IL-GVERN IKOMPLI JGĦIN FIT-TWETTIQ TA’ PROĠETTI TAL-KUNSILLI LOKALI B’FONDI MILL-UE
Tmien proġetti tal-Kunsilli Lokali b’valur komplessiv ta’ €3.3 miljun li nkisbu mill-Unjoni Ewropea, se jkunu finalizzati grazzi għall-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Gvern Malti permezz tal-Fond ta’ Ko-Finanzjament għall-Kunsilli Lokali. Permezz ta’ dan il-fond imħaddem mill-Ministeru tal-Ġustizzja, Konsultazzjoni Pubblika u l-Familja, il-Gvern qed jgħaddi kwart ta’ miljun ewro oħra sabiex jgħin fit-tlestija tal-istess proġetti.
Id-dettalji ngħataw mill-Ministru tal-Ġustizzja, Konsultazzjoni Pubblika u l-Familja Chris Said waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret f’Peacock Gardens fil-Belt Valletta, proġett tal-Kunsill Lokali tal-Belt li qed jiġi megħjun permezz tal-Fond ta’ Ko-Finanzjament. Peacock Gardens jinsab fuq in-naħa ta’ Marsamxett u l-proġett hu maħsub sabiex jgħin fir-riġenerazzjoni ta’ dawn l-inħawi u sabiex itejjeb il-prodott turistiku tal-belt kapitali Maltija.
Il-Ministru Chris Said qal li l-Gvern hu impenjat li jkompli jgħin aktar Kunsilli Lokali fit-twettiq ta’ proġetti b’finanzjament Ewropew li permezz tagħhom itejbu l-kwalità tal-ħajja tar-residenti tagħhom. Bejn l-2009 u l-2012, il-Gvern għen billi għadda aktar minn miljun ewro sabiex jgħin fit-twettiq ta’ 50 proġett tal-Kunsilli Lokali li għalihom inkisbu aktar minn €18-il miljun mill-programmi Ewropej.
Il-Ministru Chris Said u l-Kap tal-MEUSAC Vanni Xuereb spjegaw li l-Fond ta’ Ko-Finanzjament għall-Kunsilli Lokali qed jilħaq l-iskop ewlieni tiegħu: dak li jgħin lill-Kunsilli Lokali jiffinanzjaw il-parti ta’ ko-finanzjament meta jakkwistaw fondi mill-Unjoni Ewropea biex iwettqu proġetti li jkunu ressqu huma. Dan għaliex meta Kunsill Lokali jissottometti proġett għall-finanzjament taħt wieħed mill-programmi tal-Unjoni Ewropea, dan ikun jaf sa mill-bidu nett li jkun jista’ jakkwista sa 85 fil-mija tat-total tal-proġett. Dan ifisser ukoll li l-Kunsill Lokali jkun irid joħroġ il-bqija. B’xorti ħażina, sa ftit tas-snin ilu, ħafna ideat u proġetti tajbin kienu qed isiru b’diffikulta’ kbira għaliex għal numru ta’ Kunsilli Lokali Maltin mhux faċli jipprovdu l-bqija tal-finanzjament. Kien propju għal din ir-raġuni li l-Gvern kien waqqaf il-Fond ta’ Ko-Finanzjament tal-Kunsilli Lokali li permezz tiegħu il-Kunsilli Lokali jingħataw għajnuna finanzjarja li tkun tkopri parti sostanzjali minn dawk il-15 fil-mija li jkunu jridu joħorġu huma sabiex iwettqu l-proġett b’suċċess.
Is-Sindku tal-Belt Valletta Alexiei Dingli spjega l-viżjoni tal-Kunsill Lokali għat-titjib tal-inħawi ta’ Marsamxett. Hu qal li l-proġetti qed isiru biex itejbu l-aċċessibilita’ għat-turisti, biex titjib il-kwalità tal-ħajja tar-residenti, u biex fl-istess ħin jippromwovu l-wirt kulturali u storiku tal-belt kapitali Maltija.
L-entitajiet lokali li ngħataw fondi waqt l-attività ta’ dalgħodu jinkludu l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali b’żewġ proġetti msemmija HENCE u SIBIT u l-Fondazzjoni Gal Xlokk għal eżerċizzju ta’ branding tar-reġjun ta’ Malta li hi responsabbli għalih. Il-Kunsilli Lokali ta’ Ħal Tarxien, il-Belt Victoria, il-Belt Valletta u l-Isla qed iwettqu proġetti dwar turiżmu sostenibbli jew turiżmu kulturali, filwaqt li l-proġett tal-Kunsill Lokali ta’ Raħal Ġdid jinvolvi inizjattivi ta’ taħriġ sabiex jgħin residenti tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin jintegraw ruħhom aħjar fid-dinja tax-xogħol.
Stqarrijiet Oħra:
PR262020en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR FOREIGN AND EUROPEAN AFFAIRS Malta and G...
PR262020