Left arrow Mur Lura

STQARRIJA TAL-MINISTRU TAL-ĠUSTIZZJA, KONSULTAZZJONI PUBBLIKA U L-FAMILJA

pr1880
Date Icon 02/09/2012

Dott. Muscat irid ikompli jħawwad l-imħuħ billi jieħu dikjarazzjonijiet barra mill-kuntest biex mingħalih jirbaħ ftit voti. Dan jagħmlu għax hekk jaqbel lilu u lill-Malta Labour Party mhux għax hekk hu fl-interess ta’ settur jew komunità partikolari tas-soċjetà Maltija. Jagħmlu wkoll billi jikkontradixxi lilu nnifsu u jipprova jnessi dikjarazzjonijiet li għamel diġa.

Minkejja li fil-jiem li għaddew, għal aktar minn darba, il-Ministru tal-Ġustizzja, Konsultazzjoni Pubblika u l-Familja spjega l-pożizzjoni tal-Gvern dwar il-koabitazzjoni, Dott Muscat b’għażla konxja qed jibqa’ jikkwota ħażin u jimmiżinterpreta apposta dak li kien dikjarat fil-pubbliku. Din hi diżonestà grassa.  Dott Muscat qed jagħmel dan fl-istess ħin li jagħżel li ma jipparteċipax b’mod serju fid-diskussjoni dwar liġi daqstant importanti bħal dik dwar id-Drittijiet u l-Obbligi ta’ Persuni li Jikkoabitaw.

Il-Ministru Chris Said jiddikjara li r-relazzjoni personali bejn persuni differenti, anki bejn koppji tal-istess sess, hi xi ħaġa prezzjuża għal dawk li jgħixu din l-esperjenza u jemmen ukoll li għalihom dik ir-relazzjoni hi n-nukleu familjari tagħhom anke jekk ma jkunux miżżewġin.

B’kuntrast Dott Muscat u l-Malta Labour Party qed jippruvaw jagħtu x’jifhmu li huma liberali meta jippruvaw jagħtu l-impressjoni li huma favur iż-żwieġ bejn koppji omosesswali.

Fil-verità, Dott Muscat innifsu tkellem aktar minn darba kontra ż-żwieġ għal koppji omosesswali. Waqt programm fuq PBS, fit-13 ta’ Ġunju 2008, Dott Muscat kien iddikjara li ‘ma nemminx fit-terminu ‘żwieġ’ għal koppji omosesswali għax ma naħsibx li jgħodd, ma naħsibx li huwa naturali. Għalija, t-terminu żwieġ jgħodd bejn raġel u mara’.

Huwa ċar li dak li qed jippruvaw jagħmlu Dott Muscat u l-Malta Labour Party hu li fid-diskussjoni dwar il-liġi tal-koabitazzjoni jisposta l-argument b’mod konvenjenti biex jipprova jitħabbeb ma’ kulħadd u jipprova jaħbi dikjarazzjonijiet li għamel fil-passat.

Bil-kontra ta’ Dott Muscat il-Gvern qed ikun ċar. Il-Gvern qed iressaq abbozz ta’ liġi li jirregola l-koabitazzjoni stat ta’ fatt – kemm għall-eterosesswali kif ukoll għall-omosesswali – li hi realtà barra miż-żwieġ. Din il-liġi għall-ewwel darba tistabbilixxi wkoll id-drittijiet u d-dmirijiet ta’ persuni li jagħżlu li jikkoabitaw. Dan tagħmlu sabiex prinċipalment tħares lill-parti l-aktar dgħajfa f’dik l-istess relazzjoni.

Min qed jipprova jdawwar l-argument fuq l-introduzzjoni taż-żwieġ bejn l-omosesswali mhux qed jirrealizza li anki f’pajjiżi fejn jirrikonoxxu dan iż-żwieġ hemm liġi li tirregola il-koabitazzjoni u li għalhekk il-liġi proposta trid issir u hemm bzonnha fi kwalunkwe każ.

Il-Gvern jemmen ukoll li m’għandux jidħol fir-relazzjoni privata ta’ bejn koppja sakemm mhux biex jaqta’ l-isfruttament li jista’ jkun jeżisti f’relazzjoni partikolari, kemm jekk tkun bejn koppja eterosesswali kif ukoll jekk tkun bejn koppja omosesswali.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI  Tittella’ konferenza nazzjonali li tqajjem aktar għarfien u azzjoni kontra l-vjolenza domestika

PR262018

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT U MILL-MINISTERU GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IL-BENESSERI U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI  Minn 90 għal kważi 900 żagħżugħ u żagħżugħa fi tliet snin fid-Duke of Edinburgh’s International Award

PR262017

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU G...

Aktar Stqarrijiet Right arrow