Left arrow Mur Lura

DISKORS MILL-ONOR LAWRENCE GONZI, PRIM MINISTRU, WAQT IL-PREŻENTAZZJONI TAL-GĦOTJIET FINANZJARJI LILL-KUNSILLI LOKALI TAĦT L-ISKEMA TAL-LIBRERIJI, FIL-BERĠA TA’ KASTILJA, IL-BELT VALLETTA - L-ERBGĦA, 8 TA’ AWWISSU 2012

pr1769
Date Icon 08/08/2012

Kultant teżisti tentazzjoni li nillimitaw il-libreriji bħala sempliċiment maħżen kbir jew żgħir jew imdaqqas ta’ kotba.  Il-verità hi li l-libreriji huma ħafna iktar minnhekk. 

Storikament il-libreriji huma sinjal ieħor importanti tal-evoluzzjoni li għamel u kiseb il-bniedem matul is-snin.  Il-libreriji huma għejun importanti fis-soċjetajiet anki llum meta l-forma tradizzjonali tal-ktieb qed tinbidel kontinwament.

Il-libreriji fl-istorja kienu importanti biex issaħħet id-demokrazija u nżammet il-libertà tal-espressjoni.  Kienu mezz ewlieni biex fetħu l-imħuħ u xettlu l-intelliġenza.  Il-libreriji servew biex imlew l-ispirtu tal-qarrejja tagħhom u tejbulhom ħajjithom. Taw is-sehem dinjituż tagħhom fl-istorja tal-bniedem. Il-libreriji huma rqajja’ dinamiċi fejn il-protagonisti mhumiex l-ixkafef imma l-kotba.  Il-libreriji laqqgħu flimkien mijiet u eluf ta’ kotba li lkoll kemm huma twieldu frott l-intelliġenza u l-kreattività. 

Bejn kull qoxra ta’ ktieb hemm storja differenti.  Hemm storja ta’ kontinent. Hemm storja ta’ oċean.  Hemm storja ta’ nazzjon.  Hemm storja ta’ raħal.  Hemm storja ta’ poplu.  Hemm l-istorja ta’ kull wieħed u waħda minna.  Hemm aħna stess; forsi bla ma nafu.  Għax il-kotba jitkellmu dwar l-individwi. Dwar is-suċċessi u u l-mixjiet fil-ħajja individwali.  Dwar il-ferħ u n-niket.   

Minkejja ċ-ċokon u l-limiti tagħha Malta wkoll fehmet l-importanza tal-libreriji. Jekk immorru lura fis-snin, sa minn żmien il-Kavallieri xxettlet l-idea ta’ biblijoteka; illum ġawhra ewlenija fil-Belt tagħna. 

Fl-1839 meta f’Malta ddaħħlet il-libertà tal-istampa beda proċess bla heda ta’ pubblikazzjonijiet. Aħna xxurtjati li kważi fl-irħula kollha tagħna għandna librerija mgħammra bil-pubblikazzjonijiet Maltin u internazzjonali.  U din l-iskema tal-lum għandha l-għan li ssaħħaħ din il-ħidma tal-kunsilli lokali tagħna.   Qed nagħtu għajnuna finanzjarja lill-Kunsilli Lokali biex jixtru aktar kotba partikularment kotba pubblikati f’Malta.  Din is-sena 46 Kunsill Lokali qed igawdu minn din l-iskema.  B’sodisfazzjon ninnota li l-kunsilli, wara kollox, huma kburin bil-librerija tagħhom u dan nafuh għax bosta jieħdu d-deċiżjoni li jinvestu fil-libreriji tagħhom u jixtru l-pubblikazzjonijiet ġodda li fl-aħħar mill-aħħar huma l-pulmun ta’ kull librerija.  Dak hu l-kejl tas-suċċess ta’ kull librerija. Kemm librerija żżid u ġġedded il-kontenut tagħha u kemm kapaċi tiġbed aktar nies biex jisselfu l-kotba.

Il-Gvern minbarra li jgħin lill-Kunsilli Lokali biex jinvestu aktar fil-kotba, qed jinvesti hu wkoll fil-libreriji pubbliċi u l-vot ta’ €100,000 li allokajna kull sena f’dawn l-aħħar tliet budgets għax-xiri ta’ kotba ġodda hu sinjal ta’ dan.  Dan l-investiment f’kotba ġodda qed iwassal għal żieda ta’ nies li jisselfu l-kotba u għal żieda f’self ta’ kotba.    

