DISKORS MILL-ONOR LAWRENCE GONZI, PRIM MINISTRU, WAQT IN-NATIONAL LIBYA LESSONS LEARNT WORKSHOP 2012, ĠEWWA L-LUKANDA EXCELSIOR, IL-FURJANA – IL-ĦAMIS, 13 TA’ SETTEMBRU 2012
Onorevoli Ministri,
Segretarju Prinċipali Permanenti,
Ambaxxaturi,
Parteċipanti,
Huwa ta’ unur għalija li qiegħed hawn illum biex nindirizza lilkom li ħdimtu flimkien fi żmien inkredibilment diffiċli għal pajjiżna. Tabilħaqq, il-kriżi Libjana kienet bla dubju l-akbar sfida li Malta ffaċċjat fil-politika barranija u ta’ sigurtà tagħha minn mindu saret stat indipendenti.
Illum m‘aħniex qegħdin niltaqgħu biex nevalwaw il-futur tagħna fil-kuntest Mediterranju jew fil kuntest speċifiku ta’ xi pajjiż bħal ma hu l-Libja. It-tama tagħna hi li naraw dan il-futur jinbena fuq dak li hu pożittiv u fuq il-potenzjal tal-popli kollha fuq il-kosta tal-Afrika tan-Nord. It-tama tagħna hi li ma nibqgħux nisimgħu b’inċidenti ta’ vjolenza jew ta’ tixrid tad-demm bħal ma kellna bl-aħbar li nqatel l-Ambaxxatur Amerikan ġewwa Benghazi. Aħbar ta’ swied il-qalb li lkoll nittamaw li ma titfax dell fuq l-impenn tal-poplu Libjan li jimxi l-mixja tad-demokrazija kif għamel sa issa fix-xhur li għaddew. Il-Gvern juri wkoll solidarjetà mal-familji tal-vittmi u mal-Awtoritajiet Amerikani.
Sinjuri,
Dak li seħħ is-sena li għaddiet ma jistax jitħalla jgħaddi u jispiċċa qisu qatt ma kien xejn mingħajr ma nisiltu t-tagħlimiet l-aktar importanti għalina bħala poplu u pajjiż. Dan hu l-iskop ta’ dan il-workshop.
Għal tmien xhur sħaħ, konna fil-qalba ta’ din il-ġrajja, u mexxejna l-evakwazzjoni ta’ 'l fuq minn 21,000 ċittadin barrani mill-Libja. Weġibna għas-sejħa ta’ għajnuna umanitarja li wasslet mill-ġirien tagħna f’dak iż-żmien diffiċli u kkoordinajna kampanja ta’ titjiriet fir-reġjun tagħna.
Il-pożizzjoni ġeografika tagħna xeħtitna fiċ-ċentru tal-attenzjoni internazzjonali. Il-komunità internazzjonali stenniet ir-reazzjoni ta’ Malta meta l-ajruplani Mirage Libjani niżlu Malta mingħajr avviż. Id-deċiżjonijiet li kellna nieħdu fi ftit minuti u l-implikazzjonijiet għas-sigurtà nazzjonali li ffaċċjajna waqt dawk ix-xhur diffiċli x’aktarx kienu wħud mill-aktar deċiżjonijiet iebsa li qatt kelli nieħu kemm ili Prim Ministru. Iżda kien hemm ħaġa ċerta – Malta kienet ser tkun fuq in-naħa tal-poplu Libjan – għaliex fuq kollox din kienet l-essenza tal-kriżi Libjana – għajta għal-libertà ta’ poplu li d-drittijiet tiegħu kienu ġew soppressi għal iktar minn erbgħin sena. Illum, huwa b’sens ta’ kburija li nistgħu nħarsu lura u ngħidu li Malta kienet fuq in-naħa t-tajba tal-istorja.
Huwa anki għalhekk li qed niltaqgħu hawnhekk illum. Qegħdin hawn biex nagħtu ġieħ lil dawk l-irġiel u nisa qalbiena li tilfu ħajjithom waqt il-kunflitt – uħud minnhom fl-isptarijiet tagħna, uħud fil-kamp tal-battalja. M’hemmx dubju li kieku ma kienx għall-isforzi fil-ħin u kkoordinati flimkien ta’ Malta lejn il-ġar tagħna, ħafna aktar kienu jmutu bil-ġrieħi li ġarrbu u t-tbatija tal-poplu Libjan kienet tkun akbar. Huwa tabilħaqq grazzi għall-ħidma kkoordinata u d-dedikazzjoni li kull wieħed u waħda minkom urejtu f’din il-ġrajja li wasslu biex Malta setgħet tasal ferm 'il bogħod mil-limitazzjonijiet tagħha bħala protagonista fuq quddiem nett fil-qasam internazzjonali.
Għamilna minn kollox. L-ospitalità u l-professjonalità tagħkom spikkaw f’kull evakwazzjoni li saret, f’kull wasla ta’ ajruplan militari, f’kull missjoni umanitarja u f’kull emerġenza medika. Meta l-Libjani sejħu għall-għajnuna konna hemm spalla ma’ spalla magħhom u rrikonoxxejna l-valur tal-ħajja umana u taffejna t-tbatija f’kull ġest li għamilna. Għalhekk u għal ħafna aktar, insellmilkom u nirringrazzjakom tar-rwol tagħkom u d-dedikazzjoni li wrejtu.
