STQARRIJA KONĠUNTA BEJN IL-MINISTERU GĦALL KOMPETIZZJONI ĠUSTA, NEGOZJI ŻGĦAR U L-KONSUMATUR U L- MINISTERU TAL-FINANZI, EKONOMIJA U INVESTIMENT
Il-Gvern qed jiġġieled bil-fatti il-burokrazija biex igawdu s-self employed u n-negozji zgħar waqt li l-oppozizzjoni tibqa’ gallarija. Bil-kliem u l-islogans superfiċjali u irħas ta’ Dott. Muscat dwar il-burokrazija, ebda self employed ma rebaħ pulzier jew iffranka ċenteżmu.
Il-bieraħ Dott. Muscat rega’ qal li Gvern Laburista jnaqqas il-burokrazija iżda reġa’ ma qalx kif. Ilbieraħ il-Kap tal-Oppożizzjoni rega’ lissen kliem minbarra sabiħ iżda li minn ġewwa m’għandu ebda sustanza għax m’għandu xejn konkret. L-Oppożizzjoni m’għandiex ideat konkreti biex tgħin lis-self employed.
Waqt li bil-kliem tal-Kap tal-Oppożizzoni ebda sid ta’ ħanut jew negozju jew self-employed ma jgawdi, u lanqas jiffranka la flus u lanqas ħin, bil-ħidma ta’ dan il-Gvern fl-aħħar erba’ snin, eluf ta’ negozji u self-employed qed igawdu minn tnaqqis ta’ burokrazija u spejjeż, frankar ta’ ħin u ġiri minn post għall-ieħor.
Il-Gvern qed ikompli jinċentiva lis-sidien ta’ negozji żgħar u s-self-employed bi skemi biex jgħinhom jikbru u jkabbru l-operat tagħhom u jkomplu joħolqu aktar jobs. Dan filwaqt li qed jaħdem biex tkompli tonqos il-burokrazija u jiżviluppa ambjent li jkompli jiffavorixxi l-investiment.
Ħafna mill-20,000 impjieg ġdid li nħolqu f’dawn l-4 snin kienu grazzi għan-negozji ż-żgħar li gawdew minn inċentivi u skemi ta’ dan il-Gvern. Impjiegi ġodda li ġew mhux bil-paroli tal-Gvern , iżda bil-ħidma konkreta tal-Gvern li jaf x’għandhom bżonn in-negozji żgħar tagħna biex jikbru.
L-aktar skemi popolari kienu l-MicroInvest, skema li diġa ppermetiet lil madwar 1,800 sid ta’ negozju biex jiffranka 40% taxxa fuq investiment li jkun għamel f’Malta u 60% jekk hu f’Ghawdex, u l-MicroCredit, skema ta’ self sussidjat, li diġa għenet aktar minn 340 sid iehor ta’ negozju. B’dawn iż-żewg skemi biss, fl-aħħar sentejn biss, sar investiment ta’ aktar minn €82 miljun fl-ekonomija Maltija mis-sidien tan-negozji żgħar u medji u nħolqu mijiet ta’ postijiet tax-xoghol ġodda. Waqt li f’Malta, grazzi għall-għajnuna tal-Gvern is-self employed u n-negozji zgħar zdiedu, madwarna f’diversi pajjizi naqqsu jew għosfru.
Permezz ta’ fondi Ewropej għall-industrija, il-Gvern għen 570 sid ta’ negozju b’allokazzjoni ta’ 35 miljun ewro. Din issarrfet f’investiment ta’ l fuq minn 78 miljun oħra. Fost l-oħrajn, dawn l-għajnuniet jgħinu lis-sidien ta’ negozju biex jinvestu f’makkinarju li jikkonsma inqas enerġija u f’tagħmir li jiġġenera enerġija alternattiva, u b’hekk inaqqsu l-ispejjez tagħhom.
Il-Gvern għadu wkoll kif ħabbar skema ġdida l-Microguarantee, li permezz tagħha is-self-employed u sidien ta’ negozju li jħaddmu sa 20 persuna jistgħu jibbenefikaw minn garanziji biex jittieħed self minn banek biex dawn jibdew jew ikabbru n-negozju tagħhom. Dan is-self se jkun jista’ jkopri xiri ta’ assi u working capital marbut miegħu. Permezz ta’ din l-iskema, min jitlob self biex jinvesti se jkun qed jintalab sigurtà li tkopri biss 10% tas-self meħtieġ.
Wieħed ma jistax ma jinnotax kif waqt li Dott. Muscat jitkellem fl-ajru dwar il-burokrazija, ma lissinx kelma waħda dwar l-ikbar daqqa ‘l isfel li Gvern qatt ta lill-burokrazija u ċjoe, il-Business First. Dan il-one-stop-shop beda jopera f’Jannar li għadda u fisser sal-llum iktar minn 7,000 kuntatt minn eluf ta’ self employed u negozji żgħar li nqdew taħt saqaf wieħed minn iktar minn 20 dipartiment tal-Gvern. Daqshekk ġiri mingħand Pilatu għal għand Anna u Kajfa għas-self-employed tagħna. Hafna mis-servizzi qed jingħataw fi żmien għaxart ijiem ta’ xogħol. Il-Business First qed tfisser frankar ta’ eluf kbar ta’sigħat f’ġiri jew ħela ta’ ħin lin-negozji żgħar tagħna. Ta min wiehed isaqsi lil Kap tal-Oppożizzjoni x’inhi l-pożizzjoni tal-PL dwar Business First.
Intant, ġie fi tmiemu il-proċess ta’ konsultazzjoni dwar proposti li jemendaw regolamenti dwar il-liċenzji tal- kummerċ u dan biex tizdied aktar il-flessibilita . Il-proposti l-ġodda li se jiġu kollha fis-seħħ minn Ottubru li ġej, se jfissru li n-negozji Maltin u Ghawdxin se jkollhom regoli aktar semplici u b’anqas burokrazija.
Il-Gvern diġa naqqas l-imgħax għal min ma jħallasx it-taxxa fil-ħin li tniżżel ghal 0.75% fix-xahar. B’differenza għal dak li qed tagħmel l-Oppożizzjoni, jigifieri li jitkellem biss dwar kemm se tbiddel dan is-settur għall-aħjar, mingħajr ma tipprezenta qatt proposta waħda konkreta; il-Gvern joffri l-aħjar soluzzjoni lil dan is-settur permezz ta’ pjan u struttura li jgħinu lin-negozji Maltin u Ghawdxin jikbru u jkomplu jinvestu fis-sod.
Waqt li l-Oppożizzjoni theda bi kliem u slogans vojta minn ġewwa, il-Gvern għazel li jparla inqas u jaħdem iktar b’riżultati ta’ fejda għan-negozji żgħar tagħna li ħadd ma jista’ jmerihom. Hekk ser ikompli jagħmel dan il-Gvern.
Stqarrijiet Oħra:
PR262020en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR FOREIGN AND EUROPEAN AFFAIRS Malta and G...
PR262020