STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAR-RIŻORSI U L-AFFARIJET RURALI
Il-Ministeru għar-Riżorsi u l-Affarijiet Rurali jirreferi għall-istqarrija tal-Kelliem tal-Oppożizzjoni, l-Onor. Charles Buħagiar.
Il-Ministeru jiskanta kif l-Onor. Buhagiar ma jafx x’qed jiġri biex isir tindif u manutenzjoni ta’ widien u ġibjuni. Kieku mqar indenja ruħu jaqra l-istqarrija li l-Ministeru ppubblika jumejn ilu kien jistenbaħ li “F’din il-leġislatura l-Gvern waqqaf unit bil-għan biex jieħu ħsieb il-manutenzjoni u tindif tal-widien u ġibjuni”. Dan juri kemm l-Onor. Buhagiar hu maqtugħ mir-realtajiet, tkellem biss biex mingħalih jieħu rikba politika u ma jġibx rispett lejn il-ħaddiema ta’ dan il-unit li matul ix-xhur tas-sajf ta’ din is-sena u s-snin li għaddew ħadmu bis-sħiħ biex inaddfu l-widien u l-ġibjuni.
Il-Ministeru flimkien ma’ din l-istqarrija qed jippubblika lista ta’ 19-il wied u 12-il ġibjun fejn fl-aħħar snin, il-ħaddiema tal-Unit speċjalizzat fuq il-manutenzjoni u t-tindif tal-widien u l-ġibjuni wettqu xogħol f’kemm ilu mwaqqaf dan l-istess unit. Wieħed għandu japprezza wkoll li ċertu xogħol ta’ tindif fuq il-widien u l-ġibjuni jirrepeti ruħu fl-istess żona kull sena.
Fir-rigward tal-proġett tat-taffija tal-għargħar l-Onor. Buhagiar ukoll qed juri kemm ma jsegwix x’inhu għaddej. Kieku mqar segwa l-istqarrijet pubbliċi kien jiskopri wkoll il-fatti dwar il-proċess tal-proġett. Wara li f’Diċembru tal-2011 inħarġu l-permessi kollha meħtieġa mill-MEPA, setgħat issir l-applikazzjoni għal fondi Ewropej bir-rata ta’ kofinanzjament tkun ta’ 85% mill-Unjoni Ewropea taħt il-programm ERDF, b’investiment ta’ madwar €56 miljun. Fil-fatt wara li saret konsultazzjoni ma’ JASPERS, il-konsulenti tekniċi tal-Unjoni Ewropea, l-applikazzjoni ġiet formalment sottomessa lill-Unjoni Ewropea. Jaspers, diġa għamlu rakkomandazzjoni favorevoli u l-Ministeru qiegħed issa jistenna l-approvazzjoni tal-finanzjament tal-proġett.
Il-Ministeru jiskanta kif l-Onor. Charles Buhagiar ma jafx kif titħaddem applikazzjoni għal fondi ewropej.
Other Press Releases:
PR262020en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR FOREIGN AND EUROPEAN AFFAIRS Malta and G...
PR262020
pr1937a.pdf