IL-PUBBLIKU JIBDA JGAWDI XOGĦLIJIET ARTISTIĊI FI SPAZJI PUBBLIĊI F’GĦAWDEX
L-ewwel erba’ xogħlijiet artistiċi mit-43 li ntagħżlu fl-iskema L-Arti fit-Toroq, ġew installati f’siti diversi madwar Għawdex fejn jistgħu jitgawdew mill-pubbliku. B’hekk din l-iskema mnedija mill-Ministeru għal Għawdex fl-aħħar tal-2010 u li kienet l-ewwel tax-xorta tagħha fil-gżejjer Maltin, ħarġet xogħlijiet tal-arti fit-toroq u b’hekk qed toħloq wirja permanenti fil-beraħ.
Dawn ix-xogħlijiet huma Il-Menħir taċ-ċeramista Kathleen Formosa li tpoġġa fi Ġnien it-Tliet Għoljiet f’Marsalforn. Dan huwa twil żewġ metri u nħadem permezz ta’ grogged high temperature terracotta. Merħba bil-Fjuri – Welcome to Gozo huwa mural tal-mużajk, twil 13.5 metri, xogħol Mary Portelli u li jinsab fil-Port tal-Imġarr. Żewġ xogħlijiet tal-arti oħra tpoġġew fi Ġnien Villa Rundle – l-iskultura Gozo Gossiping ta’ Joe Xuereb li saret bil-ġebla tal-franka u li hi għolja 180 ċentimetru; u Serenità ta’ Angelo Agius, maħduma bil-bronż.
Il-Ministru għal Għawdex, l-Onor. Giovanna Debono inawgurat dawn l-opri artistiċi u faħħret lill-artisti kollha li ssottomettew l-abbozzi tagħhom għall-kreattività li hija xhieda ta’ talent qawwi f’dan is-settur, li nsibu fil-gżejjer tagħna. Hija qalet li huwa ppjanat li sal-aħħar ta’ din is-sena, ser ikunu tlestew madwar 13-il biċċa xogħol artistika li ser ikomplu jsebbħu nħawi oħra f’Għawdex. Il-Ministru Debono spjegat li din l-iskema, li hija waħda mill-inizjattivi fit-twettieq tal-Pjan ta’ Azzjoni Eko-Għawdex 2010 – 2012, ser tagħti lill-poplu Għawdxi u lil dawk kollha li jżuru l-gżira, l-opportunità li jgawdu xogħlijiet tal-arti fit-toroq, u mhux biss bejn l-erba’ ħitan ta’ mużew. Żiedet tgħid li din l-inizjattiva qed tesponi wkoll it-talenti lokali fil-beraħ.
L-Onor. Giovanna Debono qalet li din is-sejħa tat opportunità lil kull artist Għawdxi u Malti, biex jissottometti abbozzi ta’ xogħlijiet artistiċi oriġinali, li setgħu jintagħżlu biex isiru fuq skala ikbar sabiex jitqiegħdu f’diversi postijiet pubbliċi u jikkumplimentaw l-inħawi storiċi u rurali tal-gżira ta’ Għawdex.
B’kollox fl-Iskema l-Arti fit-Toroq ipparteċipaw 64 artist. Dawn kienu jinkludu Għawdxin u Maltin, kif ukoll barranin li joqogħdu fil-gżejjer Maltin, li flimkien issottomettew 120 abbozz ta’ xogħlijiet ta’ arti. Il-materjali wżati fix-xogħlijiet tal-arti li ġew ikkummissjonati s’issa jinkludu l-bronż, l-injam, terrakotta, ġebla tal-qawwi, mużajk, ġebla tal-franka u stainless steel.
Dawn l-erba’ xogħlijiet artistiċi jistgħu jitgawdew mill-eluf ta’ Maltin li ser jaqsmu l-fliegu f’dawn il-jiem, u li ser iżuru Ġnien Villa Rundle li jinsab fil-qalba tar-Rabat u Ġnien it-Tliet Għoljiet f’Marsalforn. Xogħol artistiku ieħor jagħtihom merħba fil-Port tal-Imġarr.
Stqarrijiet Oħra:
PR262018
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...
PR262017