JITNIEDA L-ABBOZZ TA’ STRATEĠIJA GĦALL-EKONOMIJA TAL-KREATTIVITÀ: NINĊENTIVAW IL-KAPAĊITAJIET U T-TALENTI TAL-POPLU MALTI LI JOFFRU OPPORTUNITAJIET EKONOMIĊI U POSTIJIET TAX-XOGĦOL
Bil-għan li pajjiżna jagħmel l-aqwa użu mit-talenti tal-Maltin u l-Għawdxin, b’mod li nibbenfikaw mill-opportunitajiet ta’ negozju u ta’ postijiet tax-xogħol li dawn jistgħu joħolqu, il-Gvern illum nieda Abbozz ta’ Strateġija tal-Ekonomija Kreattiva. Dan sar waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret fil-Kavallier ta’ San Ġakbu mill-Ministru tal-Finanzi, Ekonomija u Investiment, Tonio Fenech u l-Ministru għat-Turiżmu, il-Kultura u l-Ambjent, Mario de Marco.
Il-Ministru Tonio Fenech qal li pajjiżna huwa wieħed mogħni b’talenti kbar u semma bħala xhieda ta’ dan setturi totalment differenti u distinti minn xulxin – mir-reklamar, sal-arkitettura, mill-artiġjanat sal-moda, mid-digital gaming sal-produzzjoni u żvilupp ta’ films. “Il-ħaddiema kreattivi huma fil-qalba ta’ industrija kreattiva li qed tikber f’pajjiżna, li iżda teħtieġ l-ambjent ekonomiku, soċjali u kulturali biex tiżviluppa aktar u tkun kontributur aktar importanti tal-istrateġija għal tkabbir ekonomiku u ħolqien ta’ impjiegi f’pajjiżna.”
“Qabel kollox, il-kreattività hija esperjenza li tiċċelebra l-identità tagħna bħala Maltin – iżda għandha wkoll valur ekonomiku li proprju bl-istrateġija li l-abbozz tagħha qed jitnieda llum għandna l-għan li nilħqu. Dan irridu nagħmluh billi qed nidentifikaw kif nistgħu u ninċentivaw lill-kapaċitajiet u talenti li għandhom potenzjal ta’ ħolqien ta’ xogħol u ġid.”
Il-Ministru għat-Turiżmu, l-Kultura u l-Ambjent, Mario de Marco qal li l-abbozz tal-Istrateġija għall-Ekonomija tal-Kreattività għandu l-għan li jagħti direzzjoni lis-settur kulturali u kreattiv li fl-aħħar snin kiber b’rata iktar mgħaġġla minn settur oħra u li bħalissa jimpjega madwar 8000 persuna f’3600 intrapriża. Mario de Marco qal li l-investiment f’dan is-settur ifisser investiment fit-talent lokali, fil-ħiliet tal-poplu Malti, fil-kompettività u fit-tisħiħ tal-ekonomija ta’ pajjiżna.
Mario de Marco qal li l-Gvern qed jgħaraf il-benefiċċju ta’ dan is-settur u fl-aħħar snin ħa diversi inizjattivi biex isaħħaħ il-kultura u l-kreattività. Is-sena li għaddiet il-Gvern nieda il-Politika Kulturali Nazzjonali li tgħaraf li Malta kapaċi trawwem ambjent kreattiv li jġib tkabbir intellettwali, artistiku u ekonomiku. Fl-aħħar snin il-Gvern investa wkoll f’diversi inizjattivi fosthom il-Malta Arts Fund, il-Culture Card u l-programm KREATTIV, il-Malta Film Fund, il-Fond Kulturali tal-President u l-INVEX, Dawn huma xi whud mill-investimenti li nholqu minn din l-Istrategija, u li diga’ qed jitwettqu.
