Left arrow Mur Lura

DISKORS MILL-ONOR. LAWRENCE GONZI, PRIM MINISTRU, FL-OKKAŻJONI TAL-PASSING OUT PARADE TAR-REKLUTI ĠODDA, ĠEWWA LUQA BARRACKS, ĦAL LUQA – IT-TLIETA, 4 TA’ SETTEMBRU 2012

pr1899
Date Icon 04/09/2012

Kap Kmandant,

Rekluti ġodda,

Mistiedna Distinti,

Sinjuri,

Huwa ta’ pjaċir u unur għalija bħala Prim Ministru li nassisti għal din il-parata.

Iċ-ċerimonja tal-lum hija tassew ġurnata speċjali għalikom li ħdimtu għaliha u li lħaqtu l-ambizzjoni tagħkom.  Hi speċjali wkoll għall-Forzi Armati ta’ Malta u għal pajjiżna.

Intom, 59 żagħżugħ u żagħżugħa, għażiltu karriera ta’ dixxiplina u ta’ servizz għal pajjiżna.  Ta’ dan, f’isem il-poplu nirringrazzjakom u nifirħilkom.  Is-servizz tagħkom tul is-snin li ġejjin għandu jkun ankrat u ispirat minn valuri sodi:  lealtà, dover, rispett, integrità kif ukoll kuraġġ personali.  Huma valuri li ġew mgħallma lilkom mill-għalliema tal-Forzi Armati ta’ Malta, li minn hawn nirringrazzjahom talli b’dedikazzjoni u b’entużjażmu żviluppaw it-talenti u l-potenzjal tagħkom anke dawk sportivi.

Huwa ta’ sodisfazzjon ninnota li fost dan il-grupp ta’ suldati hawn l-ewwel żewġ żgħażagħ li bbenefikaw mill-iskema ta’ reklutaġġ għall-suldati atleti.  Din hi inizjattiva ġdida li biha qed insaħħu wkoll il-professjonalità sportiva f’Malta u qed nagħtu ċans ukoll liż-żgħażagħ li jitħarrġu aktar fl-isports.

Ta’ sodisfazzjon ukoll huwa l-fatt li l-maġġoranza tagħkom għażiltu li sservu u tieħdu esperjenza barra pajjiżna fuq missjonijiet ta ‘Crisis Management’ taħt il-kappa tal-Unjoni Ewropea u fuq mandat tan-Nazzjonijiet Uniti.  Oħrajn irrispondew għal domanda tal-Forzi Armati u se jimlew postijiet li jirrikjedu snajja jew kapaċitajiet tekniċi partikulari.

Illum, intom kollha sirtu parti mill-Forzi Armati ta’ Malta.  Se tkunu qed tgħinu fit-twettieq tad-doveri u r-responsabbiltajiet tal-Armata.  Il-poplu japprezza l-ħidma tagħkom ta’ salvataġġ kif ukoll meta pajjiżna jintlaqat mit-traġedji umani.  Tirrispondu f’kull ċirkostanza, maltemp jew bnazzi, lejl jew nhar. Ta’ dan kollu u aktar, Kap Kmandant, għandkom l-ammirazzjoni tiegħi u tal-poplu Malti kollu.

Sinjuri,

Sabiex il-Forzi Armati ta’ Malta jkunu jistgħu jirrispondu u jwettqu d-dmirijiet tagħhom għandhom bżonn suldati mħarrġa kif ukoll infrastruttura moderna.

It-taħriġ kontinwu, kemm lokali u kemm barra minn Malta, huwa pedament importanti tal-Forzi Armati ta’ Malta.  Dan it-taħriġ qiegħed jgħin bil-bosta lis-suldati Maltin li qegħdin jassistu f’operazzjonijiet barra minn Malta. 

Malta kompliet tagħti kontribut f’missjoni tal-Unjoni Ewropea fil-kosta tas-Somalja. Is-suldati Maltin ħadmu id f’id ma’ forzi barranin, fil-protezzjoni ta’ vapuri u dejjem urew professjonalità kbira.  L-Armata żammet ukoll il-preżenza tagħha b’uffiċjal stazzjonat l-Ingilterra, u li qed jifforma parti minn tim ta’ uffiċjali mill-Unjoni Ewropea fi tmexxija ta’ Operazzjoni Marittima fix-xtut tas-Somalja.  L-Armata qiegħda tgħin ukoll fit-taħriġ ta’ membri tal-ordni Somali ġewwa l-Uganda.

