Left arrow Go Back

10 PAZJENTI JIBDEW JGĦIXU ĦAJJA ĠDIDA GRAZZI GĦAL INTERVENT INNOVATTIV LI QIEGĦED ISIR FL-ISPTAR MATER DEI

pr1795
Date Icon 14/08/2012

Matul dawn l-aħħar 4 snin diversi pazjenti gawdew minn bidla radikali fil-kwalità ta’ ħajjithom grazzi għal diversi interventi innovattivi li qed isiru fl-iSptar Mater Dei.  Wieħed minn dawn l-interventi hu dak li jissejjaħ Deep Brain Stimulation li jinvolvi t-tqegħid ta’ elettrodi fil-moħħ li jgħinu lill-pazjent biex ikun jista’ jerġa’ jirkupra l-kontroll tal-movimenti u l-mobilità tiegħu.

Il-Ministru għas-Saħħa, l-Anzjani u Kura fil-Komunità Joe Cassar qal li dan kien proġett ġdid u ambizzjuż fil-qasam tan-Newroloġija u n-Newrokirurġija.  Il-ħidma fuq il-proġett inbdiet sentejn ilu u s-servizz beda jiġi offrut mill-Isptar Mater Dei mis-sena li għaddiet.   Il-Ministru Cassar qal li dan kien pass importanti ħafna fil-qasam tal-kura tas-saħħa ta’ pajjiżna, u l-fatt li l-kirurgu huwa Malti, ikompli jżid mal-preġju tas-servizz li, bħall-kumplament tas-servizzi, jiġi offrut b’xejn għall-benefiċċju tal-pazjent.

Dr Cassar qal li Deep Brain Stimulation huwa intervent kirurġiku speċjalizzat  u jinvolvi għadd kbir ta’ professjonisti tas-saħħa.  Is-sena li għaddiet saru l-ewwel ħames operazzjonijiet, u sa issa din is-sena saru ħamsa oħra, filwaqt li l-ġimgħa d-dieħla ħames pazjenti oħra ser jiġu operati.   Il-Ministru Cassar qal li r-riċerka turi li għall-popolazzjoni ta’ pajjiżna, ikun hemm bżonn ta’ bejn ħames u għaxar operazzjonijiet fis-sena.

Il-Ministru qal li dan l-intervent iwassal biex litteralment il-ħajja tal-pazjent tinbidel radikalment, u ħafna drabi tiġi deskritta mill-pazjent stess bħala ħajja ġdida.  Dr Cassar qal li l-fatt li sar ftehim biex il-kirurgu, Mr Ludvic Zrinzo, qiegħed jiġi hawn Malta ifisser li jiġi evitat il-bżonn li l-pazjent isiefer u naturalment dan iġib miegħu vantaġġi kbar għall-pazjent u l-familjari tiegħu.   Mr Zrinzo huwa konsulent newrokirurgu speċjalizzat fid-Deep Brain Stimulation li jaħdem in-National Hospital for Neurology and Neurosurgery, f’Londra. 

Mr Ludvic Zrinzo qal li fil-qalba tal-ħidma li ssir minn tim multixxiplinarju hemm il-pazjent u r-rieda li tingħata l-possibilità li wieħed jgħix ħajja ta’ kwalità aħjar.  Hu qal li dan l-intervent, għalkemm jaffettwa lill-pazjent b’mod dirett, jaffettwa wkoll il-familjari tal-pazjent li ħafna drabi ikunu qed ibgħatu flimkien mal-pazjent.  Waqt li spjega l-proċedura, Mr Zrinzo qal li d-Deep Brain Stimulation tista’ ssir kemm bil-pazjent rieqed imma anke bil-pazjent imqajjem.  Fil-waqt li meta l-pazjent ikun imqajjem, il-kirurgu ikun jista’ jara l-effetti tal-operazzjoni minnufih, l-esperjenza taf tkun waħda diffiċli għall-pazjent.  Kien għalhekk li Mr Zrinzo stess iffoka fuq riċerka bl-iskop li ssib metodi kif din il-proċedura ssir bil-pazjent rieqed, kif fil-fatt illum qed isir, grazzi għall-użu tal-MRI li jagħti indikazzjoni pjuttost ċara tas-suċċess tal-operazzjoni.

Fil-fatt, il-proċedura kollha, li normalment tieħu madwar 8 siegħat tibda bit-tqegħid ta’ apparat ma’ ras il-pazjent, liema apparat jgħin lill-kirurgu jorjenta ruħu bi preċiżjoni mal-moħħ tal-pazjent.  Wara dan isir MRI imbgħad issir l-operazzjoni  nnifisha.  Hu rringrazzja lill-professjonisti kollha li jiffurmaw parti mit-tim li flimkien jagħmlu din il-proċedura.

Dr Josanne Aquilina, Consultant Neurologist tal-Isptar Mater Dei qalet li mhux kull min għandu il-Parkinsons, jew xi mard li jaffettwa l-moviment jista’ jagħmel dan l-intervent.  Dan minħabba l-fatt li fil-maġġoranza tal-każijiet il-mediċini li hawn ikunu diġà qed jgħinu lill-pazjent. Iżda meta dan ma jseħħx, tiġi kkunsidrata d-Deep Brain Stimulation.  Hi qalet li jsiru eżamijiet mediċi fuq il-pazjent sabiex jiġi stabbilit li saħħet il-pazjent fil-fatt tippermetti l-intervent u wara jsiru wkoll sessjonijiet ta’ psikjatrija sabiex il-pazjent ikun kemm jista’ jkun ippreparat anke mentalment.

“Magic” – hekk iddeskriva l-esperjenza tiegħu s-Sur Anthony Borg li kien wieħed mill-ewwel ħames pazjenti li għamlu din il-proċedura s-sena li għaddiet.  Is-Sur Borg qal li permezz tad-Deep Brain Stimulation hu reġa’ twieled mill-ġdid u ddeskriva l-esperjenza bħala waħda inkredibbli.  Hu qal li ġie stabilit li kellu l-Parkinsons meta kellu 40 sena u fi żmien 10 snin il-marda kienet ħakmitu, b’riżultat li kien limitat ħafna fil-movimenti tiegħu.  Iżda il-fatt li seta’ jimxi u jikkontrolla anke il-movimenti tiegħu mill-ġdid fetaħlu bieb ieħor għall-ħajja ġdida.  Hu qal li kemm Mr Zrinzo, u anke Dr Josanne Aquilina, iltaqgħu miegħu kemm-il darba sabiex jispjegawlu eżatt x’se jiġri waqt l-intervent. 

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI  Tittella’ konferenza nazzjonali li tqajjem aktar għarfien u azzjoni kontra l-vjolenza domestika

PR262018

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT U MILL-MINISTERU GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IL-BENESSERI U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI  Minn 90 għal kważi 900 żagħżugħ u żagħżugħa fi tliet snin fid-Duke of Edinburgh’s International Award

PR262017

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU G...

More Press Releases Right arrow