Dan kollu jgħin biex inkomplu fil-ħidma tagħna biex indaħħlu l-kultura tal-qari sa minn meta t-tfal ikunu għadhom żgħar.  Waqt żjara li  kont għamilt fl-iskola Primarja ta’ B’Kara, segwejt sessjonijiet ta’ qari u logħob bil-kotba ma’ tfal ta’ erba’ snin.  Meta kont fl-Iskola Sekondarja l-ġdida tas-Subien tal-Mosta għaddejt ftit tal-ħin mat-tfal waqt diskussjoni li kellhom mal-awtur Charles Casha.  Fiċ-Ċentru tal-Kreattività fl-iskola Sekondarja tas-Subien fil-Ħandaq fil-librerija rajt bejta ta’ attività bl-istudenti jipparteċipaw b’entużjażmu.  Dawn huma biss tliet eżempji li esperjenzajt.  Bħalhom hemm ħafna oħrajn.

F’din il-leġislatura saret riforma wkoll fid-Dipartiment tal-Libreriji b’liġi ġdida u t-twaqqif tal-entità Malta Libraries. Komplejna ninkoraġġixxu l-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb li hu attiv ħafna u li fost l-oħrajn jorganizza l-Premju Nazzjonali tal-Ktieb u mal-Malta Libraries ssir il-Fiera tal-Ktieb.  F’dawn l-aħħar snin Malta qed terġa’ tipparteċipa f’diversi fieri tal-kotba barra minn Malta.  Żviluppajna korsijiet fil-qasam tax-xjenza tal-libreriji u l-arkivji fl-Università ta’ Malta biex ikollna iktar gradwati jaħdmu fil-qasam. 

Sinjuri,

Il-ktieb Malti għamel qabżiet kbar fil-kwalità.  Minbarra l-libreriji, il-Fiera tal-Ktieb li ssir kull sena, toffrilna opportunità li naraw il-bidliet għall-aħjar li saru.  

Is-sħubija tagħna fl-Unjoni Ewropea ġabet ukoll effetti pożittivi f’dan is-settur. L-ewwel nett inħolqot industrija ġdida tat-traduzzjoni li affettwat ukoll lill-awtur. Dan barra t-traduzzjoni ta’ testi legali.  B’hekk b’riżultat ta’ dan inħolqu impjiegi ġodda anki f’dan il-qasam. 

Is-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea tat ukoll iktar viżibilità lill-awtur Malti u llum diversi awturi qed imorru barra minn Malta jieħdu sehem f’diversi fora u seminars internazzjonali jippromwovu, il-kitbiet tagħhom.  Qed naraw iktar xogħol Malti tradott f’lingwi internazzjonali. 

Irrid fl-okkażjoni tal-lum inwassal l-apprezzament tal-gvern għall-enerġija kbira li hawn fil-kamp lokali tal-kitba. Dan meta tqis li l-awturi Maltin ma jaqgħalux l-għajxien tagħhom mill-kitba.  Dan flimkien mal-fatt li f’pajjiż żgħir bħal tagħna, għandna industrija tal-pubblikazzjoni li qed dejjem timmeraviljana bil-kotba li qed ikunu ppubblikati.  Industrija li tinvesti u tħaddem in-nies.  Tislima lill-awturi, artisti, illustraturi, pubblikaturi u lil min b’xi mod jew ieħor hu involut fit-tixrid tal-ktieb Malti fosthom lill-librara.

Il-Gvern jibqa’ determinat li jgħin biex is-settur tal-libreriji jissaħħaħ.  Dan qed nagħmluh biex in-nies tagħna jsaħħu u jiżviluppaw il-potenzjal intellettwali tagħhom li hu ċ-ċavetta għall-għajxien aħjar.  B’aktar qari, il-prospetti ta’ xogħol b’pagi tajbin jiżdiedu aktar.  L-investimenti tagħna huma dejjem fl-individwi li fuqhom jistrieħ il-futur ta’ pajjiżna.  Intom għandkom sehem importanti f’din il-mixja edukattiva u ta’ żvilupp li qed nagħmlu flimkien billi tipprovdu aktar kotba lir-residenti tagħkom.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI  Tittella’ konferenza nazzjonali li tqajjem aktar għarfien u azzjoni kontra l-vjolenza domestika

PR262018

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT U MILL-MINISTERU GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IL-BENESSERI U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI  Minn 90 għal kważi 900 żagħżugħ u żagħżugħa fi tliet snin fid-Duke of Edinburgh’s International Award

PR262017

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU G...

Aktar Stqarrijiet Right arrow