GĦADDEJ IX-XOGĦOL FUQ IL-PETTING FARM F'PAJJIŻNA – QED IKOMPLI JIKBER IL-PARK NAZZJONALI TA' TA' QALI B'AKTAR SPAZJU RIKREATTIV GĦALL-FAMILJI
Illum il-Ministru għar-Riżorsi u l-Affarijiet Rurali, George Pullicino, żar ix-xogħlijiet li jinsabu għaddejjin fuq il-petting farm f'pajjiżna.
Dan il-Petting Farm li qed isir b’investiment tal-Gvern ta’ €800,000, fuq medda ta’ 13,300 metru kwadru ta’ art, se jkun qed joffri u jservi ta' attrazzjoni ġdida u innovattiva għal kull min imur fil-Park Nazzjonali ta' Ta' Qali. Il-Petting Farm, se jkun qed jikkonsisti f’post fejn it-tfal u l-familji jkunu jistgħu jiġu flimkien biex filwaqt li jgawdu minn ambjent mill-isbaħ, ikunu jistgħu jitgħallmu fuq l-annimali filwaqt li jkollhom ukoll iċ-ċans li jilgħabu magħhom. L-annimali li se jkun hemm f'dan il-Petting Farm jikkonsistu fi żwiemel, fniek, paguni, nagħaġ, mogħoż u tipi differenti t'għasafar.
Il-Ministru Pullicino waqt iż-żjara tiegħu fuq ix-xogħlijiet li jinsabu għaddejjin fuq il-Petting Farm, qal li l-Petting Farm hu l-ewwel minn sensiela ta’ proġetti li huma ppjanati li jsiru fil-Park Nazzjonali ta' Ta’ Qali, skont il-Master Plan għal Ta' Qali li tħabbar is-sena l-oħra. L-attrazzjonijiet prinċipali li se jiżdiedu mal-Petting Farm fil-Park Nazzjonali f’Ta’ Qali jinkludu toddlers area, skate park, butterfly house u cycling track.
Bil-Master Plan għal Ta’ Qali ha jkompli jingħata aktar spazju miftuħ għall-familji tant li l-estensjoni tal-Park se toffri spazju ġdid b’kobor daqs 4 grounds tal-football. Għalhekk b’kollox Ta’ Qali se jkun qed joffri spazju ta’ ‘l fuq minn 230,000 metru kwadru ta’ art miftuħa u msebbħa għar-rikreazzjoni tal-familji.
Dan il-Petting Farm jifforma parti mill-viżjoni tagħna li ntejbu, inkabbru u nsebbħu l-Park Nazzjonali f’Ta’ Qali. Park li joffri post ta’ rikreazzjoni għall-membri tal-familja kollha. Dan il-Petting Farm u l-Estensjoni tal-Park Nazzjonali ta’ Ta’ Qali, jikkumplimentaw il-ħidma li qed issir biex il-miżbliet il-magħluqa tal-Magħtab, Wied il-Għajn u l-Qortin jinbidlu f’Parks filwaqt li fix-xhur li ġejjin ser inlestu l-Park tal-familja fil-Mellieħa. Dan kollu qed isir wara li fis-snin li għaddew sebbaħna Kennedy Grove, Xrobb l-Għagin f’Marsaxlokk u l-Park tas-Salini.
Stqarrijiet Oħra:
PR262018
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...
PR262017