DISKORS MILL-ONOR LAWRENCE GONZI, PRIM MINISTRU, WAQT L-GĦOTI TAL-BOROŻ TA’ STUDJU TAL-ISPORTS, FIS-SALA TAL-AMBAXXATURI, IL-BERĠA TA’ KASTILJA, VALLETTA – IT-TLIETA, 11 TA’ SETTEMBRU 2012
Studenti,
Ġenituri,
Sinjuri,
Illum, flimkien, qegħdin innaqqxu paġna oħra fl-istorja edukattiva u sportiva ta’ pajjiżna. Għall-ewwel darba, 14-il żagħżugħ u żagħżugħa qed jingħataw borża ta’ studju biex jispeċjalizzaw f’diversi oqsma tal-isports.
Intom l-14-il żagħżugħ u żagħżugħa tixhdu l-impenn tal-Gvern. Tixhdu l-viżjoni tagħna għaż-żagħżagħ Maltin – li ntukom l-għodda li tridu biex timirħu u tilħqu l-aspirazzjonijiet tagħkom.
L-attività tal-lum hi xhieda tal-impenn tal-Gvern li jwettaq pass kruċjali fil-qasam sportiv f’pajjiżna. Irridu li l-isports u s-servizzi relatati mal-isports isiru dejjem aktar professjonali.
Fost l-14-il student li qed jieħdu borża ta’ studju, hawn żgħażagħ li se jagħmlu Masters jew Dottorat fil-coaching, fl-edukazzjoni fiżika, fin-nutrizzjoni, fl-isport injuries, u l-psikoloġija sportiva. Permezz tal-ispeċjalizzazzjoni f’dawn l-oqsma differenti, qed nibnu qafas sod biex uliedna jingħataw taħriġ sportiv tal-ogħla kwalità. Qed inżewġu wkoll l-impenn tagħna biex pajjiżna jattira aktar turiżmu sportiv ma’ servizzi ta’ kwalità f’dan il-qasam. B’hekk ikomplu jiżdiedu l-impjiegi u jinħoloq aktar xogħol għaż-żgħażagħ u għall-ħaddiema.
Fuq kollox, qegħdin ninvestu f’żgħażagħ li għandhom talent fl-isports u f’oqsma u servizzi relatati mal-isports. Permezz ta’ dawn il-boroż ta’ studju, irridu nistimulaw ir-riċerka u t-taħriġ. U rridu nagħtu messaġġ b’saħħtu liż-żgħażagħ biex jilħqu l-aspirazzjonijiet tagħhom, inkluż f’dan il-qasam.
Sa din is-sena, il-Gvern qassam mal-1,842 borża ta’ studju liż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin. U l-impenn tagħna hu li nkomplu nżidu aktar l-ammont ta’ żgħażagħ li jingħataw borża ta’ studju.
Aħna nemmnu fil-potenzjal ta’ kull żagħżugħ u żagħżugħa u għalhekk ħassejna l-bżonn ta’ aktar skemi speċjalizzati.
Illum qed ninvestu fi skema ġdida biex nilħqu żgħażagħ li għandhom aspirazzjonijiet differenti, din id-darba fl-isports.
Għada se nkunu qed ninvestu f’aktar żgħażagħ li se jispeċjalizzaw fl-arti. Sentejn ilu, nedejna l-iskema ta’ boroż ta’ studju għall-arti sabiex nixprunaw l-industrija kreattiva u nattiraw aktar investiment f’dan il-qasam.
U fil-ġimgħat li ġejjin se nagħtu scholarships f’oqsma oħra bħalma huma l-mediċina, il-liġi, l-inġinerija u l-informatika.
Sinjuri,
Permezz tal-għoti tal-ewwel boroż ta’ studju fl-isports, il-Gvern qiegħed iġedded l-impenn tiegħu li jkompli jifrex l-għoti ta’ boroż ta’ studju.
Il-boroż ta’ studju fl-isports huma ħolqa oħra f’katina sħiħa ta’ inizjattivi li l-Gvern ħa f’dawn l-erba’ snin f’dan il-qasam.
Kif tafu, l-investiment fl-isports huwa investiment fil-poplu u fis-saħħa. Għalhekk komplejna ninvestu fil-faċilitajiet sportivi fl-iskejjel biex jintużaw mit-tfal u għall-użu tal-komunitajiet, investejna fi spazji miftuħa, ftaħna diversi outdoor gyms, komplejna nsaħħu l-infrastruttura sportiva permezz ta’ kumpless sportiv ġdid f’Ħal Kirkop u għamilna investiment f’faċilitajiet oħra mifruxa madwar Malta.
L-investiment tagħna ma jieqafx mal-apparat u l-faċilitajiet. Saħħaħna l-parteċipazzjoni tat-tfal fi programmi sportivi permezz tal-Kunsill Malti għall-Isports. Komplejna ngħinu l-atleti professjonali tagħna permezz tal-iskema 20/20 li tgħinhom jitħarrġu u skemi oħra li jgħinuhom biex jipparteċipaw f’kompetizzjonijiet internazzjonali. Il-Forzi Armati ta’ Malta wkoll nediet skema biex tirrekluta magħha atleti u b’hekk dawn jitħarrġu aktar waqt li jkunu membri tal-Forzi Armati ta’ Malta. Dan ix-xahar se niftħu l-iskola nazzjonali tal-isports fil-Kulleġġ San Benedittu.
Illum qegħdin inġeddu l-investiment tagħna fl-isportivi u fis-settur sportiv. L-ispeċjalizzazzjoni tagħkom hija investiment fikom, fit-tfal u ż-żgħażagħ li intom se tiġu f’kuntatt magħhom ladarba ttemmu l-istudji tagħkom. Qed ninvestu fil-futur tal-isports f’pajjiżna. Intom se tkunu qegħdin issaħħu dan is-settur biex ikompli jikber, jagħti kontribut ekonomiku u jagħtina riżultati pożittivi kemm fuq livell individwali kif ukoll fuq livell nazzjonali. Intom, permezz tal-ispeċjalizzazzjoni tagħkom se tkunu qed tgħinu lill-atleti, liż-żgħażagħ u lit-tfal tagħna. Se ssaħħu l-kwalità fl-isports. U se tgħinu biex aktar nies jikbru b’saħħithom.
Qegħdin ninvestu fikom għax nemmnu fil-potenzjal tagħkom.
Qegħdin ninvestu fikom għaliex irridukom tirnexxu.
Qegħdin ninvestu fikom għaliex irridu li l-ħolm u t-tamiet tagħkom twettquhom bl-appoġġ li ssibu iżda fuq kollox bil-ħila tagħkom.
Filwaqt li nifirħilkom tal-boroż ta’ studju li ħadtu, nawguralkom kull suċċess fil-karriera tagħkom. Nawguralkom li l-għażla li għamiltu tagħtikom sodisfazzjon.
Grazzi.
Other Press Releases:
PR262020en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR FOREIGN AND EUROPEAN AFFAIRS Malta and G...
PR262020