L-Istrateġija tal-Kreattività hija bbażata fuq erba’ punti fundamentali:
a) Li tissaħħaħ l-għajnuna tal-Gvern lill-individwi u intrapriżi biex jaċċessaw is-suq permezz ta’ programmi ta’ investiment, inizjattivi fiskali, tnaqqis ulterjuri tal-burokazija kif ukoll l-iffaċilitar tal-ħolqien ta’ clusters f’dawn s-setturi;
b) Li tissaħħaħ il-pożizzjoni ta’ Malta bħala ċentru (hub) kreattiv attraenti fil-Mediterran, b’aċċess tajjeb u konvenjenti għas-swieq internazzjonali
c) Li jissaħħu u jiġu konsolidati r-rwoli ta’ entitajiet bħall-Kunsill Malti għall-Kultura u l-Arti, il-Malta Film Commission, il-Kunsill Malti għall-Artiġjanat u l-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb biex ikunu f’pożizzjoni li jwieġbu aħjar għall-bżonnijiet tal-industrija u jikkapitalizzaw fuq l-iżviluppi li qed iseħħu fuq l-ekonomija kreattiva
d) Konsolidazzjoni tal-qafas edukattiv u investiment fl-istituzzjonijiet edukattivi u f’inizjattivi marbuta mal-kreattività biex b’hekk nsaħħu l-livell tal-ħiliet tal-edukaturi u l-istudenti li jitħarrġu f’dawn l-oqsma filwaqt li nassiguraw qafas għal rikonoxximent u akkreditazzjoni professjonali f’dan is-settur.
L-abbozz iressaq diversi proposti dwar kif tista’ tissaħħaħ din l-industrija:
• B’ristrutturar tal-qafas governattiv biex niżguraw responsabbiltà ċentralizzata għal dan is-settur li s’issa għandu responsabbiltà mifruxa bejn dipartimenti u ministeri differenti;
• investiment immirat lejn il-qasam edukattiv, billi nsaħħu l-kreattività fl-edukazzjoni fl-ewwel snin u noħolqu aktar opportunitajiet ta’ speċjalizzazzjoni fil-livelli sekondarji u terzjarji;
• Għajnuna għall-aċċess għall-finanzi, bħal per eżempju inċentivi fiskali għal donazzjonijiet privati u skemi ta’ investiment;
• Għajnuna biex il-produzzjonijiet Maltin jiġu esportati barra minn xtutna, u inċentivi biex nattiraw talent internazzjonali lejn pajjiżna – dan kollu jgħin biex inkabbru cluster madwar dan is-settur kulturali u kreattiv.
• ħolqien ta’ skemi ta’ apprendistat għal taħriġ u xogħol fl-industrija, kemm mas-settur pubbliku kif ukoll mal-privat
Numru ta’ inizjattivi diġà qed jiġu implimentati:
• Il-budget nazzjonali ddedikat għal qasam kulturali u kreattiv– eskluż fondi Ewropej għal din is-sena huwa ta’ 26.7 miljun Ewro, minn madwar 13-il miljun Ewro sentejn ilu. L-akbar żieda kienet fi programmi ta’ finanzjament u inizjattivi, għajnuna akbar għall-NGOs u intrapriżia bħala kontributuri ewlenin tal-iżvilupp tal-kreattività.
• Fil-budget għal din is-sena sar investiment f’numru ta’ festivals, fosthom ZiguZajg (il-festival tat-tfal) u festival tal-Mużika Barokka;
• It-twaqqif fil-gimghat li gejjin ta’ Fond għad-Digital Gaming b’investiment ta’ 150,000 Ewro;
• Investiment akbar fl-industrija tal-films, bl-inċentivi biex nattiraw produzzjonijiet internazzjonali, iżda wkoll għajnuna għal producers lokali, kif ukoll programmi ta’ taħriġ. Dan barra l-organizzazzjoni tal-European Film Awards f’Malta aktar tard din is-sena.
• Wara li tħabbret inizjattiva għal royalties fuq il-patents, din ġiet estiża din is-sena biex tkopri xogħol protett fuq kotba, scripts ta’ films, kant u arti.
• Ġiet estiża l-iskema CREATE għall-Belt kollu (skema ta’ tax credit li tkopri sa 60% ta’ investiment marbut mas-settur kreattiv)
• Inċentiv favur l-edukazzjoni kulturali billi ġiet estiża t-tnaqqis ta’ income tax għal ġenituri li jibagħtu ’l uliedhom f’attivitajiet kulturali; (+ Culture Card għall-istudenti)
• Eżenzjoni il-ħlas ta’ reġistrazzjoni ta’ kumpaniji ġodda mal-MFSA għal tliet snin;
• Ħolqien ta’ fond għall-public lending rights (self ta’ kotba mil-libreriji).
Wieħed jista’ jikseb aktar informazzjoni, u jissottometti l-kummenti tiegħu waqt il-perjodu ta’ konsultazzjoni, li jagħlaq fl-14 ta’ Settembru 2012 fuq http://www.creativemalta.gov.mt/
Other Press Releases:
PR262018
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...
PR262017