STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAR-RIŻORSI U L-AFFARIJIET RURALI
Fl-aħħar jumejn il-Ministru għar-Riżorsi u l-Affarijiet Rurali, George Pullicino pparteċipa fil-Laqgħa tal-Ministri għall-Agrikultura u s-Sajd waqt diskussjoni dwar l-isfidi għall-agrikoltura marbuta mat-tibdil tal-klima, skarsezza ta’ ilma u abbandun tal-art.
Il-Ministru qal li t-tibdil tal-klima qed ikollu effett globali u għandu implikazzjonijiet għal pajjiżi kollha. Aktar minn qatt qabel l-Istati Membri u l-partijiet interessati kollha jeħtieġ jikkoperaw għall-iskambju ta’ teknoloġiji ġodda għall-produzzjoni agrikola li timminimizza l-konsum tal-ilma.
Huwa tkellem dwar il-bżonn ta’ aktar investimenti f’sistemi għat-tisqija tal-uċuħ tar-raba’ kif ukoll dwar l-importanza tat-trattament tad-drenaġġ għall-produzzjoni tal-ilma għat-tisqija speċjalment fil-pajjiżi tal-Mediterran. F’dan ir-rigward pajjiżna qed iwettaq sforzi kbar permezz tal-bini tal-impjanti għat-trattament tad-drenaġġ u infrastruttura biex l-ilma trattat jitwassal lill-bdiewa.
Il-Ministru saħaq ukoll dwar l-importanza li l-Istati Membri jkollhom biżżejjed flessibiltà fil-fondi allokati lilhom mill-EU biex il-bidwi jkun jista’ jwettaq l-investimenti meħtieġa biex jiggarantixxu lilu dħul xieraq u b’hekk ikun jista’ jżomm l-atttività tiegħu.
Il-Ministru tenna r-rwol importanti tal-attività li jwettqu l-bdiewa u r-raħħala mhux biss għall-produzzjoni agrikola imma wkoll għaż-żamma tal-ambjent u l-pajsaġġ rurali f’Malta.
Matul iż-żjara f'Ċipru l-Ministri Ewropej ttieħdu wkoll jaraw postijiet ta' produzzjoni agrikola u setgħu jaraw ir-realtajiet diffiċli ta' pajjiż Meditterran bi skarsezza tal-ilma.
Stqarrijiet Oħra:
PR262020en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR FOREIGN AND EUROPEAN AFFAIRS Malta and G...
PR262020