Left arrow Go Back

DISKORS TAL-ONOR. LAWRENCE GONZI, PRIM MINISTRU, WAQT L-INAWGURAZZJONI TAL-MONUMENT TAL-BAĦĦARA – IT-TNEJN, 13 TA’ AWWISSU 2012

pr1792
Date Icon 13/08/2012

Id-dinjità kbira li jgawdi pajjiżna fl-għajnejn tad-dinja llum hija r-riżultat tal-wirt li tatna n-natura, kif ukoll ir-riżultat tal-wirt li nbena u nħadem matul l-istorja minn dan il-poplu.  

Pajjiżna hu tassew nisġa ta' ġawhar naturali u storiċi, mużew li minn pass għal ieħor ifakkarna li pajjiżna hu fuq quddiem nett fil-wirt kulturali. Pajjiż ta' densità kulturali, fejn l-art u l-baħar huma dokument ta' storja twila b'eluf ta' snin. Malta pajjiż ta' kultura mżewqa li, b'xorti tajba, l-interess fiha qiegħed jikber dejjem, kemm fostna l-Maltin li tant nieħdu sehem fl-attivitajiet kulturali li jsiru f'kull belt u f'kull raħal tagħna, u kemm fost it-turisti, li sikwit jiġu hawn qabelxejn għaliex jafu li din hi gżira ta' kultura kbira, qadima u ħajja. Il-Port il-Kbir, narawh minn liema angolu narawh, hu sinjal ta' ċiviltà, utilità u storja.

L-istess industrija ewlenija tagħna, it-turiżmu, tiddependi mill-wirt storiku u kulturali li ħallewlna missirijietna. Tiddependi qabelxejn minn kull rokna pittoreska li tatna n-natura.  Storja u kultura, preżent u passat, ambjent naturali u żvilupp: dawn huma marbutin ħafna ma' xulxin.  Il-futur ta' dan kollu, ta' din il-bravura li ħallewlna missirijietna u li aħna bi dmir u b'sodisfazzjon komplejna warajhom - jiddependi minn kemm aħna, nagħrfu nifhmu kemm mingħajr dan il-wirt naturali u dan il-wirt storiku Malta ma teżistix, Malta ma tasal toffri ebda futur lil uliedna. Għalhekk l-impenn tagħna favur għarfien dejjem akbar tal-istorja u tal-wirt naturali ta' Malta huwa impenn fondamentali, patt fondamentali li rridu nħarsuh qabelxejn b'ġustizzja lejn il-ġenerazzjonijiet li għad iridu jiġu.

Forsi fid-dawl ta' dan kollu għalina l-Maltin ma hemm ebda post aktar spettakolari, aktar dinjituż u nobbli mill-Port il-Kbir.  Ebda post ieħor, naturali u storiku, ma jinseġ daqshekk tajjeb lill-ġmiel li għandna, u lill-wirt li bnew missirijietna bi tbatija kbira matul is-sekli.  Ninsabu hawn illum, b'tant suċċessi wara spallejna, biex infaħħru lill-Maltin ta' qabilna li tant issagrifikaw ruħhom matul iż-żmien biex ħallewlna dan l-eżempju kbir ta' għaqal.  Huwa port li jindika bilanċ impressjonanti bejn sbuħija naturali u esperjenza storika.

Ma jiġix turist f'Malta, ma jasalx ġurnalista barrani fostna, li ma jagħmilx riferiment, b'mod jew b'ieħor għal dan il-ġojjell li hu l-Port il-Kbir, il-port ta' tant storja qalila, mill-Assedju l-Kbir tal-1565 sal-aħħar gwerra dinjija ta' ftit żmien ilu.  Il-Port il-Kbir huwa frott l-għaqal tan-natura imma huwa wkoll il-prodott ta' min bnieh bis-swar u bil-bini l-ieħor. Ma hemmx lezzjoni tal-Istorja ta' Malta li ma ġġibniex wiċċ imb’wiċċ mal-Port il-Kbir, bħala l-bieb ċentrali li minnu jidħlu l-barranin fuq il-baħar. Hawn jiltaqgħu partijiet differenti ta' Malta, gżira li l-baħar ta' madwarha pprovdielha port naturali ta' dan il-ġmiel u ta' dan il-kobor.  L-arkitettura tiegħu toħloq kumpless li hu eċċezzjonali anki fuq livell dinji.  Il-ġrajjiet, id-drawwiet tal-baħħara Maltin, l-attivitajiet li jsiru madwaru jkomplu jbiddlu lil dan il-port f'ċertifikat mill-aqwa tagħna bħala poplu ta' ċiviltà antika u kbira.  Fl-apprezzament tal-Port il-Kbir, u fl-iżvilupp għaqli tal-potenzjal li għandu bħala ċentru storiku, kulturali, turistiku, hemm miżura effiċjenti li tgħin ħafna fl-iżvilupp tal-karattru nazzjonali tagħna. Ngħidu dan għaliex fil-koltivazzjoni tal-identità Maltija hemm il-koltivazzjoni tal-ġenerazzjonijiet futuri.  U l-Port il-Kbir huwa eżempju ta' kif patrimonji differenti, epoki storiċi varji, jitlaqqgħu u jgħixu flimkien mingħajr ma jagħmlu ebda ħsara lil xulxin.

