JINSAB GĦADDEJ L-ISTAĠUN TAL-ĦSAD TAT-TADAM – FIL-WEEKEND LI ĠEJ SE TITTELLA’ FESTA TAT-TADAM F’GĦAWDEX
Dalgħodu l-Ministru għar-Riżorsi u l-Affarijiet Rurali, George Pullicino, flimkien mal-Ministru għal-Għawdex Giovanna Debono, żaru għalqa li fiha jitkabbar it-tadam.
Il-Ministru Pullicino qal li f’pajjiżna insibu ħames organizzjonijiet tal-produtturi tat-tadam għall-ipproċessar filwaqt li nsibu tlett proċessuri tad-tadam. Il-produzzjoni lokali tat-tadam għall-industrija tal-ipproċċesar għas-sena 2011 kienet tammonta għall- 8,519,547 kilo. It-totall tal-produtturi tat-tadam għas-sena 2011 kien ta’ 265 bidwi. Huwa pożittiv u nkoraġġanti li s-sena l-oħra ma kienx hemm kazi tat-tuta absoluta. Il-bdiewa qegħdin jikkontrollaw din l-infestazzjoni wara li kien effettiv il-programm t’azzjoni tal-Gvern biex tkun inqerdet din il-marda tad-tadam.
Il-Ministru għal Għawdex, l-Onor. Giovanna Debono qalet li l-Festa tad-Tadam hija inizjattiva li tixhed kemm l-agrikoltura f’Għawdex għadha attività ekonomika importanti. Hija rreferiet għaċ-Ċentru ta’ Innovazzjoni fix-Xjenzi Rurali u l-Ambjent, proġett li qed jitwettaq mill-Ministeru għal Għawdex bħala parti mill-ħidma tal-Pjan ta’ Azzjoni Eko Għawdex 2010 – 2012. Dan il-proġett għandu l-għan li jsaħħaħ il-qasam agrikolu fil-gżira Għawdxija, fost l-oħrajn permezz ta’ żieda fit-tagħrif u assistenza li tingħata lill-bdiewa u r-raħħala Għawdxin. Sostniet li dan iċ-ċentru ser iservi wkoll bħala ċentru innovattiv fil-qasam agrikolu u bħala attrazzjoni agri-turistika. Il-Ministru Giovanna Debono temmet tgħid li din l-attività hija inizjattiva oħra li tista’ sservi ta’ attrazzjoni għat-turiżmu intern lejn il-gżira Għawdxija.
Fil-weekend li ġej bejn il-11 u t-12 t’Awwissu se ssir il-Festa tat-Tadam ġewwa Pjazza Orvieto f’Ta’ Kerċem, Għawdex. F’dawn il-ġranet, il-ħsad tat-tadam jinsab għaddej fl-aqwa tiegħu u l-bdiewa Għawdxin ħasbu sabiex jaqsmu din l-esperjenza mal-pubbliku. L-attività mifruxa fuq jumejn, ser issir miIl-Ministeru għar-Riżorsi u l-Affarijiet Rurali, b’kollaborazzjoni mal-Ministeru għal Għawdex, il-Kunsill Lokali Ta’ Kerċem, produtturi tat-Tadam Maltin u Għawdxin, Għaqda Mużikali San Girgor u Grupp Armar Għajn Tuta. Waqt il-jumejn ser ikun hemm programm ta’ attivitajiet relatati mat-tema tal-festa – it-Tadam. Fosthom se jkun hemm żjarat ġo għelieqi tat-tadam fejn il-pubbliku se jkun jista’ jara l-proċess tal-qtugħ tat-tadam u anke jingħata ċ-ċans imidd idu. Se tittella’ kompetizzjoni bi premjijiet għall-aħjar varjetà ta’ tadam, kif ukoll għadd ta’ logħob għat-tfal u għall-kbar. Din il-kompetizzjoni se tkun miftuħa kemm għall-produtturi tat-tadam kif ukoll għal bdiewa oħra.
Ser ikun hemm srvizz ta’ shuttle mill-Imġarr Għawdex sa Ta’ Kerċem u lura matul il-jumejn tal-attività.
Stqarrijiet Oħra:
PR262018
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...
PR262017