SUMMER ON THE MOVE IL-PROGRAMM SPORTIV TAL-KUNSILL MALTI GĦALL-ISPORT JIĠI FI TMIEMU LLUM
- Rekord ta’ 3,000 parteċipant
- Parteċipazzjoni li hija 4 darbiet aktar mill-2008
- Il-programm qed jiġi provdut minn 5 ċentri għall-ewwel darba
- 190 coach u instructors ħadmu fuq dan il-programm
Il-programm Summer on the Move tal-Kunsill Malti għall-Isport, din is-sena kellu rekord ta’ 3,000 parteċipant. Dan ifisser li numru ta’ parteċipanti huwa kważi t-tripplu tas-sena li għaddiet, erbgħa darbiet aktar mill-2008 u 30 darba aktar mill-2003 meta l-programm kien sar għall-ewwel darba. Dan żvelah is-Segretarju Parlamentari Clyde Puli meta żar il-Kumpless Sportiv f’Tal-Qroqq fl-aħħar ġurnata ta’ dan il-programm. L-attivitajiet ta’ Summer on the Move isiru kull sajf bl-iskop li tfal u żgħażagħ ta’ bejn l-4 u is-16-il sena u issa ankè l-adulti jibqgħu jżommu ruħhom attivi fix-xhur tas-sajf.
Il-konkorrenza rekord għall-programm tal-Kunsill Malti għall-Isport qed turi li l-kuxjenza favur l-isport u l-attività fiżika qed tikber u aktar ġenituri qed jaraw l-importanza li din tkun parti mill-lifestyle ta’ uliedhom.
Iż-żieda fil-parteċipazzjoni kienet dovuta ukoll għaż-żieda fiċ-ċentri min fejn jiġi pprodut il-programm. Fil-fatt Summer on the Move minn din is-sena beda jinagħta minn ħames ċentri sportivi: Tal-Qroqq, Kirkop, Kottonera, Ħal Qormi u Mosta. Dawn iċ-ċentri ġew mgħammra b’apparat ġdid u adekwat u ġew stallati żewġ swimming pools ġodda oħra f’Ħal Kirkop u f’Tal-Qroqq biex il-Kunsill Malti għall-Isport seta’ jlaħħaq mad-domanda. Is-Segretarju Parlamentari Clyde Puli qal li l-għan tal-Kunsill Malti għall-Isport huwa li kull sena jiżdied l-apparat u ċ-ċentri min fejn jittellgħu l-programmi. Dan sakemm l-inħawi kollha ta’ Malta u Għawdex ikunu milħuqin tajjeb minn kullħadd.
Iż-żieda fil-parteċipazzjoni kienet ukoll dovuta għall-fatt li żdiedu id-dixxiplini u l-attivitajiet sportivi offruti f’Summer on the Move, biex tintlaħaq faxxa akbar ta’ nies. Fil-fatt din is-sena minbarra d-dixxiplini numerużi tas-soltu bħal Għawm, Basketball, Rugby, Canoeing u Sailing ġew organizzati għall-ewwel darba l-Acqua Aerobics, kif ukoll iż-Zumba, Fitness, Sparar u Snooker biex in-numru ta’ partiċipanti setgħu jinkludu madwar 400 mitt adult u ġenituri li qabel kienu joqogħdu jistennew lill-uliedhom ilestu mill-attività.
Is-Segretarju Parlamentari Clyde Puli qal li dan il-programm qiegħed iżomm eluf ta’ nies attivi u f’saħħithom filwaqt li ipprovda xogħol lil 190 coach u instructor li ħadmu fuq dan il-programm.
Finalment is-Segretarju Parlamentari qal li t-tfal u l-adulti ser jingħataw ċertifikat ta’ parteċipazzjoni f’attività apposta li ser titella’ fl-14 ta’ Settembru fil-Kumpless Sportiv tal-Kottonera.
Other Press Releases:
PR262020en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR FOREIGN AND EUROPEAN AFFAIRS Malta and G...
PR262020
pr1934a.pdf