Left arrow Mur Lura

ELUF MISTENNIJA JŻURU L-WIRJA TAL-BIEDJA U SNAJJA’, MILL-ĠDID F’VILLA RUNDLE

pr1801
Date Icon 14/08/2012

Għal sena oħra konsekuttiva, is-Soċjetà Agrikola, Industrijali u Kulturali ta’ Għawdex reġgħet żammet l-appuntament tagħha ma’ eluf ta’ viżitaturi Għawdxin, Maltin u barranin li jattendu bi ħġarhom għall-Wirja tradizzjonali tal-Biedja u s-Snajja’ li ilha ssir sa mill-1855. Din is-sena l-wirja ser terġa’ tinżamm fi Ġnien Villa Rundle, wara li għal dawn l-aħħar sentejn kellha tittella’ f’siti alternattivi minħabba x-xogħlijiet ta’ ristrutturar estensiv li kienu għaddejjin f’dawn il-ġnien storiku.

L-Onor. Giovanna Debono, Ministru għal Għawdex dalgħodu inawgurat uffiċjalment il-Wirja tal-Biedja u Snajja’ 2012 fi Ġnien Villa Rundle, fejn qalet li l-impatt tas-settur agrikolu għandu rwol vitali fil-konservazzjoni tal-ambjent rurali li jispikka madwar il-gżira ta’ Għawdex. Dan huwa fatt rikonoxxut u apprezzat u jagħti valur addizzjonali lix-xogħol siewi mwettaq mill-bdiewa.

Il-Ministru Giovanna Debono rreferiet għall-proġetti tal-Ministeru għal Għawdex b’risq dan is-settur li jinkludu l-biċċerija ġdida li hija ta’ benefiċċju għal dawk li jrabbu l-annimali u t-twaqqif ta’ Ċentru ta’ Innovazzjoni fix-Xjenzi Rurali u l-Ambjent li qed isir bil-kollaborazzjoni mal-Università ta’ Malta. Żiedet tgħid li dan il-proġett li diġà sar ħafna xogħol fuqu, huwa mistenni li jkompli jtejjeb b’mod qawwi s-servizzi li jingħataw lill-bdiewa Għawdxin, filwaqt li jippromwovi u jsostni riċerka u studji oħra fil-kamp agrarju f’Għawdex.

Hija semmiet ukoll il-ħidma tal-Ministeru għal Għawdex matul is-sena fejn permezz ta’ skemi ta’ Eko Għawdex għall-Kunsilli Lokali u Organizzazzjonijiet Mhux Governattivi Għawdxin, inbnew madwar 5 kilometri ta’ ħitan tas-sejjieħ. Dawn minbarra l-ħitan tas-sejjieħ li jinbnew b’mod regolari mill-ħaddiema tal-Ministeru. Minbarra li jsebbħu u jgħinu biex jinżamm l-ambjent rurali madwar Għawdex, dawn il-ħitan tas-sejjieħ għandhom funzjoni oħra essenzjali, dik li jgħinu biex tiġi kkonservata l-ħamrija.

Il-Ministru għal Għawdex semmiet inizjattiva oħra b’risq is-settur agrikolu, dik tat-tindif tal-widien u lqugħ, li rriżultat f’ħażna akbar ta’ ilma tax-xita, għal aktar minn 43 miljun litru ta’ ilma fis-sena. Żiedet tgħid li wara li ġew organizzati korsijiet fejn ingħataw pariri dwar l-użu għaqli tal-pestiċidi u prattiċi agrikoli tajbin, fi żmien li ġej ser jitqassam ktejjeb fid-djar b’informazzjoni utli dwar l-użu tal-pestiċidi.

Hija faħħret l-intrapriża tal-bdiewa u r-raħħala kollha Għawdxin li jlaħħqu 185 li jaħdmu fuq bażi full-time u kważi 3,000 oħra part-time. Faħħret l-inizjattiva tagħhom anke fil-mod proattiv li bih laqgħu opportunitajiet taħt skemi mħabbra mill-Gvern, anke permezz ta’ għajnuna finanzjarja tal-Unjoni Ewropea.

Din il-wirja, li qed tiġi organizzata għall-157 sena tbierket mill-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex.  Ta’ kull sena, din il-wirja tesponi għall-pubbliku diversi prodotti esebiti minn numru ta’ bdiewa u raħħala Għawdxin, li jvarjaw minn żrieragħ, pjanti, frott u ħxejjex, prodotti proċessati bħal għasel, ġobon, inbid u ikel ieħor, kif ukoll snajja’ u prodotti artiġjanali Għawdxin. Attrazzjoni ewlenija ta’ din il-wirja hija t-taqsima tal-annimali tal-irziezet li tinkludi fost l-oħrajn majjali, nagħaġ, mogħoż, baqar kif ukoll żwiemel.

Il-wirja fetħet għall-pubbliku fil-ħamsa tal-lejla, fejn fis-7 p.m. ser issir ċerimonja tal-għoti tal-premjijiet fil-kategoriji tas-snajja’ u prodotti Għawdxin mill-Onor. Giovanna Debono. in iċ-ċerimonja ser tiġi segwita minn serata ta’ għana u folklor bil-parteċipazzjoni ta’ diversi Għannejja Maltin u Għawdxin, u l-grupp Folkloristiku Għaqda Folklor Xagħri. Għada l-Erbgħa, il-wirja tiftaħ għall-pubbliku fis-6.30 a.m. u tikkonkludi b’ċerimonja tal-għoti tal-premjijiet fil-kategoriji tal-annimali tal-irziezet, li tibda fil-11 a.m. u li tkun ippreseduta mill-E.T. il-President tar-Repubblika Dr George Abela bil-preżenza tal-Onor. Giovanna Debono Ministru għal Għawdex. 

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI  Tittella’ konferenza nazzjonali li tqajjem aktar għarfien u azzjoni kontra l-vjolenza domestika

PR262018

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT U MILL-MINISTERU GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IL-BENESSERI U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI  Minn 90 għal kważi 900 żagħżugħ u żagħżugħa fi tliet snin fid-Duke of Edinburgh’s International Award

PR262017

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU G...

Aktar Stqarrijiet Right arrow