XOGĦOL PRODUTTIV MINN PERSUNI B’DIŻABILITÀ GĦALL-KUMPANIJA FARSONS
Il-Gvern ikompli jgħin lil Dar il-Wens
Il-Gvern huwa impenjat li jkompli joħloq l-opportunitajiet ta’ xogħol għall-persuni b’diżabilità. Jemmen li l-persuni b’diżabilità għandhom ħafna x’joffru lis-soċjetà tagħna u mill-integrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol igawdu mhux biss il-persuni b’diżabilità nfushom iżda wkoll il-kumpaniji li joffrulhom l-opportunità ta’ impjieg.
Dan sostnieh il-Ministru tal-Ġustizzja, Konsultazzjoni Pubblika u l-Familja Chris Said waqt żjara li għamel fil-fabbrika tal-kumpanija Farsons li tinsab fl-Imrieħel. Hu ltaqa’ ma’ sitt persuni b’diżabilità, residenti f’Dar il-Wens, li ilhom erba’ snin jagħmlu xogħol fil-fabbrika għall-kumpanija Farsons bl-inizjattiva tal-kumpanija stess.
Il-Group Chief Executive tal-kumpanija Farsons, is-Sur Norman Aquilina, qal li x-xogħol ta’ dawn il-persuni b’diżabilità jitqies importanti għall-kumpanija. Dan għaliex parti sostanzjali minn xogħlhom jikkonsisti fil-merging ta’ fliexken ġodda fil-linja tal-produzzjoni. Dawn il-persuni b’diżabilità jaħdmu medja ta’ sitt siegħat kuljum ħamest’ijiem fil-ġimgħa u jtellgħu produzzjoni ta’ madwar 15,000 flixkun kuljum, specjalment fix-xhur tas-sajf.
Waqt din iż-żjara l-Ministru Chris Said ippreżenta għotja finanzjarja min-naħa tal-Gvern lil Dar il-Wens, li tagħmel parti mill-Fondazzjoni Wens. Din il-Fondazzjoni li tipprovdi s-servizz ta’ ħajja indipendenti lill-klienti tagħha, din is-sena bbenefikat ukoll mill-NGO Fund. Mit-€3 miljun ewro li tqassmu bejn 30 NGO, il-Fondazzjoni Wens diġà gawdiet minin €100,000 li issa qed jiżdiedu b’€20,000 oħra. Dawn il-flus iservu bħala għajnuna finanzjarja sabiex l-NGOs ikomplu jwettqu xogħol favur eluf ta’ persuni u familji vulnerabbli.
Il-Ministru Chris Said qal li f’Malta għandna numru impressjonanti ta’ għaqdiet volontarji li qed joffru diversi servizzi lill-komunitajiet tagħna fl-oqsma soċjali, ambjentali, edukattivi, sportivi u oħrajn. Hu fisser il-volontarjat bħala vokazzjoni u qal li x-xogħol u l-ammont kbir ta’ siegħat dedikati għall-volontarjat huma imprezzabbli u ma jistgħux jiġu kkalkulati jew ikkwantifikati fi flus.
Hu semma wkoll fid-diversi opportunitajiet ta’ xogħol għall-persuni b’diżabilità. Fakkar li madwar 80 persuna li għandhom xi forma ta’ diżabilità u li qegħdin jirreġistraw għax-xogħol se jkollhom l-opportunità li jkunu impjegati għal tliet snin mal-Kunsilli Lokali. Dan grazzi għal skema ġdida tal-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ. Il-ħlas se jkun skont is-siegħat li wieħed jaħdem ibbażat fuq il-paga minima nazzjonali.
Ronald Galea, mill-Fondazzjoni Wens, fisser l-apprezzament tiegħu għall-Gvern li kull sena jgħin sabiex il-Fondazzjoni tkun tista’ tibqa’ tipprovdi servizzi residenzjali ta’ kwalità lil 29 persuna b’diżabilità. Il-Gvern jgħin lill-Fondazzjoni Wens finanzjarjament sabiex tmexxi ż-żewġt idjar residenzjali fil-Kalkara u f’Raħal Ġdid. F’qasir żmien il-Fondazzjoni Wens se tiftaħ it-tielet dar residenzjali tagħha fil-Fgura.
Stqarrijiet Oħra:
PR262018
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...
PR262017