STQARRIJA MILL-MINISTERU TAL-EDUKAZZJONI U X-XOGĦOL
Evarist Bartolo jkompli jirrepeti li jgħid ħaddieħor bla ma jivverifika l-fatti
Fi stqarrija uffiċjali maħruġa nhar it-Tlieta li għadda l-Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol iddikjara li Malta qed tieħu sehem fil-Programm Internazzjonali għall-Assesjar tal-Istudenti magħruf bħala PISA u se tipparteċipa fl-assessjar li jmiss isir fl-2015.
Minkejja din id-dikjarazzjoni uffiċjali tal-Gvern, il-kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Edukazzjoni, Evarist Bartolo llum sejjaħ konferenza tal-aħbarijiet li fiha qal li ma jaqbilx li Malta ma pparteċipatx f’dan l-eżerċizzju u rripeta dak li kien rappurtat li qal Prof. Carm Borg fuq l-istess suġġett, fit-Torċa tal-Ħadd li għadda.
Għalhekk il-Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol qed jirrepeti dak li ntqal fi stqarrija maħruġa aktar kmieni din il-ġimgħa, li Malta ħadet sehem għall-ewwel darba fil-PISA Plus fl-2009. L-istħarriġ tal-PISA 2009 Plus beda f’Ottubru 2009 u l-istudju prinċipali sar f’Marzu 2010. Ir-riżultati tiegħu kienu pubblikati f’Diċembru 2011.
F’Settembru 2008 l-OECD, billi kien hemm numru ta’ pajjiżi nteressati li jipparteċipaw fil-PISA 2009 kienet se torganizza eżerċizzju msejjaħ PISA 2009 Plus, u stiedent lil Malta tipparteċipa fih kif fil-fatt għamlet.
Għall-istħarriġ tal-PISA 2012 li beda f’Marzu 2011, inħass li kien kmieni wisq li Malta terġa’ tieħu sehem peress li r-riżultati tal-PISA 2009 Plus kienu se jiġu pubblikati f’Diċembru 2011.
Madankollu Malta se tipparteċipa fiċ-ċiklu li jmiss, jiġifieri f’PISA 2015 billi jkun għadda biżżejjed żmien biex ikunu studjati r-riżultati tal-PISA 2009 Plus u jibdew jinħassu l-effetti tar-riformi li qed isiru fis-sistema edukattiva.
Ir- riżultat tal-ewwel stħarriġ tal-PISA 2009 Plus se jkunu riflessi ukoll fil-verżjoni finali tal-Qafas tal-Kurrikulu Nazzjonali. Studji internazzjonali oħra li fihom ħadet sehem Malta (TIMSS u PIRLS) ukoll għenu biex ġiet żviluppata il-Viżjoni għall-Edukazzjoni fix-Xjenza u partijiet sostanzjali tal-Qafas tal-Kurrikulu Nazzjonali.
Other Press Releases:
PR262018
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...
PR262017