STQARRIJA MID-DIPARTIMENT TAL-GVERN LOKALI B’RISPOSTA GĦALL-ISTQARRIJA TAL-ONOR. STEFAN BUONTEMPO
Id-Dipartiment għall-Gvern Lokali jagħmel referenza għall-istqarrija li nħarġet mill-Onor. Stefan Buontempo, b’referenza għall-karigi ta’ Segretarji Eżekuttivi fil-Kunsilli Lokali ta’ San Pawl il-Baħar, Ħal Kirkop u l-Imsida.
Id-Dipartiment tal-Gvern Lokali jiċħad bl-aktar mod kategoriku li qiegħed jipprova jfixkel il-ħidma ta’ dawn it-tliet Kunsilli Lokali. Fit-tliet każijiet, is-Segretarji Eżekuttivi għażlu li jibdew jaħdmu f’Kunsilli Lokali oħra skont il-proċeduri stabbiliti. Hu propju d-Dipartiment għall-Gvern Lokali li qiegħed jesiġi li l-karigi vakanti jimtlew skont il-proċeduri stabbiliti.
Fil-każ tal-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar, bi qbil bejn is-Sindki tal-Kunsilli Lokali tal-Mosta u ta’ San Pawl il-Baħar ġie deċiż li s-Segretarju Eżekuttiv tal-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar jibda jaħdem fil-Kunsill Lokali tal-Mosta. Il-proċess għall-ħatra ta’ Segretarju Eżekuttiv ġdid issa jinsab fil-fażi finali tiegħu u d-Dipartiment għall-Gvern Lokali qiegħed jistenna r-rapport finali tal-għażla biex issir il-ħatra mistennija skont il-proċeduri stabbiliti. Sadanittant ġie maħtur Aġent Segretarju fil-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar bi qbil mas-Sindku.
Fil-każ tal-Kunsill Lokali ta’ Ħal Kirkop, is-Segretarju Eżekuttiv għażel li jibda jaħdem fil-Kunsill Lokali tax-Xgħajra skont il-proċeduri stabbiliti. Id-Dipartiment għall-Gvern Lokali qiegħed jistenna li l-Kunsill Lokali ta’ Ħal Kirkop jikkonkludi l-proċess tal-għażla biex jiġi maħtur Segretarju Eżekuttiv ġdid. Barra minn hekk, kien l-istess Dipartiment għall-Gvern Lokali li, fuq talba tal-Kunsill Lokali ta’ Ħal Kirkop stess, ħatar lis-Segretarju Eżekuttiv tal-Fgura bħala Aġent Segretarju sakemm jintemm il-proċess tal-għażla. Tul il-perjodu kemm ilu li nħatar l-Aġent Segretarju preżenti, id-Dipartiment għall-Gvern Lokali ma rċieva l-ebda ilment la mis-Sindku ta’ Ħal Kirkop u lanqas minn xi kunsillier ieħor.
Fil-każ tal-Kunsill Lokali tal-Imsida, is-Segretarju Eżekuttiv, li sal-lum għadu fil-kariga, ser jibda jaħdem fil-Kunsill Lokali tas-Sliema wara sejħa skont il-proċeduri stabbiliti. Malli l-Kunsill Lokali tal-Imsida ġie mgħarraf li s-Segretarju Eżekuttiv ser jimxi għal Kunsill Lokali ieħor, inħarġet sejħa għall-ħatra ta’ Segretarju Eżekuttiv ġdid. Din is-sejħa issa kellha terġa tinfetaħ wara li ma ntgħażel ħadd minn dawk li applikaw fl-ewwel sejħa. Sadanittant, għall-perjodu li ġej, id-Dipartiment għall-Gvern Lokali ser jaħtar Aġent Segretarju biex il-Kunsill ikun jista jkompli jiffunzjona b’mod normali.
Ta’ min wieħed ifakkar li d-Dipartiment għall-Gvern Lokali stabilixxa proċedura biex is-Segretarji Eżekuttivi jinħatru minn bord apposta mwaqqaf mill-istess Kunsill Lokali. Aktar minn hekk, fejn il-Kunsill Lokali ma jasalx għal ftehim, id-Dipartiment għall-Gvern Lokali jaħtar persuna bħala Aġent Segretarju Eżekuttiv, bi ftehim mas-Sindku tal-lokalità fejn hu possibbli. Hija għalhekk tassew ħassra li l-Onor. Buontempo qed jipprova jtappan il-ħidma tad-Dipartiment tal-Gvern Lokali bit-tgħawwig tal-fatti.
Other Press Releases:
PR262018
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...
PR262017