Illum qed niltaqgħu biex nagħlqu kapitlu u niftħu ieħor. Nixtieq nirringrazzja s-Segretarjat tal-Politika Strateġika fl-Uffiċċju tiegħi, il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin u d-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili għall-inizjattiva li ħadu li jagħmlu dan il-workshop realtà. Kienet ix-xewqa tiegħi li l-ħidma tagħna waqt il-kriżi Libjana ma tintesiex. Għal kuntrarju, ninsabu hawn illum biex inħarsu lura u naraw kif ħdimna, ħdimna flimkien u kkomunikajna sabiex nitgħallmu minn dak li għamilna u nimplimentaw dawk il-lezzjonijiet fil-ħidma tagħna ta’ kuljum. Dejjem hemm fejn nistgħu nirranġaw, u ebda ammont ta’ ppjanar ma jista’ jippreparak għal kriżi ta’ din ix-xorta. Madankollu, kontu kapaċi tifhmu s-sitwazzjoni li konna fiha u ħdimtu id f’id, Dipartimenti u Ministeri flimkien, biex tikkoordinaw l-isforzi ta’ Malta.
Il-kriżi tal-Libja wriet kif nistgħu naħdmu flimkien waqt kriżi kbira mingħajr ma tiġi effettwata l-popolazzjoni. Nirrealizza mill-bidu nett li t-talba tiegħi li nassiguraw l-approċċ ta’ ‘business as usual’ mal-bqija tal-popolazzjoni kienet ser tkun diffiċli, iżda bil-mod kif aġixxejtu intom, Malta ma waqfitx – u għal kuntrarju, irnexxilkom tiġbdu ħabel wieħed biex ikun hemm l-inqas effett fuq il-ħajja ta’ kuljum tal-popolazzjoni Maltija.
Illum nixtieq li tħarsu lura u taraw ir-rwol li kellkom u r-rispons tagħna għal din il-kriżi b’lenti ġdida: lejn dawk li kienu s-suċċessi u n-nuqqasijiet tagħna; il-proċeduri ġodda li wżajna u nistgħu nimplimentaw fi kriżi oħra u xi proċeduri għandna nadottaw għal xi kriżi fil-futur. Li tkun ippreparat f’każ ta’ emerġenza huwa kruċjali għal kull stat. Dan huwa żmien tajjeb li naħsbu ftit lil hinn minn dak li sar u nipproponu soluzzjonijiet u formoli ġodda biex ikollna infrastruttura aktar tajba f’każ ta’ emerġenza.
Malta għandu jkollha l-kapaċità li taffronta kull kriżi li tista’ tinqala u li tista’ teffettwa lil xtutna – jista’ jkun terremot, jew għargħar jew anki gwerra oħra fil-viċinanzi tagħna. Naturalment, ma nistgħux nagħmlu dan mingħajr l-għajnuna tal-komunità internazzjonali u s-sħab tagħna fl-Unjoni Ewropea u l-ġirien fil-Mediterran. Ninkoraġġikom biex taħsbu b’mod strateġiku u fit-tul. Diġà għandna bażi soda li fuqha nistgħu nibnu u waqt li hemm limitazzjonijiet evidenti fil-kapaċità tagħna, hemm ċertament oqsma li fihom nistgħu ntejbu l-operat tagħna.
Inħeġġeġ biex ikun hemm aktar koordinazzjoni u komunikazzjoni bejn l-aġenziji tagħna. Nixtieq li tibnu n-netwerks lokali u internazzjonali tagħkom. Użaw kull opportunità li tiġi għalikom biex issaħħu t-timijiet tagħkom u biex tibnu l-kapaċitajiet tagħkom fil-parametru tal-baġits li ġew allokati lilkom. Nirrikonoxxi li din hija l-kwistjoni kruċjali fl-ippjanar għall-emerġenzi. Fittxu l-opportunitajiet u tgħallmu minn xulxin. Użaw is-sitwazzjoni unika li Malta qed toffrilkom. Id-daqs tagħna jippermettilna li jkollna interazzjoni u koordinazzjoni aħjar f’kull qasam.
Sinjuri,
Nirringrazzjakom għal darb’oħra għall-ħin li ddedikajtu u għall-kontribut tagħkom. Illum qed niftħu kapitlu ġdid fil-mod kif naffrontaw kriżi. Il-kriżi Libjana fissret għalina eżami lil hinn mill-mezzi. Huwa importanti għalina li nħarsu 'l quddiem waqt li nżommu quddiem għajnejna l-lezzjonijiet li tgħallimna mill-passat. Dejjem stagħġibt bis-saħħa tal-karattru u l-abbiltà tal-Maltin meta jiffaċċjaw kriżi. Ninkoraġġikom biex iżżommu dawn il-valuri viċin tagħkom f’kull ġurnata ta’ ħidma u nixtiqilkom workshop ta’ suċċess. Inħares ̉’l quddiem b’ħerqa lejn il-konklużjonijiet li ser joħorġu minn din il-ġurnata fl-interess tagħna lkoll u lejn ir-riżultati li se tippreżentawli wara din il-ġurnata.
Grazzi mill-ġdid.
Stqarrijiet Oħra:
PR262020en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR FOREIGN AND EUROPEAN AFFAIRS Malta and G...
PR262020