FTUĦ TAL-CUSTOMER CARE CENTRE TAL-MINISTERU TAL-EDUKAZZJONI U X-XOGĦOL
Il-Gvern hu impenjat li jagħti l-aħjar servizz lill-pubbliku li jkollu bżonn tagħrif, għajnuna jew pariri li għandu x’jaqsmu ma’ dak kollu li jaqa taħt ir-responsabbilta’ tal-Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol u dan permezz ta’ nies imħarrġa u f’ambejnt modern u nadif kif jixraq lid-dinjita’ tal-ħaddiema li jaħdmu fih u tal-pubbliku li jinqeda minn dan il-post.
Il-Ministru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol, Dolores Cristina dalgħodu inawgurat uffiċċju ġdid tal-Customer Care tal-Ministeru li jinsab taħt id-Direttorati tal-Edukazzjoni fi Triq l-Assedju l-Kbir il-Furjana.
F’diskors li għamlet il-Ministru qalet li dan iċ-Ċentru jrid iservi ta’ ħolqa ewlenija bejn il-pubbliku u l-Ministeru għal dak li għandu x’jaqsam ma’ tagħrif dwar l-edukazzjoni u x-xogħol.
Aktarx li dan il-Ministeru għandu l-akbar klijentela għaliex mal-edukazzjoni b’xi mod jew ieħor imiss kważi kulħadd - studenti infushom f’kull livell, ġenituri u kultant anke n-nanniet li fit-tradizzjoni tagħna jagħmlu kollox għan-neputijiet. Fil-qasam tax-xogħol ukoll hemm numru kbir ta’ nies li minn żmien għal żmien ikunu jinħtieġu informazzjoni.
Il-Ministeru issa għandna binja waħda li qed tilqa’ fiha diversi taqsimiet biex nassiguraw li kemm jista’ jkun, klijent li jiġi f’dan iċ-ċentru jinqeda f’dak kollu li jkollu bżonn bla ħafna skariġġ żejjed.
Il-Ministru appellat lill-impjegati ta’ dan iċ-Ċentru ta’ Informazzjoni u fakkrithom fir-responsabbilta’ kbira li għandhom fil-ħidma li jwettqu. “Aħna qegħdin hawn għas-servizz taċ-ċittadin li jixraqlu l-aħjar servizz. Min jiġi hawn biex jikseb tagħrif dwar l-edukazzjoni, ix-xogħol u t-taħriġ, jistenna li jingħata l-informazzjoni sħiħa u korretta għat-talbiet tiegħu”, sostniet il-Ministru Cristina.
Għalhekk, l-impjegati li se jkunu qed jilqgħu lill-membri tal-pubbliku iridu jżommu ruħhom aġġornati ma’ dak li jkun qed isir fid-Direttorati u d-Dipartimenti u entijiet oħra li jaqgħu taħt dan il-Ministeru.
Hi fakkret lill-impjegati li jekk jagħtu informazzjoni żbaljata din jista’ jkollha riperkussjonijiet serji fuq membri tal-pubbliku li jitolbuha
Biex ġiet irranġata din il-binja, immodernizzatha u b’hekk inħoloq ambjent aktar nadif u komdu għall-impjegati, il-Gvern investa sew għax iħoss li l-imjegati tiegħu wkoll jixirqilhom li jkollkom ambjent komdu u pjaċevoli fejn jaħdmu u jridu jgħaddu terz tal-ġurnata tagħhom, iħabbtu wiċċhom man-nies.
F’din il-binja, barra mill-uffiċċju tal-Customer Care hemm ukoll uffiċċju li jieħu ħsieb dak kollu li għandu x’jaqsam mal-istipendji, uffiċċju tal-Bord tal-Iskejjel li jgħallmu l-Ingliż, Uffiċċju tal-Kunsill tal-Professjoni tal-Għalliema kif ukoll counsellors u servizzi oħra.
Il-Ministru Cristina u l-Assistent Parlamentari Stephen Spiteri ltaqgħu mal-impjegati kollha li qed jaħdmu f’dan iċ-ċentru u kienu mdawwra mal-post mis-Segretarju Permanenti fil-Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol, Dr. James Calleja u minn Tanya Zammit Service Manager responsabbli mill-Customer Care tal-Ministeru.
Biex titfakkar din l-okkażjoni l-Ministru kixfet xogħol artistiku fil-ħadid maħdum minn Matthew Galea, student mill-Istitut tal-Arti u d-Disinn tal-MCAST.
Stqarrijiet Oħra:
PR262018
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...
PR262017