STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX
Rendikont tax-xogħol f’Għawdex minħabba l-maltempati
F’dawn l-aħħar jumejn, ħaddiema mid-Dipartiment tal-Proġetti u Żvilupp u oħrajn mid-Dipartiment tat-Turiżmu u Żvilupp Ekonomiku fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex, kienu impenjati fi programm ta’ ħidma biex jiġu mnaddfa toroq u bajjiet madwar Għawdex li sfaw milquta mill-maltempata qawwija li ħakmet lill-Gżejjer Maltin bejn il-Ħadd u t-Tnejn li għaddew.
Il-ħidma prinċipali kienet marbuta ma’ tindif ta’ żrar, trab, biċċiet ta’ siġar, ġebel u materjal ieħor li nġarr mal-ilma tax-xita kemm f’toroq prinċipali kif ukoll f’bajjiet u postijiet oħra. Inqatgħu wkoll partijiet minn siġar li sfaw mqaċċta jew milwija bil-qawwa tar-riħ u kienu qed jikkawżaw ostakoli f’toroq prinċipali fosthom dawk fit-triq ewlenija li twassal għall-Imġarr, fit-triq li twassal għax-Xagħra u dik li tieħu għan-Nadur magħrufa bħala Ta’ Xħajma u fit-toroq madwar ir-Rabat fosthom it-triq li twassal għall-isptar Ġenerali ta’ Għawdex u ż-żona taċ-Ċawla.
Xogħol intensiv sar fil-bajja tax-Xlendi fejn tneħħew ħames trakkijiet qasab u żewġ trakkijiet materjal ieħor li nġarr mal-wied. Ġiet imnaddfa t-triq bejn il-parkeġġ u ż-żona magħrufa bħala l-Kantra filwaqt li l-passaġġi madwar ix-xtajta ġew ukoll maħsula wara li nġabar il-materjal kollu li nġarr mill-ilma. Sar tindif ieħor f’bajjiet oħra fosthom dawk ta’ Marsalforn u Wied l-Għasri.
Xogħlijiet oħra ta’ tindif saru f’Ta’ Kerċem u l-Munxar filwaqt li llum bdew jitwittew gandotti mħaffra fil-bajjiet bil-qawwa tal-ilma tax-xita. Beda jinġabar ukoll qasab u materjal ieħor li spiċċa mkaxkar fil-baħar fl-inħawi tal-Marina tal-Imġarr. Fadal ukoll li jinġabar żrar u trab li tkaxkar mal-ilma u nġemgħa fi ġnub ta’ toroq fosthom dik Ta’ Xħajma, il-Qala u t-triq qrib is-santwarju Ta’ Pinu. Huwa ppjanat li dan it-tindif jitlesta fil-jumejn li ġejjin.
Sadanittant it-tindif u r-restawr tal-ilqugħ tal-ilma li sar bħala parti minn programm wiesa’ ta’ tindif tal-widien f’Għawdex is-sena l-oħra, jidher li laqa’ ħafna mill-impatt ta’ din il-maltempata. Fil-fatt volum kbir ta’ ilma nġabar fil-Wied ta’ Żejta u fil-wied ta’ Marsalforn u b’hekk tnaqqas konsiderevolment l-ilma u l-materjal li kieku kien jispiċċa jinġarr fil-bajja ta’ Marsalforn.
Fil-ħidma marbuta mal-impatt ta’ din il-matempata kienet involuta wkoll it-taqsima tal-Protezzjoni Ċivili f’Għawdex. Ħaddiema minn din it-taqsima kienu impenjati biex jagħtu għajnuna lil nies li nqabbdu ġewwa l-karozzi tagħhom sa mill-Ħadd filgħaxija. Intalbu wkoll biex jagħtu għajnuna fi tliet każijiet fejn vetturi nġarru bil-qawwa tal-ilma filwaqt li ssejħu biex joffru servizzi lil residenti li d-djar tagħhom spiċċaw mgħarrqin fl-ilma.
Stqarrijiet Oħra:
PR262018
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...
PR262017