STQARRIJA TAL-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU, L-KULTURA U L-AMBJENT
Riformi ambjentali li qed iħallu ir-riżultati
Il-Ministeru għat-Turiżmu, l-Kultura u l-Ambjent jirreferi għall-istqarrija maħruġa mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni Leo Brincat li fiha talab lill-Ministru jġorr ir-responsabilita’ politika għal dak li hu sejjaħ bħala ħniżrijiet ambjentali tal-MEPA.
Il-Ministeru jaċċetta ir-responsabbilita’ politika għar-riformi li qed jitwettqu fil-MEPA u għal inizjativi li ttieħdu fil-MEPA li qed iwasslu għal titjieb fl-operat tagħha. Dan it-titjieb irrikonnoxxih l-istess Awditur tal-MEPA, il-Perit Joe Falzon, f’intervista ppubblikata f’ġurnal lokali il-Ħadd li għadda, meta stqarr li kien hemm titjieb sostanzjali fl-operat tal-MEPA b’riżultat ta’ numru ta’ tibdiliet li saru bħala parti mill-proċess tar-riforma. Skont l-istess Awditur dan it-titjieb li ġie deskritt fl-intervista bħala “sostanzjali” wassal biex in-numru ta’ ilmenti kontra deċiżjonijiet meħuda mill-MEPA naqas skont l-istess Awditur “b’mod drastiku”. L-istess opinjoni, l-Awditur tal-MEPA jagħmilha fir-rapport annwali tiegħu li għadda lill-MEPA għas-sena 2011 u għas-sena 2010.
Fl-istqarrija maħruġa mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ambjent ingħad li l-Awditur qal li fil-każ tal-Mercaptan il-MEPA kienet “kompliċi” mal-Enemalta. Imkien fir-rapport tiegħu, pero’, l-Awditur ma jgħid dan. Bħas-soltu l-Oppożizzjoni Laburista qed tasal għall-konklużjonijiet li ma jirriflettux dak li jkun verament qalet persuna. Ir-rapport tal-Awditur jgħid li l-iżball li għamlet il-MEPA, żball li l-istess rapport tal-Awditur jgħid li jista’ jiġi parzjalment skużat, hu li assumiet li l-Enemalta, li kellha l-esperjenza u l-għarfien ta’ kif timmaniġġja skart perikoluż, kienet ser titratta’ il-Mercaptan skont il-proċeduri stabbiliti. Ir-rapport ikompli jgħid li l-MEPA għamlet din l-assuzzjuni ibbażata fuq il-fatt kif l-Enemalta mxiet f’każijiet simili. Għalhekk m’hemm xejn fir-rapport tal-Awditur jew fatti li juru li kien hemm xi “kompliċita” bejn l-Enemalta u l-MEPA fuq dan il-każ. Din il-“kompliċita” teżisti biss f’moħħ il-Kelliem tal-Oppożizzjoni.
M’hemm xejn lanqas fir-rapport tal-Awditur li jgħid li l-MEPA qegħda ferm il-bogħod milli taddotta policy ta’ zero tolerance fejn tidħol ħsara ambjentali jew li l-MEPA qegħda turi nuqqas ta’ snien ma’ dipartimenti governattivi. L-Awditur għamel kummenti “ġenerali” li l-MEPA għandha tadotta zero tolerance policy liema kummenti għandhom l-appoġġ sħiħ tal-Gvern. Tant hu hekk li l-MEPA ħadet azzjoni kontra entitajiet governativi f’numru ta’ każijiet. Ta’ min isemmi li l-MEPA riċentatment immultat l-Enemalta fuq il-power station tal-Marsa. Il-MEPA ħadet azzjoni ukoll kontra l-Malta Oil Bunkering Co. Ltd (MOBC) li hija sussidjarja tal-istess Enemalta meta l-MEPA ħarġet u esegwiet avviż ta’ twaqqif fil-konfront tal-attivitajiet tagħha fil-Marsa.
Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għoġbu jerġa jsemmi l-allegazzjonijiet tiegħu li fl-inċineratur tal-Marsa inħarqu karkassi ta’ annimali “importati” mill-Libja, meta l-fatti s’issa juru li l-ebda karkassi ta’ annimali ma ġew importati f’Malta minn xi pajjiż tan-Nord Afrika sabiex jinħarqu f’Malta. Fi kwalukwe każ, il-Ministru responsabbli mill-Ambjent appunta wkoll Investigazzjoni Independenti fuq dan il-każ u qiegħed issa jistenna ir-rapport ta’ din l-investigazzjoni. Minkejja li jaf dan kollu, l-Onor Brincat qiegħed ikompli jirrepeti l-allegazzjoni tiegħu.
Il-fatt li pajjiżna qiegħed jipproteġġi aktar l-ambjent joħroġ anke minn intervista li ta l-Kap tal-Oppożizzjoni lill-ġurnal lokali u li dehret fis-17 ta Gunju 2012. F’din l-intervista Dott Muscat, meta mistoqsi x’ser jagħmel sabiex jassigura li ma jsirux “żbalji” fl-ambjent kif allegatment seħħew fil-passat, stqarr li pajjiżna issa mar fl-estrem l-ieħor fejn qegħda tingħata wisq importanza lill-ambjent. Fl-istess intervista hu qal li l-ambjent mhux ser ikun il-kunsiderazzjoni l-aktar importanti tiegħu. L-istess Kap tal-Oppożizzjoni qal li ma jimpurtaħx jekk il-MEPA għandha rapporti tekniċi li juru li reklamazzjoni tal-baħar fil-każ ta’ Malta jagħmlu aktar ħsara milli ġid. L-istess Kap tal-Oppożizzjoni qal li jrid li issir kostruzzjoni fl-għelieqi bi skuża ta’ żvilupp agro turistiku. Qal li ma jimpurtaħx li l-għaqdiet ambjentali tkażaw b’dawn il-pożizzjonijiet tal-Partit Laburista. X’inhi il-pożizzjoni tal-Onor. Leo Brincat dwar dan? Hu jaqbel li għandhom isiru proġetti ta’ reklamazzjoni tal-baħar minkejja pariri tekniċi li huma kontra? Jaqbel li ir-raba f’pajjiżna għandha tingħata għall-bini bl-iskuża tal-agro turiżmu?
L-Onor Brincat jaf li qatt daqs dan iż-żmien ma ngħata daqstant prijorita’ lill-ambjent. Qatt ma sar daqstant investiment sabiex il-kwalita’ tal-arja li nieħdu, il-kwalita’ tal-baħar li ngħumu fih u il-kwalita ta’ ilma li nixorbu, jitjiebu. L-Onor Brincat jaf li r-riforma tal-MEPA qegħda tħalli l-frott mixtieq mhux biss billi żdiedet l-effiċjenza fl-ipproċessar tal-applikazzjonijiet imma billi tjiebu sew il-livell ta’ deċizjonijiet li qegħdin joħorġu mill-MEPA. Dan hu li wassal għan-nuqqas ta’ ilmenti kontra il-MEPA, fatt li donnu jafu kulħadd ħlief l-Onor. Leo Brincat.
Other Press Releases:
PR262018
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...
PR262017