Left arrow Mur Lura

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAR-RIŻORSI U L-AFFARIJIET RURALI

pr1890
Date Icon 03/09/2012

Il-Ministeru għar-Riżorsi u l-Affarijiet Rurali jirreferi għall-konferenza tal-aħbarijiet li għamel illum is-Sindku tal-Lokalità tal-Imsida.

Il-Ministeru jiskanta kif is-Sindku qal li ma jafx x’qed jiġri fuq il-proġett għal kontra l-għargħar meta hu kien preżenti għall-preżentazzjoni li saret fuq il-proġett aktar kmieni din is-sena fis-sala tal-Kunsill Lokali tiegħu stess. Is-Sindku tal-Imsida għażel li jieħu rikba politika minn fuq il-maltempata, flok interessa ruħu fuq il-proġett, staqsa u kien jingħata l-informazzjoni kollha li jeħtieġ.

Wara li nħarġu l-permessi kollha meħtieġa, u wara li tlesta wkoll xogħol marbut mal-ħruġ tat-tenders beda l-proċess biex jinbeda x-xogħol attwali fuq il-proġett li jaffettwa direttament l-Imsida. F’dawn l-aħħar xhur ingħataw il-kuntratti u saru l-istudji preliminarji rikjesti skont il-kuntratt mill-kuntrattur. Filfatt għaż-żoni li rrefera għalihom is-Sindku tal-Imsida, il-Kuntrattur ingħata perjodu sa mill-1 t’April ta’ din is-sena biex jagħmel studju profond fuq l-aspetti ġeofiżiċi, jagħmel Construction Managment Plan biex ikun approvat mill-MEPA, kif ukoll jagħmel Traffic Management Plan. 

Il-kuntrattur qiegħed jimxi sew mal-kundizzjonijiet tal-kuntratt u fil-fatt f’dawn il-ġranet beda bl-iskavar għad daħla tal-ewwel mina li tagħti minn Ħ’Attard sa’ Birkirkara. Din il-mina taqbad l-ewwel sezzjoni ta’ ilma li jaqa’ fuq Ħ’Attard u li sa llum jispiċċa l-Imsida. Din il-mina b’hekk hi l-ewwel fażi tal-mina prinċipali li minn Ħ’Attard l-ilma twasslu direttament f’bokka f’Ta’ Xbiex qabel ma l-ilma jinżel fl-inħawi tal-Imsida. Fil-ġimgħat li għaddew sar ukoll xogħol ta’ tindif mil-kuntrattur f’Wied Inċita kif ukoll inbeda xogħol għad-dħul tal-mina minn Wied Inċita. 

Flimkien ma dan inbeda wkoll xogħol fuq il-proġett komplessiv għat-taffija tal-għargħar, li hu maħsub biex itaffi l-problemi tar-residenti ta’ disa’ lokalitiajiet li huma Birkirkirkara, l-Imsida, Ħal-Balzan, il-Gżira, Wied il-Għajn, Ħaż-Żabbar, Ħaż-Żebbuġ, Ħal Qormi u l-Marsa.  L-iżvilupp innifsu ser jinkludi t-tħaffir ta’ numru ta’ mini fil-fond taħt l-art u titjib fil-kanali, pontijiet u culverts jew infrastruttura oħra. Fil-Gżira bħala parti minn dan il-proġett qed tinbena riżerva ta’ madwar 10,000 metru kubu ta’ ilma.

Wieħed jifhem li l-proċess ta’ tħejjiha għal proġett bħal dan ma kienx wieħed faċli u minħabba l-kumplessità tal-proġett l-istudji kellhom isiru b’għaqal u kellhom jieħdu l-ħin tagħhom.  Dan il-proġett li hu propost għal ko-finanzjament mill-Unjoni Ewropea taħt il-programm ERDF, se jseħħ b’investiment ta’ madwar €56 miljun, bir-rata ta’ kofinanzjament tkun ta 85% fondi ewropej u 15% minn fondi nazzjonali. Il-proġett kollu għat-taffija tal-għargħar għandu jitlesta fi żmien sentejn oħra.

Fil-ġranet li ġejjin, kif ikun beda l-istadju tat-tħaffir propju tal-mina, il-mezzi tal-istampa se jiġu mistiedna biex jaraw ix-xogħlijiet fuq dan il-proġett. 

Intant il-Ministeru għar-Riżorsi u l-Affarijiet Rurali jieħu din l-opportunità biex jirringrazzja lil kull min illum kien involut fl-operazzjoni ta’ tindif li saret madwar il-pajjiż inkluż fl-Imsida.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI  Tittella’ konferenza nazzjonali li tqajjem aktar għarfien u azzjoni kontra l-vjolenza domestika

PR262018

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT U MILL-MINISTERU GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IL-BENESSERI U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI  Minn 90 għal kważi 900 żagħżugħ u żagħżugħa fi tliet snin fid-Duke of Edinburgh’s International Award

PR262017

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU G...

Aktar Stqarrijiet Right arrow