Dan hu l-impenn tagħna. Irridu niggarantixxu li t-tfal u ż-żgħażagħ ikunu jafu l-Istorja dejjem aktar, biex b'hekk japprezzaw lil pajjiżna aktar. Irridu naraw lill-Port il-Kbir jkompli jidħol dejjem aktar fil-programm ekonomiku tagħna, kemm f'dik li hi ekonomija interna u kemm dik li hi opportunità turistika. L-isfond storiku tal-Port il-Kbir għandu potenzjal uniku għal Malta. Tifkiriet bħall-ġrajja tal-Konvoj ta' Santa Marija huma aspetti li lill-Port il-Kbir jagħtuh valur akbar, apparti d-dehra partikolari tiegħu. Magħqudin ilkoll flimkien, bħala istituzzjonijiet u poplu, konvinti mill-kwalità ta' post bħal dan f'livell dinji, aħna nistgħu inħarsu lejh mhux biss biex infakkru l-imgħoddi storiku glorjuż tiegħu, imma wkoll biex naħsbu u nfasslu għalih futur li jkompli japprezzah u jagħtih il-ħajja. Dan il-Port hu minnu nnifsu monument nazzjonali, ritratt tal-identità nazzjonali, u f'dan id-dawl nimpenjaw ruħna li nsiru nafuh u napprezzawh dejjem aktar, u nagħtuh ħajja ġdida dejjem aktar.

Tul din is-sena pajjizna qed jiċċelebra s-70 anniversarju mill-Għoti tal-Midalja tal-George Cross lill-Poplu tagħna, midalja li ngħatat għall-qlubija li l-poplu Malti wera fid-difiża ta' pajjiżna matul it-Tieni Gwerra Dinjija. Bħal nhar l-Erbgħa 70 sena, dak li lkoll nafuh bħala l-Konvoj ta' Santa Marija daħal fil-Port majestuż tagħna, iġorr il-provvisti tant meħtieġa sabiex il-poplu tagħna seta' jkompli jieqaf quddiem l-attakki tal-għadu. Sebgħin sena wara, dawn il-memorji għadhom jiġġeddu minn ġenerazzjoni għal-oħra, minn min jiftakarhom u għexhom għal dawk li jafuhom biss mill-kotba jew għax semgħuhom jiġu rrakkuntati.  Verament kburi li llum fostna hawn numru ta' persuni li ffurmaw parti mill-hekk imsejjaħ il-Konvoj ta' Santa Marija.  F’ismi u f’isem il-poplu Malti kollha ngħidilhom grazzi, grazzi mill-qalb għall-qlubija li intom u sħabkom urejtu sabiex din il-Gżira Fortizza ta' Malta setgħet tibqa' sħiħa fil-ġlieda tagħha.

Insellem ukoll lil dawk kollha li ħallsu għas-salvazzjoni ta' pajjiżna b’demmhom. Insellmilhom bħala eroj li l-poplu tagħna jibqa' midjun lejhom għaliex permezz tas-sagrifiċċju tagħhom, din il-Gżira baqgħet b’saħħitha u miexja 'l quddiem tul iż-żminijiet. Iżda llum qegħdin hawnhekk sabiex ninawguraw ukoll monument sempliċi iżda sabiħ. Monument li jgħinna niftakru fil-baħħara li tul iż-żminijiet baħħru minn u lejn dawn il-Gżejjer b’mod partikolari lejn dan il-Port il-Kbir majestuż tagħna.

Meta Dun Joe Borg, il-Kappillan tal-Port semmieli l-idea tiegħu sabiex isir dan il-monument, mill-ewwel ilqajtha bil-ferħ u wegħdtu l-appoġġ kollu tiegħi u tal-Uffiċċju tiegħi.  Infatti din il-biċċa xogħol ġiet fdata f’idejn il-Kumitat għat-tisbiħ tal-Ambjent fi ħdan l-Uffiċċju tiegħi li b’koperazzjoni sħiħa ma' diversi entitajiet governattivi oħrajn, illum nistgħu ninawguraw dan il-monument. Grazzi lil dawk kollha li ħadmu sabiex din l-inizjattiva saret realtà. Grazzi ukoll lil Cassar Ship Repair li offrew din l-ankra li qed issebbaħ dan il-monument.

Nixtieq li dan il-monument jibqa' tifkira ta’ dawk kollha li b’mod jew ieħor ikkontribwixxew, uħud minnhom billi ssagrifikaw ħajjithom fuq l-ibħra tagħna, jibqa' għalina lkoll u għal ta' warajna, tifkira ħajja sabiex il-memorja tagħhom ma tispiċċa qatt.

Grazzi ħafna.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI  Tittella’ konferenza nazzjonali li tqajjem aktar għarfien u azzjoni kontra l-vjolenza domestika

PR262018

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT U MILL-MINISTERU GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IL-BENESSERI U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI  Minn 90 għal kważi 900 żagħżugħ u żagħżugħa fi tliet snin fid-Duke of Edinburgh’s International Award

PR262017

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU G...

More Press Releases Right arrow