9,000 TUNNELLATA TA’ MATERJAL MIĠBUR MILL-WIDIEN F’PAJJIŻNA FIX-XHUR TAS-SAJF
F’Wied il-Luq fis-Siġġiewi, il-Ministru għar-Riżorsi u l-Affarijiet Rurali, George Pullicino ta rendikont tal-ħidma li saret matul ix-xhur tas-Sajf fuq xogħol ta’ tindif u manutenzjoni fuq 4 ġibjuni u 8 widien f’pajjiżna. Dawn huma:
• Ġibjun fl-Imġarr (Triq Għajn Tuffieħa)
• Ġibjun fil-Baħrija (Tan-Niqra)
• Ġibjun f’Santa Luċija (Ta’ Garnaw)
• Ġibjun f’Ħal Għaxaq (Ħas-Saptan)
• Parti minn Wied Mofru, Żebbuġ
• Parti minn Wied Liemu, Rabat
• Parti minn Wied Baqqiegħa, Żebbuġ
• Parti minn Wied San Anton, Żebbuġ
• Parti minn Wied Ġebel Għomor, Rabat
• Parti minn Wied il-Luq, Siġġiewi
• Parti minn Wied tal-Isqof, Rabat
• Parti minn Wied Qlejgħa (Chadwick Lakes)
Bix-xogħol ta’ tneħħija ta’ materjal u ħaxix li jakkumola, matul dawn ix-xhur inġabru madwar 9,000 tunnellata ta’ skart. Mat-8 tunnellati minn dan l-iskart kien propju ħamrija li ngħatat lil bdiewa.
Il-kapaċità tal-ħażna tal-ilma f’pajjiżna llum tlaħħaq it-300,000 metru kubu. It-tindif tal-ġibjuni u l-widien iwassal biex l-ilma jkun kemm jista’ jkun mexxej fil-wied filwaqt li jservu ta’ postijiet minn fejn il-bdiewa jkunu jistgħu jieħdu l-ilma minnhom. F’din il-leġislatura l-Gvern waqqaf unit bil-għan biex jieħu ħsieb il-manutenzjoni u tindif tal-widien u ġibjuni biex il-ħażna ta’ madwar 300,000 metru kubu ta’ ilma tinżamm u titkabbar. Filfatt fil-widien li tnaddfu din is-sena sar xogħol fuq aktar minn 4 km ta’ tul ta’ widien.
Permezz tal-proġett għat-taffija tal-għargħar, li jinsab fil-fażi inizjali tiegħu, se jkun ittripplat l-ammont ta’ xita li jinħażen jew jiżdied mal-ilma tal-pjan f’pajjiżna – dan għaliex dan il-proġett għandu l-potenzjal li jiġbor u jirreċikla mas-700,000 metru kubu ta’ ilma tax-xita. Fil-Gżira bħala parti minn dan il-proġett qed tinbena wkoll riżerva ta’ madwar 10,000 metru kubu ta’ ilma.
Matul ix-xogħlijiet ta’ tindif, il-ħaddiema ġabru mill-widien ammont ta’ skart goff. Il-Gvern investa bis-sħiħ biex illum f’pajjiżna għandna sistema li skart goff jinġabar ukoll b’xejn mid-djar, u nsibu 5 Ċentri li jilqgħu fihom skart goff b’xejn li jiftħu kuljum bi Ħdud u festi inklużi. Dan għandu jwassal biex ħadd ma jkollu skuża biex jarmi barra.
Stqarrijiet Oħra:
PR262018
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...
PR262017