Left arrow Go Back

DISKORS MILL-ONOR LAWRENCE GONZI, PRIM MINISTRU, WAQT IL-PASSING OUT PARADE TA’ 69 REKLUTI ĠODDA FIL-KORP TAL-PULIZIJA, ĠEWWA L-FORTI TA’ SANT’IERMU, IL-BELT VALLETTA - L-ERBGĦA, 8 TA’ AWWISSU 2012

pr1770
Date Icon 08/08/2012

Kummissarju,

Sinjuri,

Din il-ġurnata hi ġurnata ta’ emozzjonijiet għalikom, għall-ġenituri tagħkom u għal dawk kollha li kienu qrib tagħkom fil-proċess edukattiv tagħkom li qed iwassalkom sa hawn.  Nagħti l-awguri tiegħi lilkom id-69 rekluti ġodda li propju f’dan il-mument seħħet il-ħolma tagħkom li ssiru membri tal-Korp tal-Pulizija.  U nsellem lill-ġenituri tat-trobbija u l-appoġġ li tawkom.  Il-kisba tagħkom illum hi mertu tagħhom ukoll.  Is-sodisfazzjon tagħkom hu frott id-dedikazzjoni tagħhom.

Intom iż-żgħażagħ għadkom kif temmejtu programm ta’ taħriġ, programm twil u xejn faċli, li għenkom takkwistaw dawk il-ħiliet li huma tant bżonnjużi għall-pulizija fis-soċjetà moderna li qed ngħixu fiha.  Bid-determinazzjoni tagħkom wasaltu.  Irnexxejtu u dħaltu f’impjieg u karriera li xtaqtu.

Intom segwejtu taħriġ f’oqsma differenti biex tkunu mħejjija tajjeb għall-isfidi li se tiltaqgħu magħhom fil-karriera tagħkom.  It-taħriġ inkluda studju dwar il-liġijiet ta’ pajjiżna u dawk internazzjonali, il-proċeduri marbuta max-xogħol tal-pulizija, ix-xogħol tal-pulizija fil-komunità, taħriġ dwar ħiliet speċjalizzati fl-oqsma tal-forensika u l-investigazzjonijiet, u suġġetti oħra li jindirizzaw materji oħra bħalma huma t-traffikar ta’ persuni, il-kriminalità organizzata u l-kriminalità fuq l-internet.

Minn issa ‘l quddiem intom fost l-oħrajn se tibdew tagħmlu l-patrols madwar it-toroq ta’ pajjiżna, tkunu viċin in-nies, sabiex, sa fejn hu possibbli, iżżommu lis-soċjetà Maltija ‘l bogħod mill-kriminalità. 

L-Istat Malti għadu kif għaddielkom ukoll poteri speċjali fiż-żamma tal-ordni.  Poteri li jinkludu t-tfittix u l-arrest - żewġ miżuri li jġorru responsabbiltà enormi u li tridu twettqu b’mod mill-aktar serju.

Ħafna drabi x-xogħol tal-pulizija jittieħed bħala stat ta’ fatt.  Minkejja kull rieda min-naħa tal-Gvern, u minkejja l-investimenti u l-istrateġiji li jsiru, dan kollu ma jkollux relevanza jekk is-soċjetà li ngħixu fiha ma jkollhiex persuni li jkunu fuq quddiem nett biex jipproteġuha.  Persuni li jkunu kapaċi jidentifikaw it-theddid u jieħdu passi immedjati.  Persuni li jkunu proattivi meta jkun meħtieġ u li jirreaġixxu fuq informazzjoni mgħoddija lilhom sabiex jipproteġu lis-soċjetà.  Din ir-responsabbiltà llum qed tgħaddi fuqkom ukoll.

Biex tagħmlu dan, iżda, tridu tkunu impenjati li tibqgħu tirċievu taħriġ fuq bażi kontinwa.  Tridu takkwistaw ħiliet ġodda, titgħallmu u taddattaw ruħkom għal metodi ġodda u differenti.  Kien propju f’dan l-ispirtu li fl-1988 il-Gvern fetaħ l-Akkademja tal-Pulizija.  Akkademja li ssegwi l-iżviluppi li jkunu qed iseħħu f’pajjiżna u barra minn xtutna u tipprepara, skont iċ-ċirkustanzi tal-ġurnata, korsijiet fil-qasam taż-żamma tal-ordni u l-infurzar tal-liġijiet.  Mit-twaqqif tagħha 24 sena ilu sal-lum, l-Akkademja pprovdiet 32 kors ta’ taħriġ għar-rekluti ġodda u li minnhom iggradwaw aktar minn 2,020 rekluta. 

Minbarra korsijiet ta’ rekluti ġodda, fl-Akkademja jsiru wkoll korsijiet għall-membri li jkunu diġà qed iservu fil-Korp.  Minn Marzu 2007, dawn bdew isiru fuq bażi regolari fejn kull membru tal-Korp, minn Surġent Maġġur ‘l isfel, jingħata tmien sigħat taħriġ fix-xahar bħala parti mill-ħin tax-xogħol. 

