IMNIEDI PROĠETT ĠDID SABIEX TKOMPLI TISSAĦĦAĦ L-BELT KAPITALI
Kmieni dalgħodu ġie mniedi l-proġett IValletta.com, sit elettroniku ġdid li se jkun qed joffri informazzjoni dwar l-attiviatjiet kummerċjali u kulturali kollha li jkunu għaddejjin fil-Belt Valletta. Ippreseda din it-tniedija, il-Ministru għall-Kompetizzjoni Ġusta, Negozji Żgħar u l-Konsumatur Jason Azzopardi li qal li dan il-proġett ambizzjuz għandu l-għan prinċipali li jkompli jagħti ħajja lill-Belt Kapitali kif ukoll joħloq aktar aċċessibilita għaliha. Il-Ministru semma l-proġett li l-Gvern flimkien mall-privat għadu kif ħabbar l-ġimgħa l-oħra sabiex tiġi faċilitata l-aċċessibilita għall-Belt. Dan huwa l-Proġett tal-MCP Car Park li se jiswa ’fuq minn 5 miljun ewro u li se jsarraf f’żieda ta’ ’l fuq minn 400 parkeġġ. Il-proġett se jkun jista jitgawda minn kulħadd sabiex aktar nies ikollhom l-kumdita ta’ parkeġġ viċin l-Belt u jkunu jistgħu jagħmlu l-qadi tagħhom. B’hekk jissaħħu wkoll n-negozji li hemm fil-Belt Valletta.
Il-proġett Ivalletta.com se jiġi mħaddem mill-Koperattiva Media Coop li ħolqot din l-idea. Is-Sur John Mallia, Direttur ta’ Media Coop qal li l-idea għall-proġett ħolqot interess kbir mill-Kommunita Kummerċjali tal-Belt Valletta kif ukoll mill-Kunsill Lokali li flimkien qegħdin jagħtu l-kontribut tagħhom sabiex dan is-sit ikun suċċess. Huwa qal li permezz ta’ dan is-sit wieħed se jkun jista jinforma ruhu b’dak kollhu li hemm fil-Belt, kemm jekk hux informazzjoni dwar ħwienet, attivitajiet kulturali u dawk l-attiviatjiet kollha relatati mal-Belt Kapitali.
Il-Ministru Azzopardi qal li l-progett jawgura li tinħoloq aktar aċċessibilta kif ukoll li jinċentiva aktar nies sabiex jidħlu l-Belt. Huwa rringrazzja lill-Koperattiva Mediacoop tal-inizjattiva li ħadu sabiex ħarġu b’din l-idea. Idea, li fi kliem il-Ministru se ssarraf f’ġid sabiex l-Belt Kapitali tkompli tieħu l-popolarita.
Mediacoop hija waħda mill-Koperattivi li ilha mwaqqfa għal snin twal, koperattiva saħaq Azzopardi li matul is-snin iġġenerat l-impjiegi u saħħet l-ekonomija Maltija permezz tal-proġetti li ħolqot. Azzopardi qal li aktar kemm jgħaddi ż-żmien aktar qed jitwaqqfu koperattivi ġodda f’pajjizna, filfatt huwa qal din is-sena se jitwaqqfu madwar 3 koperattivi ġodda. F’pajjiżna għandna madwar 60 Koperattiva reġistrati u dawn jagħmlu ‘turnover’ ta’ madwar € 70,miljun fis-sena.
Il-Ministru Azzopardi qal li s-settur tal-Koperattivi jifforma parti integrali mill-portafoll tal-Ministeru tiegħu u l-Gvern hu kommess li jagħti l-importanza mistħoqqa lis-settur li jirrifletti mudell ta’ intraprenditorjat imfassal fuq il-valuri bażici tad-demokrazija, ugwaljanza, inklużjoni soċjali, u solidarjeta. Huwa għalhekk , qal li “għandna nkomplu nħajru u ninċentivaw iżjed koperattivi jiffurmaw irwiehom u jibnu stejjer ta’ suċċess li jkunu jirflettu l-bżulija, s-sagrifiċji u s-sens ta’ intrapriża meħtieġa”.
Fl-aħħar nett il-Ministru Azzopardi awgura li dan il-proġett jissarraf f’suċċess u ħeġġeġ lill-aktar koperattivi sabiex jieħdu nizjattivi kif għamlet l-Koperattiva Mediacoop sabiex jinħolqu aktar proġetti li fl-aħħar mill-aħħar jissarfu fil-ġid tal-kommunita Maltija u Għawdxija kollha.
Other Press Releases:
PR262020en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR FOREIGN AND EUROPEAN AFFAIRS Malta and G...
PR262020