Left arrow Mur Lura

IL-KLABB TAR-REGATTA TA’ BORMLA JINVESTI FIŻ-ŻGĦAŻAGĦ BI PROĠETT KO-FINANZJAT MILL-UE

pr1793
Date Icon 14/08/2012

Enfasi fuq it-taħriġ taż-żgħażagħ, fuq il-kisba ta’ ħiliet ġodda u fuq il-ħolqien ta’ opportunitajiet tax-xogħol

Bl-għajnuna teknika tal-MEUSAC, il-Klabb tar-Regatta ta’ Bormla akkwista fondi mill-programm Youth in Action tal-Unjoni Ewropea biex jimplimenta proġett li permezz tiegħu qed jgħin liż-żgħażagħ jinvolvu ruħhom fil-komunità b’mod kostruttiv. 

Il-proġett għandu l-għan li jħarreġ lil grupp ta’ żgħażagħ fis-sengħa tal-bini tad-dgħajsa tradizzjonali tal-pass, b’tali mod li huma jkunu qed jakkwistaw ħiliet ġodda, irawmu sens ta’ imprenditorija, u fl-istess ħin itejbu l-possibilità tagħhom li jsibu impjieg.  Il-proġett se jwassal ukoll biex tinżamm ħajja din is-sengħa tradizzjonali.

Id-dettalji ngħataw waqt żjara li l-Ministru tal-Ġustizzja, Konsultazzjoni Pubblika u l-Familja Chris Said u l-Kap tal-MEUSAC Vanni Xuereb għamlu fil-Klabb tar-Regatta ta’ Bormla fejn iltaqgħu maż-żgħażagħ li qed jipparteċipaw f’dan il-proġett.

Il-Ministru Chris Said qal li l-fondi tal-Unjoni Ewropea qed jgħinu sabiex, il-Gvern, entitajiet privati, NGOs u Kunsilli Lokali, bi sħab jew individwalment, imexxu proġetti li permezz tagħhom jinħoloq ix-xogħol. Il-fondi Ewropej qed jintużaw ukoll sabiex tiġi implimentata strateġija għal tagħlim tul il-ħajja.  Xhieda ta’ dan huwa l-investiment qawwi li sar mill-Korporazzjoni għax-Xogħol u t-Taħriġ fil-bini ta’ ċentru għat-taħriġ f’Ħal Far fejn jiġu organizzati mijiet ta’ korsijiet għal persuni ta’ kull età li jridu jtejbu l-ħiliet tagħhom u b’hekk ikollhom opportunita’ akbar li jsibu impjieg.

Il-Ministru Chris Said qal li proġett bħal dak tal-Klabb tar-Regatta ta’ Bormla juri kemm l-Unjoni Ewropea hi preżenti fil-ħajja ta’ kuljum taċ-ċittadini tagħha. Qabel il-ftuħ tas-sessjonijiet ta’ tagħlim dwar il-bini tad-dgħajjes, se jsiru erba’ sessjonijiet ta’ diskussjoni li jlaqqgħu lill-parteċipanti u kelliema speċjali dwar aspetti ta’ relevanza Ewropea. Fost it-temi diskussi, se tingħata importanza lis-sinifikat taċ-ċittadinanza Ewropea u l-valuri demokratiċi li tħaddan l-Unjoni Ewropea. Permezz ta’ dawn id-diskussjonijiet, il-proġett għandu l-ħsieb ukoll li jgħin liż-żgħażagħ jifhmu li l-Unjoni Ewropea mhix xi entità maqtugħa mill-bqija tal-Istati Membri u r-realtajiet tagħhom.

Intqal ukoll li s-sengħa ta’ kif tinbena d-dgħajsa tal-pass ser tiġi mgħallma permezz tal-edukazzjoni informali.  Dan il-proġett jinkludi wkoll taħriġ relatat mat-tagħmir għall-qdif u l-bini tad-dgħajjes. It-tagħmir ser jinbena mill-parteċipanti nfushom u bih ser ikunu jistgħu jipprattikaw l-isport tal-qdif. Permezz tal-fondi akkwistati mill-UE inxtara wkoll apparat għat-taħriġ tal-qaddiefa. Huwa maħsub li minbarra l-ħiliet tas-sengħa tal-injam, iż-żgħażagħ se jkollhom ħin jikkontribwixxu għall-inizjattivi oħra li qed jittieħdu mill-Kunsill Malti għall-Isport. Il-proġett tal-Youth in Action mistenni jikkumplimeta proġetti preċedenti li saru fiż-żona tal-Kottonera taħt il-programm Leonardo Da Vinci.

Il-Kap tal-MEUSAC Vanni Xuereb qal li filwaqt li bħalissa nisimgħu ħafna dwar kriżijiet fl-Ewropa u f’ħafna pajjiżi oħra, l-Unjoni Ewropea baqgħet għaddejja bil-ko-finanzjament ta’ ħafna proġetti bħal dan tal- Klabb tar-Regatta ta’ Bormla. Hu fisser il-bżonn li nitkellmu dwar proġetti bħal dawn għax huma prova ta’ kemm l-UE hi forza li tissarraf f’beneficċji diretti għaċ-ċittadini kollha tas-27 Stat Membru.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI  Tittella’ konferenza nazzjonali li tqajjem aktar għarfien u azzjoni kontra l-vjolenza domestika

PR262018

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT U MILL-MINISTERU GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IL-BENESSERI U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI  Minn 90 għal kważi 900 żagħżugħ u żagħżugħa fi tliet snin fid-Duke of Edinburgh’s International Award

PR262017

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU G...

Aktar Stqarrijiet Right arrow