KONSULTAZZJONI PUBBLIKA DWAR IT-TIENI PJAN TA’ AZZJONI EKOGĦAWDEX 2013-2015
Dalgħodu ġiet imnedija konsultazzjoni pubblika marbuta mat-tieni Pjan ta’ Azzjoni EkoGħawdex għas-snin 2013-2015. Dan bil-għan li l-pubbliku jerġa’ jingħata l-opportunità li jesprimi u jressaq l-ideat u l-proposti tiegħu dwar il-ħidma li qed tiġi ppjanata għat-tliet snin li ġejjin fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-viżjoni ekoGħawdex. Ġie ppreżentat ukoll id-dokument A vision for an eco-island, li jinkorpora l-proposti kollha mressqa fl-ewwel konsultazzjoni pubblika dwar dan il-proġett, li kienet il-bażi li fuqha tfassal l-ewwel Pjan ta’ Azzjoni għas-snin 2010–2012. Dan id-dokument juri stampa ċara ta’ kif l-Għawdxin jixtiequ jaraw lill-gżira tagħhom tiżviluppa, u għalhekk għandu jkun għodda tajba biex jiġu magħżula l-prijoritajiet għas-snin 2013-2015.
L-Onor. Giovanna Debono, Aġent Prim Ministru u Ministru għal Għawdex, fissret kif f’dawn l-aħħar erba’ snin il-Ministeru għal Għawdex kien għaddej b’ħidma intensiva biex ifassal u jikkonsolida l-viżjoni ekoGħawdex u b’hekk seta’ jibda jikkordina u jimplimenta għadd ta’ miżuri biex din il-viżjoni tibda ssir realtà. L-Onor. Debono sostniet li din mhix biss proposta tal-Gvern, iżda dak li ġara fl-erba’ snin li għaddew wera biċ-ċar li din il-viżjoni ġiet milqugħa u aċċettata mill-poplu Għawdxi bħala opportunità li tkompli ssaħħaħ il-potenzjal ta’ Għawdex permezz ta’ żvilupp sostenibbli. ‘Din il-viżjoni ġiet mibnija fuq dak li ssuġġerixxa l-poplu Għawdxi lill-gvern matul is-snin. B’hekk hija l-viżjoni u l-proġett tal-poplu u l-Gvern wera biċ-ċar li hu kommess li jwettaqha għax hi viżjoni li tħares lejn futur aħjar għal Għawdex u dawk kollha li jiġu f’kuntatt mal-gżira’, żiedet tgħid l-Onor. Giovanna Debono.
Wara li ġiet imnedija l-ewwel konsultazzjoni pubblika, ġie mniedi l-ewwel Pjan ta’ Azzjoni 2010-2012 li jinkludi 82 proposta li ġew magħżula bħala prijoritajiet li setgħu jitwettqu fl-ewwel fażi tal-programm ta’ ħidma. S’issa 61 minn dawn it-82 rakkomandazzjoni elenkati f’dan il-pjan twettqu jew qed jitwettqu fil-preżent. Barraminhekk, il-Ministeru għal Għawdex wettaq jew qed jaħdem fuq aktar minn 140 rakkomandazzjoni oħra li kienu oriġinarjament proposti fil-konsultazzjoni pubblika u huma wkoll inklużi fid-dokument ‘A vision for an eco-island’.
‘Wasal iż-żmien li nerġgħu nistiednu lil kull min hu interessat biex jerġa’ jipparteċipa fl-eżerċizzju ta’ konsultazzjoni li ser ikun għaddej matul ix-xahar li ġej, biex b’hekk inkunu nistgħu nkomplu nippjanaw il-ħidma għat-tliet snin li ġejjin’, żiedet tgħid l-Onor. Debono filwaqt li fissret kif il-ħidma kontinwa li kienet għaddejja fl-aħħar snin, kienet mifruxa fl-erba’ setturi ewlenin – l-Ekonomija, l-Ambjent, is-Soċjetà u l-Kultura u l-Identità. L-involviment ta’ Kunsilli Lokali, Kumitati Amministrattivi u Għaqdiet mhux Governattivi wassal biex il-lokalitajiet kollha Għawdxin kienu parteċipi f’din il-ħidma li għandha l-objettiv ewlieni li tagħmel lil Għawdex gżira aħjar.
Il-pubbliku huwa mistieden biex iressaq il-proposti tiegħu sal-Ġimgħa 28 ta’ Settembru 2012, permezz tal-Facebook (www.facebook.com/ecogozo), is-sit elettroniku www.ecogozo.com, imejl fuq ecogozo@gov.mt jew bil-posta. F’dawn il-jiem ser ikun qed jitqassam materjal stampat f’kull dar f’Għawdex li jinkludi fuljett b’tagħrif dwar dak li sar sa issa u dak li hemm ippjanat, kif ukoll kartolina fejn wieħed jista’ jniżżel il-proposti tiegħu marbuta mat-tieni proċess ta’ konsultazzjoni pubblika u jibgħatha bil-posta bla ħlas. Minbarra dawn is-sottomissjonijiet, il-Ministeru għal Għawdex qed jippjana sensiela oħra ta’ laqgħat mal-istakeholders Għawdxin.
Il-proposti kollha ser jiġu evalwati flimkien ma’ dawk fid-dokument oriġinali biex b’hekk ikunu jistgħu jiġu magħżula l-prijoritajiet għat-tieni Pjan ta’ Azzjoni EkoGħawdex 2013-2015.
Għad-dokument sħiħ A vision for an eco-island u għal-lista sħiħa ta’ proġetti implimentati fl-ewwel Pjan ta’ Azzjoni 2010–2012 wieħed jista’ jżur is-sit elettroniku www.ecogozo.com.
pr1845a.pdf
pr1845b.pdf
Other Press Releases:
PR262018
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...
PR262017