STQARRIJA TAL-MINISTERU TAS-SAĦĦA, L-ANZJANI U L-KURA FIL-KOMUNITÀ
Dott Muscat jarmi l-kisbiet fil-qasam tal-kanċer f’2 minuti
Deteminati li s-servizz tal-kimoterapija jiġi offrut f’Għawdex ukoll
F’madwar żewġ minuti Dott Muscat rema l-kisbiet kollha li saru fil-qasam tal-kanċer hekk kif irrepeta l-allegazzjonijiet magħmula minn Dr Brincat.
Filwaqt li tul il-ħatra tiegħu bħala Kap tal-Onkoloġija Dr Brincat ma għarrafx lid-Dipartiment tas-Saħħa b’dak li llum qiegħed jirrakkonta lill-ġurnalisti, id-Dipartiment qiegħed jinvestiga dawn l-allegazzjonijiet. Id-Dipartiment tas-Saħħa naturalment ma jindaħalx fil-kura tal-pazjenti bħal ma kien allegat. Anzi, meta kien hemm sodod vojta fl-iSptar Sir Paul Boffa kien propju d-dipartiment li kien jagħti struzzjonijiet biex pazjenti morda terminali u li kienu l-iSptar Mater Dei jew fil-Komunità, jiġu offruti sodda fl-iSptar Sir Paul Boffa. Din hija prova oħra ċara ta’ kemm il-ħidma fil-qasam tas-saħħa tpoġġi l-pazjent l-ewwel u qabel kollox.
Minflok li ivveririka l-allegazzjonijiet, Dott Muscat kisser il-ħidma ta’ mijiet ta’ professjonisti fil-qasam tal-kanċer. Il-Ministeru dejjem ħadem fl-aħjar interess tal-pazjent, u dan jixduħ il-fatti:
• Qed jingħataw mediċini ġodda għall-pazjenti li għandhom il-kanċer fosthom għal kanċer tas-sider (permezz tal-Herceptin), il-pulmun, il-fwied, id-demm, il-kliewi, il-prostata u l-kanċer fil-moħħ
• Tobba tal-familja jistgħu jordnaw testijiet tal-prostata b’xejn fl-Isptar Mater Dei għall-pazjenti tagħhom
• Ġie installat apparat ġdid tar-raġġi biex tingħata kura aktar effettiva permezz tar-raġġi
• Il-Gvern fetaħ Breast Screening Centre li qed isalva l-ħajjiet ta’ nisa biex il-kanċer tas-sider qed jinqabad fi stadju bikri
• Qed isiru operazzjonijiet u proċeduri ġodda fosthom TACE, li tnaqqas id-demm li jissuplixxi lit-tumur, biex tnaqqas ir-ritmu li bih jikber it-tumur
• Fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex sar Dipartiment ġdid tar-Radjoloġija
• Pazjenti jistgħu jagħmlu PET Scan fil-privat u jħallas il-Gvern
• Qed jinbena Ċentru ġdid għal kura tal-kanċer fejn se tkun tista’ tingħata kura lil 96 persuna f’ħin wieħed, meta sa llum fl-Isptar Boffa tingħata kura lil 27 persuna
Minn dan kollu bbenefikaw il-pazjenti u l-familjari tagħhom f’mument delikat f’ħajjithom, u, anke b’kollaborazzjoni ma’ għaqdiet mhux governattivi fil-qasam, illum il-pazjenti u l-familjari għandhom kwalita ta’ ħajja aħjar.
Il-Ministeru jirringrazzja lill professjonisti tas-saħħa, u juri solidarjeta magħhom f’dan il-mument fejn l-oppożizzjoni qed tagħti l-impressjoni li kollox kien isir minn bniedem waħdu. Il-Ministeru itenni wkoll l-fiduċja fil-professjonisti tas-saħħa li jaħdmu Għawdex u l-kapaċitajiet tagħhom. Huwa għalhekk li se jitkompla l-pjan biex is-servizz tal-kimoterapija jiġi offrut f’Għawdex ukoll.
Stqarrijiet Oħra:
PR262018
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...
PR262017