Left arrow Mur Lura

DISKORS MILL-ONOR LAWRENCE GONZI, PRIM MINISTRU, WAQT L-GĦOTI TAL-BOROŻ TA’ STUDJU TAL-ISPORTS, FIS-SALA TAL-AMBAXXATURI, IL-BERĠA TA’ KASTILJA, VALLETTA – IT-TLIETA, 11 TA’ SETTEMBRU 2012

pr1973
Date Icon 11/09/2012

Mistednin Distinti,

Studenti,

Ġenituri,

Sinjuri,

Illum, flimkien, qegħdin innaqqxu paġna oħra fl-istorja edukattiva u sportiva ta’ pajjiżna. Għall-ewwel darba, 14-il żagħżugħ u żagħżugħa qed jingħataw borża ta’ studju biex jispeċjalizzaw f’diversi oqsma tal-isports.

Intom l-14-il żagħżugħ u żagħżugħa tixhdu l-impenn tal-Gvern.  Tixhdu l-viżjoni tagħna għaż-żagħżagħ Maltin – li ntukom l-għodda li tridu biex timirħu u tilħqu l-aspirazzjonijiet tagħkom. 

L-attività tal-lum hi xhieda tal-impenn tal-Gvern li jwettaq pass kruċjali fil-qasam sportiv f’pajjiżna. Irridu li l-isports u s-servizzi relatati mal-isports isiru dejjem aktar professjonali. 

Fost l-14-il student li qed jieħdu borża ta’ studju, hawn żgħażagħ li se jagħmlu Masters jew Dottorat fil-coaching, fl-edukazzjoni fiżika, fin-nutrizzjoni, fl-isport injuries, u l-psikoloġija sportiva.  Permezz tal-ispeċjalizzazzjoni f’dawn l-oqsma differenti, qed nibnu qafas sod biex uliedna jingħataw taħriġ sportiv tal-ogħla kwalità. Qed inżewġu wkoll l-impenn tagħna biex pajjiżna jattira aktar turiżmu sportiv ma’ servizzi ta’ kwalità f’dan il-qasam.  B’hekk ikomplu jiżdiedu l-impjiegi u jinħoloq aktar xogħol għaż-żgħażagħ u għall-ħaddiema.

Fuq kollox, qegħdin ninvestu f’żgħażagħ li għandhom talent fl-isports u f’oqsma u servizzi relatati mal-isports.  Permezz ta’ dawn il-boroż ta’ studju, irridu nistimulaw ir-riċerka u t-taħriġ. U rridu nagħtu messaġġ b’saħħtu liż-żgħażagħ biex jilħqu l-aspirazzjonijiet tagħhom, inkluż f’dan il-qasam.

Sa din is-sena, il-Gvern qassam mal-1,842 borża ta’ studju liż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin.  U l-impenn tagħna hu li nkomplu nżidu aktar l-ammont ta’ żgħażagħ li jingħataw borża ta’ studju.

Aħna nemmnu fil-potenzjal ta’ kull żagħżugħ u żagħżugħa u għalhekk ħassejna l-bżonn ta’ aktar skemi speċjalizzati.

Illum qed ninvestu fi skema ġdida biex nilħqu żgħażagħ li għandhom aspirazzjonijiet differenti, din id-darba fl-isports.

Għada se nkunu qed ninvestu f’aktar żgħażagħ li se jispeċjalizzaw fl-arti.  Sentejn ilu, nedejna l-iskema ta’ boroż ta’ studju għall-arti sabiex nixprunaw l-industrija kreattiva u nattiraw aktar investiment f’dan il-qasam. 

U fil-ġimgħat li ġejjin se nagħtu scholarships f’oqsma oħra bħalma huma l-mediċina, il-liġi, l-inġinerija u l-informatika.

Sinjuri,

Permezz tal-għoti tal-ewwel boroż ta’ studju fl-isports, il-Gvern qiegħed iġedded l-impenn tiegħu li jkompli jifrex l-għoti ta’ boroż ta’ studju.

Il-boroż ta’ studju fl-isports huma ħolqa oħra f’katina sħiħa ta’ inizjattivi li l-Gvern ħa f’dawn l-erba’ snin f’dan il-qasam.

Kif tafu, l-investiment fl-isports huwa investiment fil-poplu u fis-saħħa.  Għalhekk komplejna ninvestu fil-faċilitajiet sportivi fl-iskejjel biex jintużaw mit-tfal u għall-użu tal-komunitajiet, investejna fi spazji miftuħa, ftaħna diversi outdoor gyms, komplejna nsaħħu l-infrastruttura sportiva permezz ta’ kumpless sportiv ġdid f’Ħal Kirkop u għamilna investiment f’faċilitajiet oħra mifruxa madwar Malta.

L-investiment tagħna ma jieqafx mal-apparat u l-faċilitajiet.  Saħħaħna l-parteċipazzjoni tat-tfal fi programmi sportivi permezz tal-Kunsill Malti għall-Isports.  Komplejna ngħinu l-atleti professjonali tagħna permezz tal-iskema 20/20 li tgħinhom jitħarrġu u skemi oħra li jgħinuhom biex jipparteċipaw f’kompetizzjonijiet internazzjonali.  Il-Forzi Armati ta’ Malta wkoll nediet skema biex tirrekluta magħha atleti u b’hekk dawn jitħarrġu aktar waqt li jkunu membri tal-Forzi Armati ta’ Malta.  Dan ix-xahar se niftħu l-iskola nazzjonali tal-isports fil-Kulleġġ San Benedittu.

Illum qegħdin inġeddu l-investiment tagħna fl-isportivi u fis-settur sportiv.  L-ispeċjalizzazzjoni tagħkom hija investiment fikom, fit-tfal u ż-żgħażagħ li intom se tiġu f’kuntatt magħhom ladarba ttemmu l-istudji tagħkom.  Qed ninvestu fil-futur tal-isports f’pajjiżna.  Intom se tkunu qegħdin issaħħu dan is-settur biex ikompli jikber, jagħti kontribut ekonomiku u jagħtina riżultati pożittivi kemm fuq livell individwali kif ukoll fuq livell nazzjonali.  Intom, permezz tal-ispeċjalizzazzjoni tagħkom se tkunu qed tgħinu lill-atleti, liż-żgħażagħ u lit-tfal tagħna.  Se ssaħħu l-kwalità fl-isports.  U se tgħinu biex aktar nies jikbru b’saħħithom.

Qegħdin ninvestu fikom għax nemmnu fil-potenzjal tagħkom.

Qegħdin ninvestu fikom għaliex irridukom tirnexxu.

Qegħdin ninvestu fikom għaliex irridu li l-ħolm u t-tamiet tagħkom twettquhom bl-appoġġ li ssibu iżda fuq kollox bil-ħila tagħkom.

Filwaqt li nifirħilkom tal-boroż ta’ studju li ħadtu, nawguralkom kull suċċess fil-karriera tagħkom.  Nawguralkom li l-għażla li għamiltu tagħtikom sodisfazzjon.

Grazzi.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR FOREIGN AND EUROPEAN AFFAIRS  Malta and Germany discuss European security and closer bilateral cooperation

PR262020en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR FOREIGN AND EUROPEAN AFFAIRS Malta and G...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U EWROPEJ  Malta u l-Ġermanja jiddiskutu s-sigurtà Ewropea u t-tisħiħ tal-kooperazzjoni bejn iż-żewġ pajjiżi

PR262020

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U EWROPEJ Malta u l-Ġer...

Aktar Stqarrijiet Right arrow