MEDJA TA’ 700 APPRENTIST FIS-SENA JAGĦMLU ESPERJENZA FI 30 SENGĦA DIFFERENTI
70% jsibu mpjieg ma’ min iħarriġhom
Il-Ministru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol Dolores Cristina żaret l-istabbiliment ta’ Mizzi Motors fil-Gżira u ltaqgħet ma’ numru ta’ żgħażagħ li qed jagħmlu l-apprendistat tagħhom ma’ din il-kumpanija u ħeġġet biex aktar employers jidħlu fl-iskema tal-apprentistat għax dan hu investiment għalihom.
L-iskema tal-apprentistat hi waħda mill-iskemi ewlenin li tamministra l-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ b`kollaborazzjoni maż-żewġ istituzzjonijiet vokazzjonali ewlenin f`pajjiżna: l-MCAST u l-ITS.
Matul l-apprentistat persuna għandha l-opportunità li titħarreġ kemm mil-lat teoretiku f’waħda minn dawn l-istituzzjonijiet kif ukoll mil-lat prattiku f’post tax-xogħol. Iż-żwieġ bejn it-teorija u l-prattika hu l-aħjar formula biex wieħed jakkwista l-ħiliet meħtieġa bi preparazzjoni għad-dinja tax-xogħol. Il-fatt li l-apprentisti jiġu esposti għal taħriġ prattiku fuq il-postijiet tax-xogħol, ma jwassalx biss għal kisba ta’ esperjenza fil-vokazzjoni tagħhom, iżda wkoll itejjeb il-prospetti ta` mpjieg għal wara l-apprentistat. Hu fatt li l-apprentistat jiffaċilita t-transizzjoni mill-bank tal-iskola għall-post tax-xogħol.
L-apprentistat hu popolari ma‘ bosta employers tant li madwar 300 employer jipparteċipaw f’ din l- iskema. Dan għaliex jagħti l-opportunità lill-employers li jħarrġu żgħażagħ skont is-sistemi, standards u kulturi tal-post tax-xogħol tagħhom u li wara li jintemm l-apprentistat ikunu jistgħu jimpjegawhom fuq bażi full-time.
Il-Ministru Cristina nnutat b`sodisfazzjon li 75 fil-mija ta` dawk li jtemmu l-apprentistat jkunu qed jipparteċipaw b`mod sħiħ u attiv fid-dinja tax-xogħol u li 70 fil-mija minnhom jibqgħu jaħdmu mal-employers li jkunu ħarrġuhom matul l-apprentistat filwaqt li madwar 12 fil-mija tal-apprentisti jkomplu javvanzaw fit-taħriġ wara l-apprentistat.
Mizzi Motors kienet timpjega l-apprentisti mill-bidu nett li l-ETC bdiet tmexxi l-iskemi tal-apprentistat. Sal-lum Mizzi Motors tat opportunità lil aktar minn 40 apprentist li wara l-apprentistat dawn kollha sabu mpjieg. 65 fil-mija minnhom baqghu jaħdmu ma` Mizzi Motors wara l-apprentistat. Fil-preżent din il-kumpanija qed tħarreġ 10 apprentisti ġodda. Il-parti l-kbira tal-apprentisti li Mizzi Motors timpjega jkunu qed isegwu l-linja ta` Motor Vehicle Technicians, Mechanic, Panel Beaters u Spray Painters. Kien hemm okkazjonijiet fejn Mizzi Motors impjegat apprentisti fil-qasam tal-elettriku u elettronika. Dan juri biċ-ċar kemm Mizzi Motors temmen f`dawn l-iskemi ta` apprentistat u jien infurmata li l-istess kumpannija qed tikkunsidra timpjega iżjed apprentisti.
Min iħaddem għandu sehem importanti fl-apprentistat. Il-Korporazzjoni tant tagħraf l-importanza tal-employers li żżomm kuntatt regolari magħhom biex flimkien jiddiskutu opportunitajiet ta’ taħriġ li jistghu jiġu offruti taħt l-iskema tal-apprentistat jew inkella biex jittejbu l-oqsma eżistenti. Din il-kollaborazzjoni ssir biex tassigura li l-iskemi tal-ETC qed jolqtu l-ħtiġijiet u l-bżonnijiet tal-industrija.
Għaldaqstant irridu nkomplu ninvolvu lil min iħaddem fid-diskussjonijiet. Huwa mportanti li dawn jingħataw iċ-ċans jesprimu x`ħiliet u bżonnijiet tinħtieġ l-industrija biex din ikollha nies kompetenti u professjonali.
Biex is-sistema edukattiva tkun qed tipprovdi għall-istudenti kollha, anke għal dawk li ma jridux jagħmlu karriera akkademika, sa mil-livell sekondarja qed jiddaħħlu l-istudji vokazzjonali. Dan barra li min din is-sena, fl-iskola sekondarja tal-bniet li qed tinbena f’Tal-Ħandaq se jkun hemm numru ta’ workshops għal dawk l-istudenti li juru li jkunu jixtiequ jitgħallmu xi sengħa.
Il-Ministru Cristina qalet li l-iskema tal-apprentistat hi mifruxa fuq diversi oqsma. Fil-preżent ‘il fuq minn 30 sengħa huma offruti fuq skemi ta` apprentistat. Dawn ivarjaw minn taħriġ fix-xjenza u xogħol f`laboratorju, manutenzjoni ta` karrozzi, manutenzjoni ta’ ajruplani, xogħol fl-elettriku, inġinerija mekkanika, xogħol fl-injam, welding, IT, fil-qasam tal-kostruzzjoni u diversi oqsma oħra. F`dawn l-aħħar 4 snin, kull sena kien hemm medja ta` 700 apprentist attiv f’ din l-iskema.
Fl-aħħar tal-apprentistat il-parteċipant hu eliġibbli li jakkwista żewġ ċertifikati; dak maħruġ mill-istituzzzjoni edukattiva vokazzjonali kif ukoll il-Journeyman’s Certificate. Dan tal-aħħar għandu valur kbir għax hu Ċertifikat Nazzjonali li jirrikonoxxi l-kompetenza f`qasam partikolari. Il-Journeyman’s Certificate huwa xhieda li persuna hija mgħallma sew kemm mill-aspett teoretiku kif ukoll mill-aspett prattiku; żewġ fatturi tant imfittxija minn min jimpjega.
Il-Ministru sostniet li dan is-sentiment jikkonfermawh diversi employers li jtennu li l-Journeyman’s Certificate jagħtuh ħafna importanza meta jkunu qed ifittxu ħaddiema ġodda għax-xogħol. Dan għaliex Min Iħaddem jagħraf li persuna li għandha l-Journeyman’s Certificate ifisser li tkun ipparteċipat f`apprentistat u għaldaqstant hi persuna mħarrġa tajjeb u bil-ħiliet meħtieġa. Min Iħaddem jagħti valur lill- Journeyman’s Certificate għax jaf li persuna b`dan iċ-Ċertifikat tkun ġiet esposta f`ambjent reali ta` xogħol u li flimkien mat-taħriġ fit-teorija, il-persuna tkun ġiet preparata tajjeb għad-dinja tax-xogħol.
Hi irringrazzjat lil Mizzi Motors li joffru tant opportunitajiet liż-żgħażagħ u ħeġġet aktar imprendituri biex jappoġġjaw l-iskema tal-apprentistat.
Other Press Releases:
PR262018
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...
PR262017