IMNIEDI PROĠETT TA’ ‘L FUQ MINN €5 MILJUNI SABIEX TIŻDIED L-AĊĊESSIBILTÀ FIL-BELT VALLETTA
F’konferenza stampa li saret dalgħodu fil-Furjana, tħabbar proġett kbir tal-privat u ambizzjuż li ser ifisser investiment ta’ iktar minn €5 miljun li se jipprovdi aktar aċċessibilita’ għal dawk kollha li jidħlu l-Furjana u l-Belt Valletta kif ukoll għan-negozji kollha tal-Belt. Dan intqal mill-Ministru għall-Kompetizzjoni Ġusta, Negozji Żgħar u l-Konsumatur Jason Azzopardi li ta dettalji dwar proġett ta’ tkabbir tal-parkeġġ tal-MCP fil-Furjana b’iktar minn 400 spazju u t-tisbiħ tal-wicc tiegħu li ħa jsir ġnien pubbliku, wara li llum stess ippreżenta mozzjoni fil-Parlament biex dan jintalab japprova l-kuntratt neċessarju.
Il-Ministru Azzopardi spjega li l-Car Park tal-Furjana minn dejjem kien parkeġġ b’saħħtu, li fih jilqa’ mijiet ta’ sidien tan-negozji kif ukoll ħaddiema tal-Gvern u l-privat li jaħdmu fil-Furjana u l-Belt Valletta. Huwa qal li l-investiment kbir li se jkun qed isir fuq dan il-proġett, jixhed kemm l-investituri Maltin għandhom fiduċja sħiħa li jinvestu fis-sod f’investimenti kbar, u li permezz ta’ dawn il-proġetti jkomplu joħolqu x-xogħol u jsaħħu l-ekonomija ta’ pajjiżna.
Il-Gvern permezz tad-Dipatiment tal-Artijiet, se jkun qed jestendi l-perjodu ta’ ċens għal 65 sena fuq dak kurrenti lill-Kumpanija MCP Company Limited. L-investiment se jissarraf fi ġnien kbir u spazjuż li se jkun jista’ jitgawda mill-pubbliku ġenerali u liema ġnien irid isir skond standards stabbiliti mill-Gvern u l-manutenzjoni tiegħu tkun a spejjeż tal-MCP Co Ltd. B’hekk ser tkun qed tissebbaħ id-daħla għal Belt Kapitali fl-interess tal-poplu Malti kollu. Fl-istess waqt, il-Gvern rabat lill-operatur biex ma jkunx hemm ebda attività kummerċjali fil-car park meta jitlesta l-proġett.
Il-Ministru Azzopardi qal li ż-żieda ta’ ’l fuq minn 400 parkeġġ, se jkun qed ifisser li aktar nies se jidħlu l-Belt u jagħmlu x-xiri tagħhom. B’hekk se jkunu qed jissaħħu n-negozji li hemm fil-Belt Kapitali . "Dan huwa proġett kbir li minnu se jgawdu n-nies. Igawdu n-negozji, għaliex tittaffa bil-bosta l-problema ta’ parkeġġ, kif ukoll igawdu l-klijenti ta’ dawn in-negozji li se jkunu jistgħu jidħlu jagħmlu x-xiri tagħhom fil-Belt Valletta bil-kumdità kollha li jkollhom il-parkeġġ ikbar, viċin u sigur għall-vettura tagħhom. Dan kollu juri li jimpurtana", sostna Azzopardi. Barra minn hekk l-proġett, spjega Azzopardi ser jgħin ħafna fl-immaniġġjar tat-traffiku minn u lejn il-Belt.
Il-proġett mistenni jieħu madwar 6 xhur żmien sabiex jitlesta fih ix-xogħol maġġuri, filwaqt li biex ikun lest kollu mistenni jieħu madwar sena u nofs. L-operat tal-parkeġġ mhux se jkun effetwat matul dawn ix-xogħlijiet.
Is-Sur Salvu Ellul, Direttur Maniġerjali tal-Kumpanija MCP Company Limited li tmexxi dan il-parkeġġ, qal li l-kumpanija dejjem żammet l-irħas prezzijiet għal dawn l-aħħar tmintax-il sena u dan biex aktar nies jiġu inċentivati jidħlu l-Belt Valletta.
Il-Perit Ray Demicoli ta preżentazzjoni dettaljata tal-andament tal-proġett. Huwa qal li l-parkeġġ se jkun qed jagħti dehra ħafna isbaħ minn kif jinsab llum. Dan għaliex fuq se jiġi trasformat fi ġnien kbir li se jsebbaħ l-ambjent tal-madwar u wieħed se jkun jista’ jgawdi l-veduta tal-Port il-Kbir.
Fl-aħħarnett il-Ministru Azzopardi awgura li l-proġett ikun wieħed ta’ suċċess sabiex ikun jista’ jitgawda minn kulħadd, bl-iskop aħħari tiegħu jkun li kulħadd jinqeda bl-aħjar mod possibbli u bl-iktar mod komdu, jitgawda l-ġnien pubbliku u jissaħħu n-negozji li hemm fil-Belt Valletta. Qal li l-Gvern wera li ta widen għal dak li kienet qed tgħid il-komunità kummerċjali tal-Belt dan l-aħħar, sabiex tiżdied l-aċċessibilità lejn il-Belt.
Other Press Releases:
PR262018
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...
PR262017