AKTAR OPPORTUNITAJIET TA’ XOGĦOL GĦALL-PERSUNI B’DIŻABILITÀ
Madwar 80 persuna li għandhom xi forma ta’ diżabilità u li qegħdin jirreġistraw għax-xogħol se jkollhom l-opportunità li jkunu impjegati mal-Kunsilli Lokali.
Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet li fiha l-Ministru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol Dolores Cristina u l-Ministru tal-Ġustizzja, Konsultazzjoni Pubblika u l-Familja Chris Said, taw dettalji ta’ din l-iskema li se titħaddem mill-Korporazzjoni għax-Xogħol u t-Taħriġ b’kollaborazzjoni mal-Kunsilli Lokali.
Permezz ta’ din l-iskema se noffru possibbiltà ta’ impjieg lil numru ta’ persuni b’diżabilità li se jaħdmu mal-Kunsilli Lokali f’Malta u Għawdex. L-impjieg ikun għal tliet snin.
Dawk li jidħlu għal dan ix-xogħol mhux se jitilfu xejn mill-pensjoni ta’ diżabilità. Il-ħlas ikun skont is-siegħat li wieħed jaħdem bażat il-paga minima nazzjonali. Min qed jieħu l-benefiċċju tal-qgħad tiżdiedlu d-differenza bejn il-benefiċċju u l-paga minima.
Għaliex il-Gvern jagħraf li persuni b’diżabilità jista’ jkollhom ħtiġijiet partikolari, l-iskema se tipprovdi li l-impjieg ikun fuq bażi full time jew b’siegħat imnaqqsa, part time jew bit-telework. Dan ifisser li persuna tista’ tkun impjegata biex taħdem 40, 30 jew 20 siegħa fil-ġimgħa, skont il-kundizzjonijiet tagħha jew tiegħu.
Din l-iskema hi prova oħra ta’ kemm il-Gvern jemmen fil-potenzjal u l-kapaċitajiet tal-persuni b’diżabilità. Il-Gvern kommess li jkompli jaħdem biex jassigura l-integrazzjoni sħiħa tal-persuni b’diżabilità’ fis-soċjetà u fid-dinja tax-xogħol.
Il-Ministru Cristina qalet li x-xogħol jagħti d-dinjità lill-bniedem kif ukoll l-indipendenza. L-iskema li tnediet llum se toffri opportunitajiet ta’ xogħol lil persuni b’diżabilità li huma ħafna għal qalb il-Gvern.
Hi qalet li matul is-snin, il-Korporazzjoni għax-Xogħol u t-Taħriġ ħadet diversi inizjattivi maħsuba biex jgħinu persuni b’diżabilità jidħlu fid-dinja tax-xogħol. Fost dawn semmiet l-iskema “Bridging the Gap”, l-“Employment Aid Programme” u żewġ Cooperative Agreements ma’ żewġ NGOs li pprovdew taħriġ lil grupp ta’ persuni b’diżabilità li mbagħad kienu impjegati.
Bħalissa hemm madwar 500 persuna b’diżabilità li qed jirreġistraw għax-xogħol, numru żgħir minnhom (35) f’Għawdex. Din l-iskema li tħabbret illum hi waħda minn sensiela ta’ inizjattivi li ħa l-Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol f’dawn l-aħħar snin, favur l-edukazzjoni u l-integrazzjoni fid-dinja tax-xogħol ta’ persuni b’diżabilità.
Pajjiżna llum jista’ jiftaħar li għandu l-anqas rata ta’ tfal b’diżabilità li jmorru fi skejjel speċjali u li għad m’humiex fil-mainstream education. U dawn il-ftit ma kienux integrati għax id-diffikultà li għandhom ma tippermettix li jkunu fi skejjel ordinarji.
