Left arrow Mur Lura

INAWGURAT XOGĦOL TA’ RESTAWR LI SAR MILL-GĦAQDA WIRT GĦAWDEX B’GĦAJNUNA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX

pr1955
Date Icon 10/09/2012

“Il-patrimonju storiku huwa element ewlieni fost id-diversi karatteristiċi li jagħtu identità distinta lil Għawdex, u għalhekk huwa mportanti li dan il-patrimonju jiġi apprezzat u kkonservat.”  Dan qalitu l-Onor. Giovanna Debono meta kienet qed tinawgura xogħol ta’ restawr estensiv f’bini storiku li jinkorpora l-Porvlista, mini, xelters u silos tal-qamħ ġewwa ċ-Ċittadella.

Dan ix-xogħol ġie koordinat mill-Għaqda Wirt Għawdex bħala parti minn proġett aktar wiesa’ li kien jinkludi wkoll restawr fil-kappella medjevali ta’ Santa Ċeċilja li tinsab fil-limiti tax-Xewkija. Dan kien wieħed minn 38 proġett li ġew proposti minn 37 Għaqda mhux Governattiva taħt skema tal-Ministeru għal Għawdex marbuta mal-ewwel Pjan ta’ Azzjoni ekoGħawdex 2010-2012. F’din l-iskema ġiet allokata somma ta’ madwar €1.2miljun li permezz tagħha dawn l-għaqdiet wettqu diversi proġetti ta’ natura soċjali, kulturali, ambjentali kif ukoll infrastrutturali.

L-Għaqda Wirt Għawdex kienet fost 20 għaqda li gawdew mill-massimu ta’ finanzjament taħt din l-iskema li kien jammonta għal €50,000. Permezz ta’ din l-għajnuna l-Għaqda ikkoordinat ħidma li wasslet biex saru xogħlijiet essenzjali biex issa l-pubbliku jkun jista’ japprezza u jgawdi aħjar dawn iż-żewġ siti storiċi ewlenin f’Għawdex. 

Il-Ministru Giovanna Debono faħħret il-ħidma tal-Għaqda Wirt Għawdex filwaqt li esprimiet sodisfazzjon għall-mod ta’ kif ġew koordinati x-xogħlijiet li permezz tagħhom dawn is-siti qed jiġu wkoll ikkonservati skont l-objettivi ta’ żvilupp sostenibbli proposti fil-proġett ekoGħawdex. Il-Ministru fissret kif permezz ta’ din l-iskema l-Ministeru għal Għawdex poġġa fil-perspettiva wkoll ix-xogħol utli u validu li jwettqu l-membri ta’ dawn l-għaqdiet fost is-soċjetà, li ħafna drabi hija ħidma li titwettaq fuq bażi volontarja. L-Onor. Giovanna Debono fissret kif il-parteċipazzjoni tal-Għaqdiet mhux Governattivi Għawdxin flimkien mal-parteċipazzjoni tal-Kunsilli Lokali u Kumitati Amministrattivi Għawdxin fi skema simili għalihom, wasslet biex twettqu jew qed  jitwettqu għadd ta’ proġetti validi  li jolqtu diversi setturi marbuta mal-pjan ta’ azzjoni ekoGħawdex.

Il-proġett ta’ restawr koordinat mill-Għaqda Wirt Għawdex kien jinkludi fost ħwejjeġ oħra stallazzjoni ta’ passaġġi bl-injam, titjib fis-sistema tal-elettriku bl-użu ta’ lampi li jaħlu anqas enerġija, tindif ġenerali u manutenzjoni oħra. L-Għaqda stampat ukoll ktejjeb u ġew stallati pannelli ta’ informazzjoni biex dawk li jżuru dawn is-siti jkunu jistgħu jifhmu u japprezzaw aħjar l-istorja marbuta magħhom.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR FOREIGN AND EUROPEAN AFFAIRS  Malta and Germany discuss European security and closer bilateral cooperation

PR262020en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR FOREIGN AND EUROPEAN AFFAIRS Malta and G...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U EWROPEJ  Malta u l-Ġermanja jiddiskutu s-sigurtà Ewropea u t-tisħiħ tal-kooperazzjoni bejn iż-żewġ pajjiżi

PR262020

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U EWROPEJ Malta u l-Ġer...

Aktar Stqarrijiet Right arrow