Left arrow Mur Lura

ŻJARA FL-ISTAZZJON SPERIMENTALI GĦALL-VITIKULTURA U L-ENOLOĠIJA

pr1807
Date Icon 16/08/2012

Fil-qasam tal-produzzjoni tal-inbid, importanti li ma nħarsux biss x’irnexxielna niksbu matul l-aħħar 10 snin, imma mportanti li nibnu struttura soda għar-riċerka biex inkomplu intejbu. Dan qalu llum il-Ministru għar-Riżorsi u l-Affarijiet Rurali, l-Onor. George Pullicino, meta żar ix-xogħlijiet li jinsabu għaddejjin fuq binja li qed tiġi rinnovata biex isservi ta' stazzjon sperimentali għall-vitikultura (l-istudju tat-tkabbir tad-dielja) u l-enoloġija (l-istudju tal-produzzjoni tal-inbid) ġewwa l-Buskett. Dan iċ-ċentru qiegħed isir b’investiment ta’ ‘l fuq minn €500,000 b’kofinanzjament ta’ 85% mill-programm inter-reġjonali Pro Med Italia/Malta permezz ta’ kollaborazzjoni mal-Istituto Regionale delle Vite e del Olio ta Marsala fi Sqallija. Din hija kollaborazzjoni li ser tkompli anki wara li jitwaqqaf dan iċ-ċentru permeżż ta’ proġetti ta’ studju li ser isiru bl-għajnuna teknika ta’ dan l-istitut.

Il-Ministru George Pullicino qal li fil-preżent u iktar u iktar fil-futur, ir-riċerka hi ċ-ċavetta tas-suċċess f’kull settur ta’ intrapriża. Il-biedja ma hiex eċċezzjoni, speċjalment meta titratta dwar settur daqshekk strateġiku għall-pajjiż, dak tal-vitikultura u produzzjoni tal-inbid. Dan iċ-ċentru ser ikun maqsum f’ winery sperimentali fejn ser jiġu studjati tekniċi ġodda fil-produzzjoni tal-inbid, u laboratorji. Iż-żona tal-produzzjoni tal-inbid ser tkun mqassma f’żona fejn jingħasru kwantitajiet żgħar tal-għeneb għall-inbid, żona fejn l-inbid jistrieħ u jimmatura (ageing) u żona fejn l-inbid lest jiġi ibbottiljat u maħżun. Iż-żewġ laboratorji ser ikunu ddedikati għall-analiżi kimika u mikrobijoloġika tal-għeneb u l-inbid kif ukoll għall-analiżi tal-ħamrija fejn jitkabbru id-dwieli. Barra minn hekk, fl-għelieqi ta’ madwar iċ-ċentru ser jitħawlu vinji sperimentali b’varjetajiet tad-dwieli Maltin. Il-Ministru George Pullicino fakkar li bid-dħul ta’ Malta fl-U.E. pajjizna għamel qabża kbira ‘l quddiem. Daħħalna numru ta’ regolamenti ġodda f’dan is-settur, li fiċ-ċentru tagħhom għandhom l-interess tal-konsumatur u tal-bidwi. Hu qal li llum Malta tikkonforma 100% ma dawn il-liġijiet u għandna sistema lokali ta’ kwalifikazzjoni ta’ nbejjed ta’ kwalità (D.O.K. u I.G.T.). Huma madwar 80 l-inbejjed ta’ kwalità li nsibu madwar il-pajjiż. 

Il-Ministru George Pullicino żied li pajjiżna jiproduċi madwar 2 miljun flixkun inbid fis-sena, filfatt fis-sena 2011 pajjiżna ipproduċa ‘l fuq minn 15,000 ettolitru ta’ inbid. Hemm bżonn ta’ aktar għarfien mill-pubbliku tal-kwalità tal-imbejjed lokali u huwa għalhekk li l-Ministeru għar-Riżorsi u l-Affarijiet Rurali qed jaħdem biex fix-xhur li ġejjin jagħmel kampanja edukattiva fost iż-żgħażagħ fuq kif wieħed għandu jixrob u jagħżel l-inbid. Il-ħolma hi li ċ-ċentru iservi wkoll għal studju fuq iż-żejt taż-żebbuġa u l-għasel. L-inbid, iż-żejt taż-żebbuġa u l-għasel huma t-tlett prodotti tal-biedja Maltija li jagħtu identità qawwija lill-biedja tagħna u li nridu nibżgħu għalihom filwaqt li nkunu kburin bihom. Il-Ministru Pullicino għamel appell lill-konsumatur Malti u Ghawdxi biex jemmen fil-prodott lokali. Hu qal li l-inbid hu riżultat tal-ħidma tal-bdiewa tagħna li jkabbru l-għeneb għall-għassir. Għalhekk hu sellem lill-bdiewa u irringrazzjhom tal-ħidma tagħhom liema ħidma twassal għal tisbieħ tal-pajsaġġ rurali ta’ pajjiżna anki fis-sajf.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI  Tittella’ konferenza nazzjonali li tqajjem aktar għarfien u azzjoni kontra l-vjolenza domestika

PR262018

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT U MILL-MINISTERU GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IL-BENESSERI U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI  Minn 90 għal kważi 900 żagħżugħ u żagħżugħa fi tliet snin fid-Duke of Edinburgh’s International Award

PR262017

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU G...

Aktar Stqarrijiet Right arrow