Kien hemm numru ta’ inizjattivi li ttieħdu fil-qasam tal-edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali favur persuni b’diżabilità:
Permezz tar-Riforma ta’ l-Iskejjel Specjali, dawn inbidlu f’erba’ Resource Centres. B’hekk l-istudenti li jattendu fihom qed jibbenifikaw mill-esperjenzi differenti li joffru livelli differenti ta’ tagħlim, bħal studenti fil-mainstream. Is-servizzi speċjalizzati li maż-żmien kienu ġew żviluppati f’dawn iċ-Ċentri, issa qed jitgawdew mill-istudenti kollha inkluż dawk li jattendu skejjel mainstream.
Fiċ-Ċentru tar-Riżorsi tal-Wardija qed tiġi pprovduta opportunità ġdida lill-studenti bi ħtiġijiet speċjali aktar severi biex ikomplu bl-istudji tagħhom wara li dawn jagħlqu s-16 il-sena. Il-programm għandu l-għan li jipprepara aħjar l-istudenti għall-ħajja adulta billi jgħinhom isiru aktar indipendenti, itejbu l-ħiliet soċjali tagħhom u jiżvilluppaw il-potenzjal tagħhom biex isibu impjieg.
Komplejna ntejbu s-servizzi ta’ support lill-studenti b’diżabilità li jagħżlu li jkomplu l-istudji tagħhom fil-livell post sekondarju, edukazzjoni vokazzjonali u dak terzjarju. B’hekk żdiedu l-opportunitajiet għal dawn l-istudenti, partikolarment fl-MCAST fejn in-numru ta’ studenti bi ħtiġijiet speċjali li qed jattendu korsijiet mainstream kompla jikber.
Il-programm Pathways fl-MCAST kien konsolidat u llum hu integrat fil-kampus ta’ Kordin. In-numru ta’ student b’diżabilità intelletwali li jipparteċipaw f’dan il-programm kiber konsiderovalment filwaqt li din is-sena l-Istitut għall-Istudji Turistiċi se jintroduci kors ġdid li tfassal apposta biex jipprovdi taħriġ vokazzjonali lil student b’diżabiltà għal impjieg fis-settur tal-ospitalità.
Il-Minstru Cristina qalet li anke l-Korporazzjoni għax-Xogħol u t-Taħriġ ħadet numru ta’ inizjattivi biex tgħin persuni b’diżabilità jidħlu fid-dinja tax-xogħol.
Il-Ministru tal-Ġustizzja, Konsultazzjoni Pubblika u l-Familja Chris Said qal li jqis din l-iskema bħala opportunità oħra għall-persuni b’diżabilità fil-qasam tax-xogħol.
Hu ħeġġeġ lill-Kunsilli Lokali biex jaħtfu ċ-ċans u jimpjegaw persuni b’diżabilità permezz ta’ din l-iskema.
Il-Ministru Said sostna l-importanza ta’ postijiet tax-xogħol aktar inklussivi u ddeskriva bħala pożittivi ħafna l-esperjenza ta’ kumpaniji privati li fix-xhur u s-snin li għaddew impjegaw jew offrew esperjenzi ta’ xogħol lill-persuni b’diżabilità grazzi wkoll għall-impenn u l-ħidma tal-Aġenzija Sapport u l-KNPD fost l-oħrajn.
Il-Ministru Said tenna l-impenn tal-Gvern li jkompli jgħin persuni b’diżabilità jisfruttaw il-potenzjal kollu tagħhom. Hu rrefera għall-Koperattiva ME2! li twaqqfet ftit tax-xhur li ilu u li qed tieħu kuntratti ta’ xogħol minn aġenziji tal-Gvern u minn kumpaniji privati. B’hekk qed jirnexxilha tħaddem numru ta’ persuni b’diżabilità li mhux biss qed jiksbu l-esperjenza neċessarja fid-dinja tax-xogħol iżda wkoll qed jikbru aktar fuq livell personali u soċjali.
Stqarrijiet Oħra:
PR262018
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...
PR262017