Left arrow Mur Lura

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU, L-AMBJENT U L-KULTURA

pr1739
Date Icon 04/08/2012

Il-Gvern determinat li jkompli jsaħħaħ il-liberta` tal-espressjoni fl-arti

L-Oppożizzjoni għandha tingħaqad mal-Gvern u l-artisti Maltin biex flimkien inkomplu nsaħħu l-espressjoni artistika f’pajjiżna, u mhux tinfexx f’attakki partiġġjani.

Ħasra li fi proċess ta’ konsultazzjoni li għandu jwassal għal aktar tisħiħ tal-liberta` tal-espressjoni fl-arti, l-Oppożizzjoni, minflok tressaq suġġerimenti validi u tieħu sehem fil-proċess ta’ konsultazzjoni li għaddej bħalissa u li hu miftuħ biex kull min għandu proposti validi xi jressaq jagħmel dan, tinfexx f’attakki partiġġjani.

Dan hu qasam li għandu jinżamm ‘l fuq mill-politika partiġġjana u l-isforz għandu jkun li jinstab bilanċ ġust bejn il-liberta` tal-espressjoni fl-arti u r-rispett sħiħ lejn is-soċjeta` u l-kultura Maltija.

Il-Gvern, permezz tal-Ministeru għall-Kultura waqqaf grupp ta’ ħidma li qed iressaq numru ta’ proposti bl-iskop li jiskoraġġixxu l-awto ċensura filwaqt li jinkoraġġixxu l-kreattivita` fost l-artisti Maltin.

Iċ-ċensura li għandha x’taqsam ma’ xogħlijiet teatrali hi materja għal kollox differenti u titlob bidla f’dawk li huma liġijiet, filwaqt li dwar liberta` tal-espressjoni fl-arti, kif qal waqt diskussjoni li saret fuq dan is-suġġett din il-ġimgħa, il-Ministru Mario de Marco, ħafna drabi d-diffikultajiet jinqalgħu aktar minħabba l-mod kif il-liġijiet jiġu applikati jew interpretati aktar milli x’jistipulaw il-liġijiet infushom.

Il-Gvern jemmen li dawn huma bidliet importanti li minflok isiru bl-għaġġla, kif tixtieq l-Oppożizzjoni, jsiru b’għaqal u bi proċess ta’ konsultazzjoni u diskussjoni serja kemm fil-Parlament kif ukoll barra minnu. L-Oppożizzjoni taf li bidliet bħal dawn iridu jsiru b’għaqal biex filwaqt li tkun imsaħħa l-liberta` tal-espressjoni artistika u kreattiva jintlaħaq bilanċ ġust mas-soċjeta` u l-kultura tagħha. Għaġġla żejda twassal biex dan il-bilanċ ma jintlaħaqx u jbatu l-artisti u tbati s-socjeta`. Iżda, fl-istess waqt, l-Oppożizzjoni minflok toqgħod tilgħab logħob partiġġjan fil-Parlament biex ixxekkel il-ħidma tal-Gvern, għandha tpoġġi l-interessi partiġġjani tagħha mal-ġenb u tibda timxi b’serjeta` u b’rispett mhux l-inqas lejn l-artisti Maltin li l-interess partiġġjan tal-Oppożizzjoni mhux il-prijorita` tagħhom.

Il-Gvern se jkun qiegħed jagħmel kampanja edukattiva pubblika biex il-poplu jagħraf aħjar x’inhuma d-drittijiet u l-obbligazzjonijiet tiegħu u dan anke skont dak deċiż f’każistika Ewropea dwar id-dritt tal-espressjoni.

Il-Gvern jappella lill-Oppożizzjoni biex minflok tinħela f’attakki partiġġjani li jagħmlu ħsara lis-settur tal-arti f’pajjiżna, turi rieda tajba u tingħaqad mal-Gvern u l-artisti Maltin biex flimkien inkomplu nsaħħu l-espressjoni artistika f’pajjiżna.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI  Tittella’ konferenza nazzjonali li tqajjem aktar għarfien u azzjoni kontra l-vjolenza domestika

PR262018

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT U MILL-MINISTERU GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IL-BENESSERI U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI  Minn 90 għal kważi 900 żagħżugħ u żagħżugħa fi tliet snin fid-Duke of Edinburgh’s International Award

PR262017

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU G...

Aktar Stqarrijiet Right arrow