SKOLA ĠDIDA KULL SENA B’FAĊILITAJIET EDUKATTIVI TAL-OGĦLA KWALITÀ INKLUŻ DAWK SPORTIVI
- €33 miljun għall-bini ta’ skejjel ġodda mill-2008 l’hawn
- €7 miljun għal bini ta’ faċilitajiet sportivi fl-iskejjel
- Jibda’ l-proċess mal-MEPA biex jinbena Kumpless Sportiv ġdid biswit il-Kulleġġ Sant Injazju
Mill-2008 l’hawn il-Gvern investa €33 miljun għall-bini ta’ skejjel ġodda mgħammra bl-aqwa teknoloġija u faċilitajiet edukattivi. F’dawn l-iskejjel il-Gvern investa €7 miljun fil-faċilitajiet sportivi tagħhom u qiegħed fil-proċess li jinvesti €3.5 miljun oħra fil-bini ta’ kumpless sportiv indoor għall-Kulleġġ Sant’ Injazju. Dan għaliex l-impenn tagħna huwa li nipprovdu edukazzjoni ħolisitka biex uliedna jirnexxu lkoll. Dan sostnieh l-Onor Clyde Puli, Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ u Sport meta dalgħodu żar l-iskola Sekondarja tas-Subien f’Tal-Ħandaq, Kulleġġ Sant’ Injazju.
Is-Segretarju Parlamentari qal li llum l-iskejjel huma attrezzati b’numru ta’ faċilitajiet li jgħinu fl-iżvilupp akkademiku, fiżiku u soċjali tal-istudent fosthom technology workshops, laboratorji tax-xjenza, laboratorji tal-informatika, klassjiet għat-tagħlim tal-arti, laboratorji għat-tagħlim tal-home economics u faċilitajiet sportivi ta’ kwalità għolja. Dan għaliex l-isport u l-edukazzjoni llum huma tassew ikkunsidrati bħala parti minn edukazzjoni ħolistika.
Is-Segretarju Parlamentari spjega kif il-viżjoni tal-Gvern hija dik li l-iskejjel ikunu wkoll ċentri tal-komunità u għal dan il-għan il-faċilitajiet tagħhom qegħdin jintużaw ukoll mill-istess komunità wara l-ħin tal-iskola. Huwa qal li b’dan il-mod il-faċilitajiet sportivi qed ixettlu sens ta’ kultura sportiva u healthy lifestyle fost it-tfal sa minn eta’ żgħira filwaqt li jagħtu ċans lill-adulti u lill-għaqdiet sportivi jagħmlu użu minn faċilitajiet tal-ogħla kwalità.
Bħalissa hawn 41 għaqda sportiva li qed jagħmlu użu minn faċilitajiet fi 18-il skola u madwar 1,400 membru fil-Walking & Jogging Club tal-KMS li qed jużaw it-trakka ta’ 3 kulleġġi tal-istat. L-Onor. Puli qal li dawn il-kulleġġi huma l-Kulleġġ Sant’ Injazju, il-Kulleġġ San Benedittu, u l-Kulleġġ Maria Reġina filwaqt li ħabbar ukoll li fil-ġimgħat li ġejjin il-Gvern se jkun qed jiftaħ ir-raba’ ċentru fil-Kulleġġ Santa Margerita.
Waqt iż-żjara tiegħu fl-iskola sekondarja tas-subien f’tal-Ħandaq is-Segretarju Parlamentari qal li din l-iskola għandha 5 laboratorji tal-komputers, 6 laboratorji tad-disinn u t-tekonloġija, 3 studios tal-arti, 9 laboratorji tax-xjenza, żewġ laboratorji tal-Home Economics, kif ukoll grawnd bit-turf sintetiku u trakka tal-atletika. Huwa ħabbar li bħalissa għaddej ix-xogħol biex nissan huts storiċi biswit l-iskola jiġu kkonvertiti f’3 indoor gyms. Ħabbar wkoll li bħalissa għaddejjin il-preparamenti biex jinfetaħ Kumpless Sportiv ġdid biswit dawn iż-żewġ skejjel sekondarji. Huwa qal li l-Fondazzjoni għall-iSkejjel t’Għada (FTS) diġà ssottomettiet il-pjanti ta’ dan il-kumpless lill-MEPA u meta joħroġ il-permess se jkun qed jinbena dan il-kumpless li mistenni li jkun kbir daqs il-Kumpless Sportiv ta’ Ħal Kirkop. Puli ħabbar ukoll li l-Gvern mistenni li jagħmel ukoll shallow pool f’dan il-kulleġġ biex ikun jista’ jakkomoda taħriġ fl-għawm.
Preżenti għal din l-attività kien hemm il-Kap tal-Iskola, Alexandra Farrugia u l-Kap Eżekuttiv tal-FTS, Charles Farrugia.
Other Press Releases:
PR262022
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT Disa’ persuni b’...
PR262021en