DIN IS-SENA NGĦATAW AKTAR MINN 687,000 SERVIZZ TA’ KURA PRIMARJA MILL-BEREĠ U ĊENTRI TAS-SAĦĦA
L-ewwel punt ta’ referenza għandu jkun it-tabib tal-familja
Bejn Jannar u Lulju ta’ din is-sena ngħataw 678,682 servizz ta’ Kura Primarja mill-Bereġ u ċ-Ċentri tas-Saħħa. Dan qalu l-Ministru għas-Saħħa, l-Anzjani u Kura Fil-Komunità Dr Joe Cassar waqt konferenza tal-aħbarijiet fiċ-Ċentru tas-Saħħa ta Raħal Ġdid. Il-Kura Primarja għandha rwol ċentrali fis-servizzi tas-saħħa, qal il-Ministru, filwaqt li sostna li l-ewwel punt ta’ referenza għal pazjent ma għandux ikun speċjalista iżda it-tabib tal-familja (bereġ / Ċentri tas-Saħħa).
Il-Ministru Cassar qal li llum it-tabib tal-familja huwa speċjalista wkoll u jkun ħa taħriġ professjonali apposta biex ikun jista jagħti l-aqwa parir fuq livell ta’ mediċina ġenerali. Il-Gvern joffri diversi servizzi tas-saħħa fil-livell ta’ Kura Primarja permezz ta’ 8 ċentri tas-saħħa u 42 berġa. Dr Cassar qal li minkejja li hawn il-perċezzjoni li ftit nies jużaw is-servizzi tal-kura primarja, il-fatti juru mod ieħor, bħal ma hu indikat fit-tabelli hawn taħt.
January - July 2012
Number of clients examined in all Health Centres by General Practitioners | 243,493 |
Number of clients examined in ‘Bereg’(Peripheral Clinics) | 61,974 |
Number of Home Visits done | 9,816 |
Number of clients examined in all Health Centres by General Practitioners | 243,493 |
Number of clients examined in ‘Bereg’(Peripheral Clinics) | 61,974 |
Number of Home Visits done | 9,816 |
Servizzi tal-Kura Primarja, Jannar – Lulju 2012
Il-Ministru Cassar qal li r-riforma fil-Kura Primarja għadejja kontinwament f’dak li huwa tibdil ta proċessi u sistemi kif ukoll tisħiħ strutturali. Filwaqt li bħalissa qed isir investiment ta’ miljun Ewro fiċ-ċentri tas-saħħa tar-Rabat u l-Mosta, il-pjanijiet jinkludu wkoll l-introduzzjoni ta’ sala għall-operazzjonijiet minuri fiċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Mosta.
Dr Natasha Azzopardi Muscat, Chief Medical Officer, qalet li tajjeb li napprezzaw il-bidla li seħħet fil-qasam tas-saħħa matul is-snin, partikolarment fejn jidħol taħriġ professjonali. Il-fatt li llum it-tobba tal-familja huma speċjalizzati fil-qasam jgħin biex persuna tingħata l-kura meħtieġa malajr u f’waqtha. Dr Muscat qalet ukoll li nbeda eżerċizzju bejn il-Kapijiet Eżekuttivi tal-Isptar Mater Dei u tal-Kura Primarja bl-iskop li s-sistema tas-saħħa tkompli tissaħħaħ għall-ġid tal-pazjent. Hi ħabbret li, f’numru ta’ kliniki fid-Dipartiment tal-Outpatients tal-Isptar Mater Dei nbdiet proċedura fejn madwar ġimgħa qabel ma pazjent ikollu appuntament dan jiġi mfakkar u l-appuntament jiġi konfermat. Dan minħabba l-fatt li qed ikun hemm ħafna appuntamenti li mhux qed jinżammu, b’detriment għall-pazjenti stess.
Is-Sur Edward Borg, Kap Eżekuttiv tal-Kura Primarja appella biex il-pazjent iżomm l-appuntament li jkollu u qal li huwa importanti li kull min imur f’Berġa jew Ċentru tas-Saħħa, jieħu l-karta tal-identità. Hu qal li jekk min ma jkunx ġej għal xi appuntament jinforma liċ-ċentru rispettiv, aktar pazjenti ikunu jistgħu jinqdew f’ħin iqsar.
Il-Ministru Cassar irringrazzja lill-professjonisti u l-ħaddiema kollha fil-qasam tal-kura primarja tax-xogħol u l-impenn tagħhom fil-konfront tal-pazjent.
Stqarrijiet Oħra:
PR262018
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...
PR262017