SKEMA TA’ SUSSIDJU FUQ L-IMGĦAX TA’ SELF GĦAX-XIRI TAL-EWWEL RESIDENZA
Jistgħu jiġu ffrankati sa €14,500 fi ħlas lura ta’ imgħax
L-Awtorita` tad-Djar qed tħabbar skema ġdida mmirata għal dawk in-nies li għandhom ‘il fuq minn18-il sena u li se jixtru l-ewwel residenza tagħhom.
L-iskema tinvolvi l-għoti ta’ sussidju 2.5% fuq is-self mill-banek għax-xiri tal-ewwel residenza mingħand il-privat fuq l-ewwel €80,000 self. L-applikanti ma jridux jaqbżu l-€150,000 self mill-bank u dan jinkludi l-finishings imma jeskludi l-għamara. Din l-iskema toffri sussidju fuq imgħax ta’ self mill-banek li f’ċerti każijiet jista’ jlaħħaq sa €14,500 f’’interessi. Dan ifisser li permezz ta’ din l-iskema jistgħu jiġu ffrankati sa €14,500 fi ħlas ta’ imgħax lura lill-bank.
L-applikanti jibbenefikaw minn dan is-sussidju għall-ewwel 8 snin, filwaqt li dawk l-applikanti li għandhom diżabilita’ jew f’każ li għexu għal xi żmien f’istitut, dar tat-tfal, shelter jew kienu fostered, is-sussidju jingħata għal perjodu ta’ 10 snin.
L-applikanti li huma għarajjes, miżżewġin, separati/divorzjati u għandhom it-tfal jgħixu magħhom ma jridx ikollhom iktar minn €40,000 fi dħul u aktar minn €40,000 f’assi. Minn naħa l-oħra, ġuvintur/ xebbiet, separati, divorzjati jew romol mingħajr ulied jgħixu magħhom ma jridx ikollhom iktar minn €25,000 fi dħul u aktar minn €25,000 f’assi.
Din l-Iskema hija miftuħa wkoll għall-persuni legalment separati li jridu jixtru residenza wara s-separazzjoni tagħhom.
Dawk l-applikanti li jkunu eliġibbli u li jkunu se jibbenefikaw minn din l-iskema huma marbuta b’obbligu li jgħixu fir-residenza għal mill-inqas 10 snin.
Jistgħu jibbenefikaw minn din l-Iskema xerrejja tal-ewwel residenza li ffirmaw il-konvenju tax-xiri mhux aktar minn sitt (6) xhur qabel id-data tal-applikazzjoni tagħhom taħt din l-Iskema u li l-kuntratt tax-xiri għadu ma ġiex iffirmat. Il-konvenju jrid jibqa’ validu mill-inqas sitt (6) xhur mid-data tal-applikazzjoni jew sakemm l-applikazzjoni tiġi approvata.
L-applikazzjoni għal din l-iskema tista’ titniżżel mis-sit elettroniku tal-Awtorita` tad-Djar: www.housingauthority.com.mt. L-applikazzjonijiet jintlaqgħu mill-uffiċjali tal-Customer Care tal-Awtorita’ tad-Djar min-nhar it-Tnejn 10 ta’ Settembru 2012 u l-iskema ser tibqa’ miftuħa sakemm jintlaħqu l-ewwel 300 applikant.
Stqarrijiet Oħra:
PR262018
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...
PR262017