NHAR IS-SIBT LI ĠEJ SER TITELLA’ L-FESTA TAT-TONN F’MARSAXLOKK BĦALA PARTI MILL-KAMPANJA NATURALMENT MALTI
Il-Ministeru għar-Riżorsi u l-Affarijiet Rurali huwa kommess li jkompli jxerred l-għarfien fuq il-ġenwinità tal-prodott lokali fis-setturi tal-agrikultura u tas-sajd. Wara li fil-11 ta’ Lulju 2012 ġiet imnedija l-iskema tal-istandard ta’ kwalità Naturalment Malti, il-Ministeru ħaseb u ra li matul dan is-sajf ikompli bil-kampanja ta’ edukazzjoni u informazzjoni lill-pubbliku Malti billi jenfasizza l-benefiċċji tal-prodott frisk u ġenwin lokali. L-attivitajiet ippjanati ser ikunu dawk tat-Tonn, tat-Tadam u tal-Lampuki. Bħal dejjem dawn l-attivitjiet isiru f’forma ta’ festi sabiex, barra li jgħallmu, iservu wkoll bħala ħarġa differenti u divertenti għall-familja kollha.
L-ewwel attività ser tkun il-Festa tat-Tonn, nhar is-Sibt 4 t’Awwissu fir-raħal pittoresk ta’ Marsaxlokk, fil-pjazza Madonna ta’ Pompei li ġiet ukoll imsebbħa propju is-sena l-oħra bi proġett li twettaq mill-Ministeru għar-Riżorsi u l-Affarijiet Rurali, li kien jinkludi wkoll it-tisbiħ tax-xatt ta’ Marsaxlokk. Din l-attività se tkun organizzata bl-għajnuna tal-FMAP (Fundazzjoni Maltija tal-Produtturi fl-Akwakultura), tal-Kunsill Lokali ta’ Marsaxlokk u diversi koperattivi tas-sajjieda. Min jattendi ser ikun jista’ jduq tonn frisk imsajjar f’varjetà ta’ riċetti Mediterranji kif ukoll sushi preparati fil-post minn kokijiet professjonali. Min jitħajjar isajjar t-tonn d-dar se jkollu l-opportunità li jixtri t-tonn frisk bi prezz specjali għall-okkażjoni. Ser ikun hemm ukoll stands informattivi, fosthom fuq varjetá ta’ ħut li jitkabbar f’Malta permezz tal-akkwakultura, bħall-awrat, l-ispnott u l-aċċol. Iċ-Ċentru Malti għar-Riċerka fl-Akkwakultura ser ikun qed jesibixxi diversi speċi ta’ ħut li jitkabbru f’dan iċ-Ċentru f’akkwarju kbir. Min jixtieq ftit avventura se jkollu ċ-ċans imur mawra fuq lanċa tas-sajd sa farm tat-tonn ftit ’l barra mill-bajja ta’ Marsaxlokk u hemmhekk issir spjegazzjoni dettaljata fuq il-proċess tat-trobbija tat-tonn min-nies midħla tas-suġġett.
F’din l-attivitá ma jonqosx programm ta’ divertiment varjat u kontinwu addattat għall-membri kollha tal-familja. Għal iktar dettalji u informazzjoni tista’ żżur il-website www.mrra.gov.mt, tibgħat email fuq naturalmentmalti.mrra@gov.mt, tidħol fil-paġna NaturalmentMalti fuq Facebook, jew iċċempel fuq 22924110/4130.
Other Press Releases:
PR262018
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...
PR262017