STQARRIJA TAL-MINISTERU TAL-EDUKAZZJONI U X-XOGĦOL
Il-Partit Laburista jgħawweġ il-fatti fejn jidħol il-ħarsien tat-tfal
Il-Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol jiċħad kategorament li hemm nuqqas ta’ standards fiċ-Ċentri Smartkids immexxija mill-Fondazzjoni għas-Servizzi kif intqal fi stqarrija mill-Partit Laburista.
Mhu veru xejn li l-arja ikkundizzjonata ma ġietx installata minħabba nuqqas ta’ fondi kif qegħdin igħidu il-Partit Laburista. Iċ-Ċentri Smartkids kollha igawdu minn livell għoli ta’ servizz li jilħqu l-istandards mitluba mid-Dipartiment għall-iStandards fil-Ħarsien Soċjali. Tant hu hekk li d-Dipartiment jagħmel spezzjonijiet regolari biex jassigura li t-tfal u l-ħaddiema ikunu f’ambjent komdu u san.
Il-Fondazzjoni għas-Servizzi Edukattivi indirizzat b’mod immedjat il-petizzjoni li ntbgħatet mill-ġenituri tat-tfal li jmmorru f’wieħed miċ-Ċentri Smartkids u waslet l-ilment lid-Dipartiment għall-iStandards fil-Ħarsien Soċjali, li huwa r-regolatur nazzjonali ta’ dawn ċ-Ċentri tal-Gvern kif ukoll dawk privati. Id-Dipartiment ta d-direzzjoni biex jissejħu l-awtoritajiet koncernati mid-Dipartiment tas-Saħħa sabiex fil-jiem illi ġejjin iżur ċ-Ċentru biex jagħmel testijiet fuq it-temperatura tal-post u b’hekk ikompli jsserraħ ras il-ġenituri.
Minflok jifhem il-progress kbir illi sar f’dan il-qasam, il-Partit Laburista qed jghawweg il-fatti fejn jidhol il-ħarsien tat-tfal bl-intenzjoni li jallarma il-ġenituri mingħajr ħtieġa.
Ta’ min jgħid li l-Gvern fetaħ erbatax–il childcare centre f’diversi lokalitajiet mifruxa ma’ Malta kollha fejn igawdu minn dan is-servizz aktar minn 800 tifel u tifla. Il-Gvern huwa kommess illi se jkompli jiftaħ aktar ċentri ta’ livell għoli biex ilaħħaq mad-domanda bla waqfien għal dan is-servizz li huwa affordabbli u aċċessibli għall-familji Maltin.
Stqarrijiet Oħra:
PR262018
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...
PR262017