzjonali qiegħed jiġi involut fil-proċess tal-budgeting mhux biss dak nazzjonali iżda wkoll tal-Unjoni Ewropea.  Mr Speaker fakkar li wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, il-Parlamenti Nazzjonali tal-Membri Stati tal-Unjoni Ewropea ġew integrati fil-proċess tad-deċiżjonijiet tal-Unjoni Ewropea u dan ifisser li jekk ikun hemm xi aspetti ta’ riċerka li tkun trid tiġi msemmija fl-Unjoni Ewropea, dan ikun jista’ jsir ukoll tramite l-Parlament Nazzjonali li issa għandu d-dritt jagħmel sottomissjonijiet lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew.  Dan huwa mod kif il-Parlament jista’ jkun impenjat mas-soċjetà akkademika.

Filwaqt li rringrazzja lill-Professur Alex Felice, lill-Professur Richard Muscat, Pro-Rettur tal-Università ta’ Malta, lill-Professur Wilfred Kennely, Kap Eżekuttiv tal-University’s Research Innovation and Development Trust, lill-Onor David Agius Whip tal-Grupp Parlamentari tal-Gvern u lill-Onor Joe Mizzi, Whip tal-Grupp Parlamentari tal-Oppożizzjoni li ma setax ikun preżenti minħabba impenji oħra, għas-sapport tagħhom biex setgħet tittella’ din l-attività, l-iSpeaker Frendo informa lil dawk preżenti li l-wirja kienet se titħalla armata fil-Palazz għal numru ta’ ġranet sabiex tkun sors ta’ informazzjoni kemm għall-Membri Parlametari kif ukoll għall-eluf ta’ nies li ta’ kull sena jżuru l-Palazz matul in-Notte Bianca.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT  Disa’ persuni b’diżabilità jiksbu ħiliet ġodda għal aktar indipendenza u opportunitajiet ta’ xogħol

PR262022

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT Disa’ persuni b’...

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER  The Mediterranean Tourism Foundation meets the Speaker of the House of Representatives Carmelo Abela

PR262021en

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Mediterranean Tourism Found...

More Press Releases Right arrow