Fl-istess ħin membri tal-Forzi Armati ta’ Malta qegħdin iħarrġu uffiċjali barranin barra minn xtutna fil-qasam tas-salvataġġ u operazzjonijiet fuq il-baħar. Għal xahar sħiħ, fl-Iżrael, team ta’ erba’ istrutturi mill-Forzi Armati tagħna taw taħriġ speċjalizzat lil suldati Iżraeliti u ftit xhur ilu beda programm ta’ taħriġ għall-membri tal-Armata Libjana.  Dan l-aħħar il-Forzi Armati organizzaw ukoll taħriġ f’isem l-Organizzazzjoni Internazzjonali Marittima għall-uffiċjali mill-Istati madwar il-Baħar l-Iswed.

Bil-ħidma u bil-kontribut tagħkom kollha, qegħdin tagħmlu ġieħ mhux biss lill-Armata imma wisq aktar lil pajjiżna.

F’dawn l-aħħar erba’ snin għamilna investiment qawwi fl-infrastruttura tal-Forzi Armati ta’ Malta.  Għamilna hekk għaliex nemmnu mhux biss fl-effiċjenza tal-Forzi Armati, iżda b’aktar tagħmir modern, il-membri tal-Forzi Armati jkollhom aktar sodisfazzjon fix-xogħol li jagħmlu.  Sfruttajna l-benefiċċji tas-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea, emminna fil-potenzjal tal-Armata u investejna aktar minn 40 miljun ewro.

Aktar kmieni din is-sena kelli l-privileġġ li nassisti għar-roll-out tat-tieni ajruplan li saru b’investiment ta’ 19-il miljun ewro.  F’dawn l-erba snin, il-Forzi Armati ta’ Malta investew f’erba’ patrol boats ġodda, f’sistema ġdida ta’ komunikazzjoni u  żewġ laneċ għas-salvataġġ ġew modernizzati.   

Għadu kif tlesta wkoll xogħol fuq hanger ġdid li se jilqa’ l-ajruplani tal-Armata.  Fl-istess ħin l-iskwadra marittima bniet blokk ġdid li se jtejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-membri tal-iskwadra.  Tlesta wkoll il-proġett tal-estensjoni tal-moll. 

Ma’ dan l-investiment, se nkomplu ninvestu aktar u fil-futur qarib se jaslu Malta tliet ‘dinghies’ kbar li ser jiswew €2 miljun.  Flimkien ma’ tagħmir għal  sorveljanza bil-lejl, dawn il-bċejjeċ tal-baħar se jservu biex ngħassu l-ibħra ta madwarna aħjar.  Se ninvestu wkoll 17-il miljun ewro għal helikopter ġdid għall-Forzi Armati ta’ Malta.

Sinjuri,

Intom, ir-rekluti l-ġodda, tixhdu l-futur tal-Forzi Armati.  Futur li joffri opportunitajiet u sfidi ġodda li kapaċi tilħquhom bi professjonalità.  Wasaltu sa hawn għaliex ħdimtu għal dak li xtaqtu.  L-ambizzjoni tagħkom ma tieqafx hawn.  Nawgura li l-ispirtu li mxejtu bih biex wasaltu sa hawn tkomplu turuh tul il-karriera tagħkom, li tkompli toffrilkom aktar opportunitajiet ta’ avvanz u tagħtikom sodisfazzjon.

F’isem il-Gvern u l-poplu nirringrazzja lis-suldati kollha u lill-Kap Kmandant tas-sehem tagħkom lejn pajjiżna.

Malta u l-Maltin kburin bil-kontribut uniku u partikulari lejn pajjiżna.

Grazzi.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI  Tittella’ konferenza nazzjonali li tqajjem aktar għarfien u azzjoni kontra l-vjolenza domestika

PR262018

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT U MILL-MINISTERU GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IL-BENESSERI U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI  Minn 90 għal kważi 900 żagħżugħ u żagħżugħa fi tliet snin fid-Duke of Edinburgh’s International Award

PR262017

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU G...

Aktar Stqarrijiet Right arrow