Din tal-lum hija l-aħħar ċerimonja li qiegħda ssir f’dan il-bini  biex ikun jista’ jibda l-proġett ta’ restawr tal-Forti Sant’Iermu li se jinkludi wkoll Mużew tal-Istorja Militari ta’ Malta.  B’dan il-proġett ta’ restawr se nagħtu futur lill-passat tagħna, kif għamilna fi proġetti oħra.  Se noħolqu esperjenza ġdida għall-Maltin u għat-turisti f’waħda mill-isbaħ żoni ta’ pajjiżna.  B’dan il-proġett fil-Forti Sant’Iermu rajna l-opportunità li nibnu Akkademja ġdida f’Ta’ Kandja li x-xogħol fuqha diġà beda, bil-faċilitajiet moderni li huma meħtieġa għall-Korp tal-Pulizija.  Dan għaliex sal-lum it-taħriġ kien qiegħed isir f’post li kien mibni qabel u mhux mibni speċifikament għall-bżonnijiet tat-taħriġ tal-Pulizija.  Sakemm titlesta l-Akkademja l-ġdida, bħala miżura temporanja, l-Akkademja se tkun qed topera mill-bini li fil-passat kienet l-iskola Umberto Calosso ġewwa Santa Venera.

Il-Gvern se jkompli jinvesti fil-Korp, kif għamel fil-passat.  Riċentement għamilna investiment ġdid bl-introduzzjoni tad-DNA Information Exchange System, l-Automated Fingerprint Identification System, u l-upgrade tax-Schengen Information System, fost proġetti oħra.  B’hekk qed insaħħu idejn il-pulizija biex tipproteġu liċ-ċittadini tagħna.  Se nkomplu ninvestu wkoll fit-taħriġ tagħkom.

Il-ħidma tal-Pulizija titlob sagrifiċċji, impenn u dedikazzjoni.  Il-Pulizija jkunu viċin il-periklu aktar minn oħrajn.  Intom taħdmu f’sitwazzjonijiet delikati immens.  Tiġu f’kuntatt ma’ nies li jkunu f’mumenti vulnerabbli ħafna minħabba dak li jkunu għadhom kemm għaddew minnu.  Il-Gvern iddeċieda li jtejjeb il-kundizzjonijiet finanzjarji tal-membri tal-Korp tal-Pulizija.  Dan qed nagħmluh għaliex irridu li d-dħul finanzjarju tal-membri tal-Korp tal-Pulizija jkun jirrifletti x-xogħol li tagħmlu u l-kumplessità tax-xogħol li għandkom.  It-titjib fil-kundizzjonijiet finanzjarji tal-Pulizija se nagħmluh b’responsabbiltà u b’għaqal għaliex irridu nassiguraw li l-finanzi ta’ pajjiżna jibqgħu fis-sod u ma jiġrix kif ġara f’pajjiżi oħra li llum qed jikkrollaw taħt djun u żbilanċi kbar.  Għalhekk ir-reviżjoni qed nagħmluha b’saqajna mal-art mingħajr ma nipperikolaw dak li b’għaqal ħdimna għalih minħabba li qegħdin f’sitwazzjoni ekonomika u finanzjarja internazzjonali diffiċli.

Intom ir-rekluti ġodda konvint li m’għamiltux l-għażla ibbażata fuq x’jirrendi finanzjarjament ix-xogħol, iżda għamiltuh għaliex temmnu fl-għażla li għamiltu.  Ridtu tidħlu għall-karriera li tagħtikom sodisfazzjon.  Lilkom ir-rekluti ġodda nawguralkom li tilħqu l-aspirazzjonijiet tagħkom fil-karriera li dħaltu għaliha.  Nawguralkom li l-enerġija, il-kuraġġ u d-determinazzjoni li intom urejtu matul dan il-programm ta’ taħriġ intensiv li għadkom kemm temmejtu, tkomplu ġġorruhom matul il-karriera tagħkom.  Ibqgħu żommu ħaj dak l-ispirtu li rabbejtu fikom tul il-programm ta’ taħriġ u rrispettaw is-soċjetà li min-naħa tagħha għandha fiduċja fikom.  Dak li tagħmlu intom għandu jkun ta’ eżempju għal ħaddieħor.  Il-komportament tagħkom, tkunu fejn tkunu,bl-uniformi jew le, għandu dejjem ikun moralment u etikament korrett.  L-eżempju tagħkom ikaxkar.  Ir-rispett li jgawdi l-Korp se jkun jiddependi minnkom ukoll. 

Il-qofol tas-suċċess li ksibtu, ma jispiċċax hawn f’din iċ-ċerimonja tant importanti għalikom u għall-ġenituri u l-familja tagħkom.  Intom, flimkien mal-membri l-oħra tal-Korp tal-Pulizija tridu tagħtu s-serħan il-moħħ lill-poplu tagħna u lil min jiġi jżurna.  Is-soċjetà Maltija qed tafda fikom biex tipproteġu l-ħajja taċ-ċittadini tagħha u ta’ dak kollu li tippossjedi. 

Intom tħarriġtu biex tipproteġu liċ-ċittadini Maltin u Għawdxin.  Tħarriġtu biex iżżommu l-ordni.  Dan hu li se tkun qed tistenna s-soċjetà minnkom.  U dan hu li għandkom tagħtu.

Nawguralkom kull suċċess fil-karriera tagħkom.

Grazzi.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI  Tittella’ konferenza nazzjonali li tqajjem aktar għarfien u azzjoni kontra l-vjolenza domestika

PR262018

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT U MILL-MINISTERU GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IL-BENESSERI U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI  Minn 90 għal kważi 900 żagħżugħ u żagħżugħa fi tliet snin fid-Duke of Edinburgh’s International Award

PR262017

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU G...

More Press Releases Right arrow