PROĠETT F’BIRKIRKARA KO-FINANZJAT MILL-UE MISTENNI JIĠĠENERA AKTAR XOGĦOL U ATTIVITÀ EKONOMIKA
Il-Kunsill Lokali ta’ Birkirkara qed jimplimenta proġett ko-finanzjat mill-Unjoni Ewropea (UE) li permezz tiegħu se jwettaq diversi xogħlijiet infrastrutturali bil-għan li jippreserva l-wirt kulturali tal-lokalità. Il-proġett ambizzjuż se jservi bħala vetrina għall-patrimonju kulturali tal-ikbar lokalità f’Malta. L-għan aħħari hu li l-wirt storiku Karkariż jattira aktar viżitaturi u turisti, u b’hekk jiġu ġġenerati aktar xogħol u attività ekonomika.
Il-proġett ingħata l-isem “Ir-Rotta tal-Patrimonju Karkariż: Niskopru l-Imgħoddi Tagħna Permezz tat-Teżori Storiċi”. Dan se jitwettaq b’nofs miljun ewro mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali akkwistati mill-Kunsill Lokali ta’ Birkirkara bl-għajnuna li toffri l-MEUSAC fit-tħejjija u sottomissjoni ta’ applikazzjonijiet għal proġetti b’fondi tal-UE.
Id-dettalji ngħataw waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Ministru tal-Ġustizzja, Konsultazzjoni Pubblika u l-Familja Chris Said, mill-Kap tal-MEUSAC Vanni Xuereb u mis-Sindku ta’ Birkirkara Michael Fenech Adami.
Il-proġett f’Birkirkara jinvolvi
l-iżvilupp ta’ rotta li twassal għal siti prominenti jew mhux daqstant magħrufa, tal-patrimonju Karkariż;
il-bini mill-ġdid ta’ żona li tagħti għall-Knisja l-Qadima;
ir-restawr tan-niċċa magħrufa bħala Tal-Erwieħ;
latrini pubbliċi aktar aċċessibbli fi Ġnien l-Istazzjon;
l-istallazzjoni ta’ dawl fotovoltajku għal enerġija iktar effiċjenti;
l-istallazzjoni ta’ strutturi b’tagħrif informattiv dwar ir-rotta tal-patrimonju;
u d-disinn u l-istampar ta’ mappa tar-rotta li se tkun ukoll tradotta f’5 lingwi differenti.
Il-Ministru Chris Said qal li l-Gvern Malti qed jutilizza bl-aħjar mod il-fondi tal-Unjoni Ewropea u permezz tagħhom qed ikompli joħloq ix-xogħol u jkattar l-investiment. Anki l-Kunsilli Lokali qed iwettqu ħafna xogħol għall-ġid tar-residenti bil-fondi Ewropej li akkwistaw. Hu qal li minbarra li se jkun qed jesponi l-imgħoddi ta’ Birkirkara, dan il-proġett se jkun qed iżid fl-attività ekonomika tal-lokalità. Hu faħħar ukoll ir-rwol u l-ħidma tal-MEUSAC li f’erba snin irnexxielu jgħin Kunsilli Lokali u NGOs jakkwistaw €18-il miljun biex iwettqu 127 proġetti jew inizjattivi differenti.
Il-Kap tal-MEUSAC Vanni Xuereb qal hu ta’ soddisfazzjoni kbir għal MEUSAC li bl-assistenza tat-tim tiegħu, kunsilli lokali u NGOs qed jibbenefikaw minn fondi tal-UE biex iwettqu proġetti ta’ benefiċċju għall-lokalitajiet tagħhom jew tal-membri tagħhom rispettivament.
Is-Sindku ta’ Birikirkara Michael Fenech Adami qal li permezz ta’ dan il-proġett, il-Kunsill Lokali se jkun qed iħares il-wirt kulturali ta’ Birkirkara. Fl-istess ħin dan il-proġett se jkun qed iżid fl-attività ekonomika tal-lokalità għaliex se jkun qed jattira aktar turisti lejn din il-lokalità.
Il-proġett tal-Kunsill Lokali Birkirkara hu wieħed minn erba’ li akkwistaw fondi mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali taħt is-sejħa Priority Axis 2. Flimkien ma’ Birikirkara, il-Kunsilli Lokali ta’ Ħal Balzan, Ħal Tarxien u Marsaskala, bejniethom akkwistaw total ta’ €1.65 miljun biex jinvestuhom fi proġetti li jtejbu l-prodott turistiku fil-lokalitajiet rispettivi tagħhom.
Other Press Releases:
PR262018
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...
PR262017