IL-FUTUR TAL-POLITIKA AGRIKOLA KOMUNI – ŻJARA F’PAJJIŻNA MID-DIRETTUR ĠENERALI TAL-KUMMISSJONI EWROPEA INKARIGAT MILL-AGRIKOLTURA, IS-SUR JOSE MANUEL SILVA RODRIGUEZ
Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Affarijiet Rurali George Pullicino kompla bis-sensiela ta' taħdidiet mal-Kummissjoni Ewropea dwar ir-Riforma tal-Politika Agrikola Komuni permezz ta’ laqgħa mad-Direttur Ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea inkarigat mill-Agrikoltura, is-Sur Jose Manuel Silva Rodriguez, li jinsab f’Malta. Din iż-żjara qed tkompli tibni fuq iż-żjara f’pajjiżna tal-Kummisarju Ewropew responsabbli mill-Agrikoltura, Dacian Ciolos fl-2011.
Waqt il-laqgħa saret diskussjoni dwar numru ta' suġġetti marbutin mat-talbiet li qiegħda tagħmel Malta fil-qafas tar-riżorsi li se jkunu neċessarji għas-settur Agrikolu bejn l-2014 u l-2020, kif ukoll dwar il-ħtieġa li jkun hemm ċertu flessibbiltà speċifika għal Malta fil-mod li r-riżorsi partikolarment dawk finanzjari, ikunu jistgħu jintużaw favur il-biedja Maltija. Malta kompliet tinsiti li r-riforma għandha tindirizza r-realtajiet u l-bżonnijiet ta’ pajjiżi żgħar bħal tagħna.
Id-Direttur Ġenerali kellu ċ-ċans li jkompli jifhem iżjed mill-qrib il-kundizzjonijiet uniċi tal-produzzjoni Maltija u anki l-pożizzjoni li qed jagħmel il-Gvern Malti favur it-tisħiħ tal-appoġġ li jirċievu l-bdiewa Maltin u l-mod speċifiku kif dan irid jingħata meta mqabbel mar-realta ta' pajjiżi oħrajn ikbar fl-Unjoni Ewropea.
Id-Direttur Ġenerali Jose Manuel Silva Rodriguez tenna dak li kien stqarr il-kummissarju Dacian Ciolos f’pajjiżna dwar il-ħtieġa li jinstabu soluzzjonijiet speċifiċi għal Malta fl-aħħar tan-negozjati. Il-laqgħa kienet pożittiva u daħlet f'ċertu dettall dwar il-bosta setturi differenti tal-agrikoltura Maltija.
Din il-laqgħa saret fi żmien opportun hekk kif in-negozjati fil-Kunsill u l-Parlament Ewropew dwar il-Politika Agrikola Komuni jissoktaw nhar it-Tnejn li ġej b'laqgħa informali tal-Ministri tal-Agrikoltura f'Ċipru li għaliha se jkun preżenti wkoll il-Ministru Pullicino.
Id-Direttur Ġenerali tal-Kummissjoni inkarigat mill-Agrikoltura, is-Sur Jose Manuel Silva Rodriguez, waqt din iż-żjara f’Malta kellu wkoll l-opportunità li jżur numru ta’ raħħala fl-irziezet u bdiewa fl-għelieqi kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex.
Stqarrijiet Oħra:
PR262020en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR FOREIGN AND EUROPEAN AFFAIRS Malta and G...
PR262020