Left arrow Go Back

AKTAR BINI U RESTAWR TA’ ĦITAN TAS-SEJJIEĦ FIŻ-ŻEBBUĠ GĦAWDEX

pr1733
Date Icon 03/08/2012

Il-proġett tal-bini ta’ ħitan tas-sejjieħ fiż-Żebbuġ Għawdex jinsab fil-fażi finali tiegħu, fejn b’kollox ser ikunu nbnew 1,400 metru kubu ta’ ħitan tas-sejjieħ fi Triq iż-Żebbuġ u fi Triq ir-Rabat. Dan il-proġett qed jiġi ffinanzjat mill-Ministeru għal Għawdex permezz tat-tieni skema ta’ Eko Għawdex għall-Kunsilli Lokali, fejn il-Kunsill Lokali taż-Żebbuġ ser ikun qed jibbenefika minn €70,000, il-massimu possibbli.

Il-Ministru għal Għawdex, l-Onor. Giovanna Debono dalgħodu żaret is-sit fejn jinsabu għaddejjin l-aħħar xogħlijiet. Hija rringrazzjat lill-Kunsill Lokali taż-Żebbuġ għall-parteċipazzjoni tiegħu f’din l-iskema u spjegat li dawn il-ħitan tas-sejjieħ f’din il-lokalità qed isebbħu u jgħinu biex jinżamm l-ambjent rurali madwar Għawdex, filwaqt li jgħinu biex tiġi kkonservata l-ħamrija. 

Il-Ministru Debono qalet li permezz tal-iskemi ta’ Eko Għawdex għall-Kunsilli Lokali, Kumitati Amministrattivi u Organizzazzjonijiet Mhux Governattivi Għawdxin twettqu u qed isiru proġetti li huma konformi mal-Pjan ta’ Azzjoni Eko Għawdex 2010 – 2012. “Dan il-proġett flimkien ma’ proġetti oħra simili f’lokalitajiet oħra madwar Għawdex, ser ikun qed itejjeb il-mixjiet fil-kampanja fil-gżira Għawdxija”, qalet il-Ministru Giovanna Debono.

Proġett ieħor simili li sar fl-istess akwati fix-xhur li għaddew, huwa dak ta’ bini ta’ ħitan tas-sejjieħ f’Marsalforn, fil-limiti tal-Qbajjar, li sar bil-kollaborazzjoni tal-Kumitat Amministrattiv ta’ Marsalforn. F’din il-lokalità tant popolari speċjalment fix-xhur tas-sajf, inbnew madwar 1,350 metru kubu ta’ ħitan tas-sejjieħ fi Triq il-Qbajjar u f’Wied l-Infern.

Il-Ministru għal Għawdex qalet ukoll li permezz ta’ dawn l-iskemi, din il-lokalità ser tkun qed tibbenefika wkoll minn proġetti oħra mwettqa mis-Soċjetà Filarmonika Santa Marija, li jinkludu l-bini ta’ ġibjun tal-ilma, installazzjoni ta’ dwal li jaħlu inqas enerġija u installazzjoni ta’ lift.

Permezz tal-iskemi għall-Kunsilli Lokali u Organizzazzjonijiet mhux governattivi Għawdxin, f’Għawdex ser ikunu saru madwar sittin proġett b’investiment ta’ madwar €2.5 miljun.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI  Tittella’ konferenza nazzjonali li tqajjem aktar għarfien u azzjoni kontra l-vjolenza domestika

PR262018

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT U MILL-MINISTERU GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IL-BENESSERI U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI  Minn 90 għal kważi 900 żagħżugħ u żagħżugħa fi tliet snin fid-Duke of Edinburgh’s International Award

PR262017

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU G...

More Press Releases Right arrow