STQARRIJA TAL-MINISTERU TAL-FINANZI, L-EKONOMIJA U INVESTIMENT
Stqarrija b’Risposta għall-Istqarrija ppubblikata llum mill-Kelliem Laburista Karmenu Vella
Il-qagħda finanzjarja ta’ pajjiżna hija b’saħħitha, u toffri serħan tal-moħħ lill-investituri, barranin u lokali, li qed ikomplu jafdaw f’pajjiżna n-negozju tagħhom u joħolqu aktar postijiet tax-xogħol. L-aqwa prova tas-suċċess tad-direzzjoni ekonomika ta’ pajjiżna ġejja mill-investituri barranin u mis-sidien ta’ negozju lokali li bejniethom ħolqu xejn anqas minn 20,000 post tax-xogħol fl-aħħar erba’ snin. Dan huwa l-aqwa garanzija għal kwalità tal-ħajja aħjar, kif ġie rikonoxxut anke mill-International Labour Organisation li qalet li Malta u l-Ġermanja biss naqsu l-qgħad mill-perjodu ta’ qabel il-kriżi.
L-Oppożizzjoni tibqa’ xahar wara l-ieħor tipprova timmiżinterpreta l-istatistika u b’hekk tagħmel ħsara għall-prospetti ta’ aktar investiment u ħolqien ta’ xogħol.
Għalhekk, dan il-Ministeru jerġa’ jippreċiża li:
1. Fl-ewwel nofs ta’ din is-sena, il-livell tad-dejn żdied għaliex il-valur ta' stocks maħruġa kien ta' 455 miljun ewro, jew ta' 65% tal-ammont totali, li għal din is-sena ma jistax jeċċedi s-700 miljun ewro. Dan barra stocks antiki li mhux se jiġu mġedda din is-sena.
2. Kif il-Bank Ċentrali stess irrimarka, l-istatitika ta’ kwart ta’ sena ma turix neċessarjament trends.
3. Fl-ewwel kwart tas-sena, iż-żieda fin-nefqa tal-Gvern tirrifletti miżuri ta’ appoġġ għall-Korporazzjoni Enemalta u l-AirMalta. Fil-każ tal-Enemalta, din l-għajnuna wasslet biex minkejja ż-żieda sostanzjali fil-prezz internazzjonali taż-żejt, it-tariffi għall-familji, l-industrija u s-sidien ta’ negozji m’esperjenzawx żieda fil-kontijiet. Dan barra investiment addizzjonali fejn ikun meħtieġ, b’mod partikolari fis-settur tas-saħħa.
Il-Gvern huwa kommess li jilħaq il-miri finanzjarji tiegħu, kif irnexxilu jagħmel fl-aħħar snin minkejja d-dubji li tkun tefgħet matul is-sena l-Oppożizzjoni. Dan ikkonfermawh istituzzjonijiet indipendenti bhall-Kummissjoni Ewropea u l-Fond Monetarju Internazzjonali li f’rapporti differenti ppubblikati matul din is-sena kkumentaw fuq il-progress u t-tishih tas-sitwazzjoni finanzjarja ta’ pajjizna, li ssarraf fil-holqien ta’ eluf ta’ impjiegi godda.
Stqarrijiet Oħra:
PR262018
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...
PR262017