Left arrow Go Back

DISKORS MILL-ONOR CLYDE PULI SEGRETARJU PARLAMENTARI GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ U SPORT WAQT IL-PREŻENTAZZJONI TA’ BOROŻ TA’ STUDJU FL-ISPORT

pr1974
Date Icon 11/09/2012

Onor Prim Ministru

Onor Ministru tal-Edukazzjoni

Kollegi Sportivi

Huwa ta’ pjaċir għalija li nkun magħkom, f’dan il-mument li fih qed nilħqu milja oħra fil-mixja tal-qasam sportiv lejn aktar professjonalità.  Lilkom, l-14-il nominat intitolati għal dawn il-boroż ta’ studju – nifirħilkom tas-suċċess tagħkom.

Din kienet l-ewwel sena li l-Gvern nieda boroż ta’ studju speċifikament għall-qasam sportiv u għalhekk intkom minn tal-ewwel li qed tibbenefikaw minn din l-opportunità.

Uħud minnkom għażlu li jkomplu jipperfezzjonaw id-dixxiplina sportiva li huma jipprattikaw b’tant dedikazzjoni: it-tennis, l-għawm, l-isquash.  Oħrajn għażlu li jispeċjalizzaw f’livelli ta’ Masters u Dottorat f’dixxiplini anċillari u neċessarji għall-professjonalità fl-isport: coaching, attività fiżika, nutrizzjoni, psikoloġija u mediċina sportiva.

Dawn il-boroż ta’ studju jingħaqdu ma’ aktar minn 1,800 scholarship ieħor li l-Gvern qassam matul din il-leġiżlatura biex iż-żgħażagħ tagħna jispeċjalizzaw f’diversi oqsma u b’dan il-mod ngħinuhom jimirħu f’opportunitajiet ġodda ta’ xogħol u tal-karriera. Illum, qed inwessgħu dawn l-opportunitajiet għall-qasam sportiv ukoll, kif qabel wessajniehom għall-qasam tal-arti.  Dan għaliex irridu li ż-żgħażagħ tagħna jkollhom aktar opportunitajiet biex jirnexxu u jikkontribwixxu fis-soċjetà skont l-abbilitajiet u t-talenti tagħhom. Anke l-isport jista’ joffri karriera u kontribut ekonomiku.

Dawn il-boroż ta’ studju huma ħolqa oħra minn katina sħiħa ta’ inizjattivi li wettaqna biex ngħollu l-livell u l-professjonalità tal-isport f’pajjiżna.

F’dawn l-4 snin prattikament irdoppjajna l-budget tal-isport u din is-sena qed noffru lil għaqdiet rekord ta’ 26 skema u pakkett ta’ tmien miljun ewro.

F’dawn l-aħħar 4 snin investejna bis-sħih biex inżidu l-kwalità tal-faċilitajiet sportivi eżistenti u fl-istess waqt nedejna diversi programmi u inizjattivi biex inxettlu kultura sportiva u biex inwessgħu l-parteċipazzjoni fl-isport f’pajjiżna.  Il-Kumpless Sportiv ta’ Ħal Kirkop, li jilqa fih 15-il dixxiplina sportiva, u li fetaħ din is-sena, huwa biss l-aħħar żieda fil-kullana ta’ faċilitajiet moderni li għandna llum f’pajjiżna. F’dawn l-4 snin lestejna 33 grawnd tal-futbol, ftaħna squash courts ġodda, ftaħna akkademja tal-isnooker, installajna numru ta’ pixxini għat-taħriġ tal-għawm, investejna f’simulator għat-taħriġ fid-dixxiplina tal-isparar u flimkien mal-Malta Basketball Association qed ninvestu fi training courts ġodda għat-taħriġ tal-basketball.

L-isport aċċessibbli għal kulħadd huwa importanti għal saħħet il-poplu Malti, iżda huwa tajjeb ukoll biex titwessa’ l-bażi minn fejn nagħżlu l-atleti nazzjonali li jirrappreżentawna. 

F’dawn l-erba’ snin ħadna diversi inizjattivi biex niżviluppaw u nappoġġaw l-atleti elite – li jipprattikaw l-isport bħala dixxiplina vera u propja.

Fil-fatt, f’dawn l-aħħar snin mhux biss ingħatat assistenza lill-Kumitat Olimpiku Malti, iżda ħdimna u nedejna skemi ġodda fosthom il-Youth Development Scheme, l-Isports Competition Leave, kif ukoll it-20/20 Sports Training Scheme għall-ħaddiema tas-settur pubbliku, u dawk tas-settur privat. Din is-sena waqqafna ukoll Unit Sportiva fil-Forzi Armati ta’ Malta, u rreklutajna atleti nazzjonali biex tajniehom opportunità ta’ karriera doppja, filwaqt li fi ftit ġimgħat oħra niftħu l-Iskola Nazzjonali tal-Isport biex it-talent nindokrawh minn kmieni.

Dan ifisser li l-Gvern qed jakkumpanja lill-atleti fil-mixja sħiħa tagħhom għas-suċċess – mill-ewwel stadji ta’ identifikazzjoni, sal-mumenti meta jibdew jikkompetu, u jagħmluna kburin li aħna Maltin.

Fl-istess waqt li qed nagħmlu dan kollu irridu nagħtu timbru ta’ serjeta lill-attività sportiva li tirrifletti l-valuri veri tal-isport.  Għal dan il-għan nidejna ċ-Child Protection Policy u l-Aġenzija Nazzjonali kontra d-Doping.

Il-borża ta’ studju li qed noffrulkom illum għandha tgħinkom tagħmlu suċċess fil-karriera personali tagħkom filwaqt li ssaħħaħ l-iżvilupp professjonali tas-settur sportiv f’pajjiżna.  Nawguralkom kull suċċess.

Grazzi.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR FOREIGN AND EUROPEAN AFFAIRS  Malta and Germany discuss European security and closer bilateral cooperation

PR262020en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR FOREIGN AND EUROPEAN AFFAIRS Malta and G...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U EWROPEJ  Malta u l-Ġermanja jiddiskutu s-sigurtà Ewropea u t-tisħiħ tal-kooperazzjoni bejn iż-żewġ pajjiżi

PR262020

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U EWROPEJ Malta u l-Ġer...

More Press Releases Right arrow